Blog

  • Mużika Mod Ieħor – 768

    Mużika Mod Ieħor – 768

    Is-sensiela Mużika Mod Ieħor ma’ Toni Sant tkompli bis-768 edizzjoni li huwa l-ħames programm fit-tmien staġun għar-radju.

    PARTI 1: Diski ġodda li ħarġu dan l-aħħar.

    • Ġiżimina Il-Qamar
    • Kym Pepe Settembru
    • GinX – Rifless tal-Preżent
    • Crain u Relliker – Kanna u Xejn Iżjed
    • Aidan Cowboys Don’t Cry

    > Id-dettalji tad-diski u recordings oħra kollha li ħarġu matul l-2026 issibhom permezz tal-Wikipedija.

     

    PARTI 2: X’sibt fl-arkivji tal-Yahoo Mail dil-ġimgħa? Bħal kull min juża s-servizz tal-email tal-Yahoo, dan l-aħħar irċivejt messaġġ jgħidli li se jbiddlu l-ammont ta’ spazju disponibbli għall-utenti mingħajr ħlas. Jiena ili nuża s-servizz tal-Yahoo għall-emails personali sa mis-seklu l-ieħor.  Jidhirli li bdejt fl-1998. U allura issa qed indur dan il-kont biex nara x’hemm li jista’ jitħassar. Sibt kwantità kbira ta’ email b’attachments kbar li huma diversi tracks li rċivejt mingħand mużiċisti u kantanti li jitolbuni nikkunsidra xi ħaġa ġdida tagħhom għal waqt xi edizzjoni ta’ MMI.  U allura llum – u forsi anke nkompliha din darb’ oħra – qed naqsam magħkom uħud mis-siltiet li sibt jien u nħassar ħafna emails qodma li m’għandix bżonn aktar.  Is-siltiet mużikali qed inżommhom sintendi, flimkien m’uħud mill-aktar emails pertinenti li rċivejt matul is-snin.

    • Eleanor CassarAdagio (2013)
    • Stefanos [Stefan Mifsud] – Home Is Where the Heart Is (2011)
    • TroffaĦamra – In the Streets of Barcelona (2011)
    • Alvin Gee feat. Aaron Benjamin – Feel Alive
    • Jeremy T feat. RaquelaLoved & Lost (2009)
    • John Laus u Rita FarrugiaGħatini Daqsxejn (1973)

     

    Melchior Sultana - Interstate EPPARTI 3: L-album tal-lum huwa Interstate ta’ Melchior Sultana. Dan l-album huwa ppreżentat bħala EP. Aktarx għax fih sitt siltiet biss u mhux minħabba t-tul ta’ ħin totali. F’sens ta’ ħin żgur li nistgħu nqisuh bħala album. Melchior Sultana huwa esponent regolari fuq MMI, u dan għal bosta u bosta snin għax issa ilu attiva għal madwar 20 sena.Dan l-EP jew album inħareġ fuq is-solita tikketta tad-diski ta’ Sultana stess, jiġifieri Profound Sound Music. Minnu llum għażilt dawn:

    • It’s Alright
    • Fairground
    • The Definition

    > Isma’ jew niżżel l-EP Interstate ta’ Melchior Sultana fuq Bandcamp

    Mużika Mod Ieħor huwa produzzjoni tal-Fondazzjoni M3P u jixxandar fuq Campus 103.7 kull nhar ta’ Ħamis fis-6pm + fil-11pm.

     

  • Mużika Mod Ieħor – 767

    Mużika Mod Ieħor – 767

    Is-sensiela Mużika Mod Ieħor ma’ Toni Sant tkompli bis-767 edizzjoni li huwa r-raba’ programm fit-tmien staġun għar-radju.

    PARTI 1: Diski ġodda li ħarġu dan l-aħħar.

    • Andre Camilleri Midnight on Brunswick Street
    • LighthouseCrime
    • ZÖEThis Restless Mind
    • Ira LoscoKuntenta Kif Jien
    • Kaya Gouder Curmi Sliem (Lil Aurelio Belli)
    • Daniel Cauchi Inħobbok Aurelio

    > Id-dettalji tad-diski u recordings oħra kollha li ħarġu matul l-2026 issibhom permezz tal-Wikipedija.

