Mużika Mod Ieħor beda bħala l-ewwel sensiela ta’ poddati bil-Malti fid-dinja f’Novembru tal-2005. Kien tkomplija fuq xandiriet oħra bl-internet li kienet tagħmel il-kumpanija MaltaMedia, sa mill-1998. Dawk kienu jissejħu webcasts, għax il-fenomenu tal-podcasts ġie mal-invenzjoni tal-iPod ftit wara s-sena 2000. L-ewwel edizzjoni ta’ Mużika Mod Ieħor fetħet bid-diska tal-grupp Xtruppaw, Ġenerazzjoni ta’ Meqrudin. Kienet it-tip ta’ mużika li ebda stazzjon tar-radju f’Malta ma kien idoqq, dak iż-żmien. U għalhekk Mużika Mod Ieħor, apparti raġunijiet oħra.
Għall-ewwel 10 snin wara l-2005, Mużika Mod Ieħor kien jitwassal permezz tal-MaltaMedia Online Network, iżda f’Marzu tal-2016 qlibna għal fuq il-YouTube b’format ġdid li kien jinkludi l-videos tal-siltiet inklużi f’kull edizzjoni. Din hija parti mill-istorja ta’ Mużika Mod Ieħor għax timmarka wkoll il-wasla ta’ video għal kważi kull silta mużikali ġdida. Kien ukoll il-bidu tat-tmiem għas-CDs bħala format li bih jinħarġu d-diski, u l-videos fuq YouTube u pjattaformi oħra, kif ukoll id-downloads minn siti bħal Bandcamp bdew isiru aktar prevalenti. L-ewwel video li urejna fl-2016 kien Dak Li Int tat-Travellers.
L-istorja tkompli, sintendi, u b’Mużika Mod Ieħor fuq Campus 103.7 niftħu kapitlu ġdid, li jwaħħad l-isforzi tagħna matul dawn l-aħħar 20 sena biex tindaqq aktar mużika minn Malta fuq ir-radju. U allura aktar Mużika Mod Ieħor, għax bix-xieraq li fuq ir-radju nisimgħu kull tip ta’ Mużika Minn Malta ta’ kull żmien, u li diski memorabbli jibqgħu jindaqqu regolarment, jew tal-anqas minn żmien għal żmien. Bħal per eżempju din, li konna ftaħna biha l-ewwel edizzjoni ta’ Mużika 21 f’Ottubru tal-2021 – Waiting On You ta’ Lleeggss duo magħmul minn Jon Calleja u Mike Stivala, li sparixxa wara li tawna din is-silta u oħra bl-isem ta’ Cigarette.
PARTI 3: L-album tal-lum huwa The Grief Aftermath ta’ Fade Into Obscurity. Dan l-album ħareġ fit-8 ta’ Marzu 2024 u għalkemm qrajt intervista sħiħa dwaru minn Ben Mifsud Joslin (li tista’ ssibha hawn) li nafuh riċentament mal-grupp Eyes to Argus (aktar dwarhom il-ġimgħa d-dieħla) ftit li xejn naf dwar l-artist li jippreferi jibqa anonimu u jinħeba wara l-isem Fade Into Obscurity. Jikkollabora miegħu Julinu fuq id-drums u d-disin tal-qoxra tal-album. Mill-bqija isma’ l-mużika u ddeċiedi int li trid. L-album kollu ssibu fuq Bandcamp. Diġà kellna ċans nisimgħu is-silta Let them Float minnu fil-programmi li kellna fis-sensiela ta’ qabel din. Minn dan l-album għażilt dawn is-siltiet:
Leave a comment…