Skip to content

Mużika Mod Ieħor – 681

Is-sensiela Mużika Mod Ieħor ma’ Toni Sant tkompli bis-681 edizzjoni li huwa s-seba’ programm fl-ewwel staġun għar-radju.

PARTI 1: Diski ġodda li ħarġu dan l-aħħar.

  • Matthew James Paradise
  • Kurt Kind So Bored
  • Krista Šujak Stronger (remix)
  • God BeltGates (mill-album Ovifat)
  • Vince BongailasChange + Remember (1964 EP)

> Id-dettalji tad-diski u recordings oħra kollha li ħarġu matul l-2024 issibhom permezz tal-Wikipedija.

 

PARTI 2: Min huma Amalgamate? Il-mistoqsija għall-kurżità tal-lum hija verament xierqa għax għandi dubji serji kemm hemm min jista’ jwieġeb din il-mistoqsija ħlief forsi Andre Micallef Grimaud u Peter Schranz li kienu ż-żewġ membri ta’ dan id-duo attiv f’nofs is-snin 70. Madwar 5 snin ilu huma ħarġu ġabra ta’ recordings tagħhom maqbuda bejn l-1974 u l-1977. Andre Micallef Grimaud għandu konnessjoni max-xena mużikali attwali għax bintu Lisa hija l-kantanta tal-grupp Malti The Areola Treat, li kellna l-opporunità nisimgħu l-mużika tagħhom diversi drabi waqt MMI matul is-snin. Dwar Peter Schranz ftit li xejn naf, ħlief li m’għandix dubju li huma mill-familja tal-artisti Schranz stabbiliti f’Malta għal aktar minn żewġ sekli: dixxendenti ta’ Anton Schranz, uliedu  Giovanni, Antonio, u Giuseppe, kif ukoll iben Giovanni, Costantino, u x’naf jien, sa ma naslu f’Ian Schranz fi żmienna. It-tlett siltiet li għażilt illum aktarx li huma minn recording li kien sar fl-istudios tar-Rediffusion kif ittarfilna l-announcer minn dak iż-żmien, fejn issemi wkoll żewġ siltiet oħra – waħda tal-Beatles u oħra ta’ Elton John – li mhux inklużi la hawn u anqas fuq il-ġabra maħruġa fuq Soundcloud fl-1 ta’ Frar 2019.

  • Midnight Mist
  • Philonova Classic
  • Rodomel

Simon Sammut - Visions of Transcendence album cover art

PARTI 3: L-album tal-lum huwa Visions of Transcendence ta’ Simon Sammut. Dan huwa r-raba’ album ta’ Simon Sammut wara Bassic Attitude (2011) u Crossing (2017), kif ukoll il-kollaborazzjoni tiegħu ma’ Omar Vázquez, Gravity. Flimkien ma’ Simon Sammut fuq l-album Visions of Transcendence hemm diversi mużiċisti minn pajjiżi li jinkludu l-Italja, l-Istati Uniti, l-Arġentina, il-Kanada, l-Ukrajna, kif ukoll Malta.Fil-verżjoni tal-album maħruġa fuq Bandcamp hemm lista sħiħa tagħhom. L-album ħareġ għall-bejgħ ukoll fuq CD u vinyl, apparti bħala digital download, fid-17 ta’ Lulju 2024.  Minnu għażilt dawn is-siltiet għal-lum:

  • Visions of Transcendence
  • Pure and True
  • Guiding Light
  • Take the Next Flight

> Isma’ jew niżżel l-album Visions of Transcendence ta’ Simon Sammut fuq Bandcamp

 

Mużika Mod Ieħor huwa produzzjoni tal-Fondazzjoni M3P u jixxandar fuq Campus 103.7 kull nhar ta’ Ħamis fis-6pm + fil-11pm u s-Sibt fis-2pm.

Leave a comment...