     

    PARTI 2: X’ħoss jagħmel l-EP ta’ Keith Anthony? Lil dan il-kantawtur Għawdxi, aktarx li nafuh aktar bħala nofs id-duo Chasing Pandora. Madankollu, dan mhux l-ewwel proġett mużikali ta’ Keith Anthony apparti c-Chasing Pandora. Fit-13 ta’ April 2026 huwa ħareġ EP bl-isem ta’ Under the Surface.  Fil-verità anqas m’hu EP preċiżament, imma aktar mini-album. Dan għax fih hemm 4 siliet u ebda waħda minnhom ma jisimha Under the Surface. L-erbgħa siltiet huma dawn:

    • Almost Kept
    • Steam
    • Applaud
    • The Long Way Home

    > Isma’ l-mini-album Under the Surface ta’ Keith Anthony fuq Spotify

     

    Ivan Grech - Victory Street album cover artPARTI 3: L-album tal-lum huwa Victory Street ta’ Ivan Grech. Jidhirli li dan huwa l-album debutt ta’ Ivan Grech mingħajr il-grupp Winter Moods, li daqq u rrekordja magħhom għal kważi 40 sena. M’hemmx xi differenza kbira fl-istil tal-mużika u allura s-segwaċi ta’ dan il-kantant popolari żgur li mhux se jiddiżappuntaw rwieħhom. Fl-istess waqt tajjeb ninnotaw ukoll li xi erba’ mis-siltiet li hemm f’dan l-album diġà nħarġu bħala singles promozzjonali sa mis-sena li għaddiet, anke b’music video magħhom. L-album ħareġ fit-13 t’April u milli nista’ nifhem hemm verjżoni tiegħu fuq CD u vinyl ukoll apparti fuq il-pjattaformi diġitali bħal Spotify. Ivan Grech qed jipprepara wkoll kunċert fis-Sala Temi Żammit tal-Università nhar il-Ġimgħa 8 ta’ Mejju 2026. Minnu llum għażilt dawn:

    • Victory Street
    • Neverending
    • (Let’s Get) High on Love
    • Picture on the Wall
    • Not My Soul

    > Isma’ l-album Victory Street ta’ Ivan Grech fuq Spotify

    Mużika Mod Ieħor huwa produzzjoni tal-Fondazzjoni M3P u jixxandar fuq Campus 103.7 kull nhar ta’ Ħamis fis-6pm + fil-11pm.

     

  • Mużika Mod Ieħor – 766

    Mużika Mod Ieħor – 766

    Is-sensiela Mużika Mod Ieħor ma’ Toni Sant tkompli bis-766 edizzjoni li huwa t-tielet programm fit-tmien staġun għar-radju.

    PARTI 1: Diski ġodda li ħarġu dan l-aħħar.

    • Kantera Ir-Reġjun Port
    • Glen VellaLogħob Li Jgħaqqadna (Tema ta’ Malta School Games 2026)
    • Karm Debattista Fields of Praise
    • Ivan Grech Show Me How To Love You
    • Luke Chappell Whitecar

    > Id-dettalji tad-diski u recordings oħra kollha li ħarġu matul l-2026 issibhom permezz tal-Wikipedija.

     

    PARTI 2:  Tislima lil Aurelio Belli (1976–2026)

    Ftit tal-ġranet ilu, propju nhar il-Ħadd 12 ta’ April 2026, tħabbret il-mewt bikrija ta’ Aurelio Belli, li kelli 49 sena. Aurelio Belli kien mużiċist maħbub u rispettat ferm, sew għall-ħidma tiegħu fid-dinja tal-mużika pop, kif ukoll għax-xogħol tiegħu mal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, u anke l-Banda Duke of Connaught’s Own ta’ Birkirkara, li tagħha kien ilu surmast sa mill-2017.

    F’dawn l-aħħar snin Belli kien magħruf l-aktar bħala arranġatur tal-mużika popolari, b’mod partikolari meta jidħlu elementi orkestrali fiha.  Hawn aktarx li huwa magħruf l-aktar ix-xogħol tiegħu ma’ Rockestra, jew anke l-arranġament il-ġdid tat-tema tal-maratona ġbir ta’ fondi magħrufa bħala Oħloq Tbissima.

    Indubjament li l-aktar drabi li rawh in-nies kien meta dderiġa l-orkestra waqt xi waħda mill-edizzjonijiet tal-festival tal-kanzunetta Maltija, Mużika Mużika. Madankollu, huwa kien idoqq ukoll, ħafna drabi l-ewfonju jew it-trumbun, inkluż mal-Versatile Brass ta’ Paul Borg, kif ukoll f’duo ma’  Jesmond Azzopardi bid-daqq tal-ewfonju.

    Aurelio Belli jibqa’ miftakar mill-bosta mużiċisti li ħadmu miegħu matul il-karriera tiegħu għall-ħafna kwalitajiet sbieħ li kellu. In-nuqqas tiegħu se jinħass żgur, u minn hawn nagħtu l-kondoljanzi lill-familja tiegħu, kif ukoll lill-kollaboraturi mużikali kollha tiegħu. Id-dawl ta’ dejjem jiddi fuqu.

