Mużika Mod Ieħor – 692

 Is-sensiela Mużika Mod Ieħor ma’ Toni Sant tkompli bis-692 edizzjoni li huwa l-ħames programm fit-tieni staġun għar-radju.

PARTI 1: Diski ġodda li ħarġu dan l-aħħar.

  • Violent Violets 2y (minn Tame Remix ta’ That bb)
  • Patryk Cutajar Burnt Endz
  • Andre Camilleri This World Will Break Your Heart
  • Fake OpheliaSpanish Drifter
  • Cora Love Me

> Id-dettalji tad-diski u recordings oħra kollha li ħarġu matul l-2024 issibhom permezz tal-Wikipedija.

 

PARTI 2: Kont taf li Kewn Records jinstabu fuq il-Wikipedija? Minn żmien għal żmien nitkellem dwar it-tikketti tad-diski Maltin, sew waqt MMI kif ukoll f’okkazzjonijiet oħra. U jidher li dawk l-okkazzjonijiet oħra issa jinkludu wkoll il-Wikipedija. Fl-aħħar jiem kont involut fil-ħolqien t’artiklu dwar il-Kewn Records. Issa l-biċċa hi li jiena anqas jien ċert 100% kif suppost tippronunzja Kewn, u naħseb li dak parti mill-iskop wara dan l-isem. Nick Morales, James Vella u Nicholas Bonello huwa l-persuni involuti direttament fit-tħaddim ta’ din it-tikketta li ilha għaddejja sa mill-2017 meta ħarġu casette b’għazla ta’ siltiet minn artisti Maltin li eventwalment ma nistgħux ngħidu li kollha komplew jaħdmu ma’ din it-tikketta; il-cassette kien jismu Being In Space and Time. Fost dawk li ħadmu sew mal-Kewn Records hemm BILA, the Areola Treat u Krishna. Oħrajn assoċjalti sew magħhom jinkludu 400PPM, Dalam u 5 Years from Now. Interessanti ukoll il-ħruġ mill-ġdid ta’ album u EP li oriġinarjament ħarġu biss fuq CD minn Dolls for Idols u Massacare House Party. L-album favorit tiegħi minn din it-tikketta tad-diski indubjament huwa Saru l-Qamar ta’ A Lily.  Illum għażilt li ndoqq dawn mingħand Kewn Records

  • Ferret Praxis
  • The Areola TreatInto My Shadow
  • Dolls for IdolsRave ‘n Roll
  • A LilyĦajti Kollha, Qalbi
> Ara l-artiklu dwar Kewn Records fuq il-Wikipedija

Carlo Muscat - The Body Is Only Light album cover art

PARTI 3: L-album tal-lum huwa The Body Is Only Light ta’ Carlo Muscat. Dan huwa s-seba’ album tas-sassofonist Malti Carlo Muscat. Beda bħala proġett mużikali f’Kyiv meta l-Ukrajna kienet invaduta mir-Russja. Muscat kien diġà familjari ma’ dik il-belt għal xi snin u allura kien kważi naturali li l-affarijiet żviluppaw hekk għal dan l-album. Minkejja l-gwerra, dan il-mużiċist Malti issa huwa bbażat f’Kyiv.  Il-ħoss tas-sassofonu ta’ Carlo Muscat jispikka sew f’dan l-album, b’mod partikolari għax fil-biċċa l-kbira tas-siltiet miktuba minnu stess huwa akkumpanjat biss mid-drums (Dmytro Lytvynenko) u kuntrabaxx (Kostiantyn Ionenko). L-album ħareġ fil-25 ta’ Ottubru 2024 fuq it-tikketta tad-diski Amerikana Ears and Eyes Records. Minnu jien għażilt li ndoqq dawn illum:

  • Totoro
  • Holier
  • Lisovyk

> Isma’ u/jew niżżel l-album The Body Is Only Light ta’ Carlo Muscat fuq Bandcamp

 

Mużika Mod Ieħor huwa produzzjoni tal-Fondazzjoni M3P u jixxandar fuq Campus 103.7 kull nhar ta’ Ħamis fis-6pm + fil-11pm u s-Sibt fis-2pm.

Comments

Leave a comment…