    • Paul Giordimaina u Qalb (Petra Zammit, Anna Azzopardi, Gloriana Arpa Belli  – Għalxejn
    • Duke of Connaught’s Own BandIs-Surmast il-Ġdid
    • Karm DebattistaOħloq Tbissima
    • Aurelio Belli + Jesmond Azzopardi – Czárdás (2008)
    • The Travellers + Sarah Bonnici – Marija l-Maltija (minn Mużika Mużika 2026)

     

    Cover of Kewkba fl-Univers by Janice MangionPARTI 3: L-album tal-lum huwa Kewkba fl-Univers ta’ Janice Mangion. Dan huwa l-album debutt ta’ din il-kantanta popolari Maltija. Hija magħrufa l-aktar mhux biss għall-kanzunetti tagħha bil-Malti imma wkoll għall-fatt li hija fost l-aktar proponenti ferventi tal-ilsien Malti fil-kuntest tal-Eurovision Song Contest. Għalkemm f’dak il-qasam is-suċċess mixtieq ma wasalx, xorta waħda nħoss li hija rebħet il-qlub ta’ bosta ammiraturi u segwaċi tax-xena mużikali popolari f’Malta. Bil-kanzunetti tagħh. Minn dan l-album illum għażilt li ndoqq dawn:

    • Univers
    • Għadu Mhux il-Waqt
    • Kewkba
    • Ġawhra f’Qalbi
    • Teżor

    > Isma’ l-album Kewkba fl-Univers ta’ Janice Mangion fuq Spotify

    Mużika Mod Ieħor huwa produzzjoni tal-Fondazzjoni M3P u jixxandar fuq Campus 103.7 kull nhar ta’ Ħamis fis-6pm + fil-11pm.

     

  • Mużika Mod Ieħor – 765

    Mużika Mod Ieħor – 765

    Is-sensiela Mużika Mod Ieħor ma’ Toni Sant tkompli bis-765 edizzjoni li huwa t-tieni programm fit-tmien staġun għar-radju.

    PARTI 1: Diski ġodda li ħarġu dan l-aħħar.

    • The Busker Un/Lovable
    • Raquela Sweet Nothings
    • Janice Mangion Ammen
    • Mikayla Wiċċ ta’ Grazzja
    • Delirium The Deceased

    > Id-dettalji tad-diski u recordings oħra kollha li ħarġu matul l-2026 issibhom permezz tal-Wikipedija.

     

    PARTI 2:  Tislima lil Edmond Zarb (1945–2026)

    Edmond Zarb kien figura magħrufa fil-qasam letterarju kif ukoll mużikali Malti, b’mod partikolari fl-aħħar 3 deċenji tas-seklu 20,  Huwa twieled fit-2 ta’ Marzu 1945 u beda l-karriera tiegħu bħala pjanist minn età żgħira, taħt iismu propja: Joseph Zarb. Eventwalment stabbilixxa ruħu bħala pjanista professjonali b’repertorju wiesa’ li kien jinkludi kemm mużika klassika kif ukoll mużika ħafifa. Għal aktar minn tletin sena serva bħala pianista residenti fil-Hilton International Malta u wara daqq ukoll regolarment fil-Westin Dragonara Resort.

    Barra mill-mużika, Edmond Zarb kellu mħabba kbira lejn il-lingwa Maltija u l-kitba. Apparti l-kliem tal-biċċa l-kbira tal-kanzunetti tiegħu, huwa kiteb diversi rumanzi, novelli u xogħolijiet oħra. Uħud mill-kitbet tiegħu anke ġew adattati għal radju u televiżjoni, u kien hekk li possibilment jibqa miftakar aktar bħala kittieb milli għall-mużika tiegħu.

    Riċentement tħabbret il-mewt tiegħu, propju fit-2 ta’ April 2026.u biex insellmulu minn hawn għażilt dawn il-kanzunetti tiegħu:

    • Edmond ZarbRajtek (verżjoni bil-pjanu biss minn Lingering Memories of Love – 2011)
    • Joe Cutajar + Incorvaja Twins – X’Fettillek Tlaqt (1977)
    • Helen Micallef – Mat-Tnegħid Tal-Mewġ (1992)
    • Renato – Rajtek

    > Isma’ ll-album Lingering Memories of Love ta’ Edmond Zarb fuq Soundcloud 

     

    PARTI 3: L-album tal-lum huwa Perelejżer-Perelejżer ta’ Brodu. Dan huwa l-ħames album ta’ dan il-grupp Malti tant maħbub, jekk tgħodd ukoll il-mini album Bambinella tal-2021  allura jiġu sitta. L-album fih 11-il silta ġdida u ħareġ fl-1 ta’ April 2026. Wara li fl-edizzjoni ta’ qabel din ta’ MMI inkludejt is-single promozzjonali minn Kollox Jgħaddi, llum għażilt li ndoqq dawn:

    • Perelejżer-Perelejżer
    • Il-Kaċċatur
    • Lura d-Dar
    • Xenqiet Tropikali

    > Isma’ jew niżżel l-album Perelejżer-Perelejżer ta’ Brodu fuq Bandcamp

    Mużika Mod Ieħor huwa produzzjoni tal-Fondazzjoni M3P u jixxandar fuq Campus 103.7 kull nhar ta’ Ħamis fis-6pm + fil-11pm.