Is-sensiela Mużika 21 tkompli bid-59 edizzjoni li huwa s-seba’ programm fil-ħames staġun.
PARTI 1: Diski ġodda li ħarġu dan l-aħħar.
- Il-Kalakku ft. Esther Spiteri – Isma’ Talbi
- Ema Vella – Luv
- Angela Vella Zarb – Lush Life
- Ben Mifsud Joslin – Vleġġa Bla Ħeġġa
- DiggerThings ft. Graham Bonnet – Soul Searching
> Id-dettalji tad-diski u recordings oħra kollha li ħarġu s’issa matul l-2022 issibhom permezz tal-wiki tal-M3P.
PARTI 2: Ara ġej is-Suffarin! Adolf Formosa jirritorna fix-xena tal-mużika alternattiva b’preparament għal album li jismu Blata. Isem li juri wkoll kemm dan il-kantawtur daħal fl-idea li jagħmel album ta’ kanzunetti rock bil-Malti. Dan il-materjal ta’ Suffarin ħareġ għall-pubbliku waqt show li sar f’Novembru tas-sena l-oħra meta l-grupp Brodu daqqew fi Spazju Kreattiv biex iniedu l-album tagħhom Bambinella. La joħroġ l-album Blata tas-Suffarin, minn hawn u ftit ieħor, ikun l-album tal-ġurnata u ndoqqu siltiet minnu fit-tielet parti tal-programm. Għal-lum xtaqt naqsam magħkom uħud mis-siltiet li hemm fih:
- Għall-Frisk
- Nofs Mewta
- Fix-xej
- Oħt Rokku
> Sib is-Suffarin fuq Facebook (imma tistannix wisq!)
PARTI 3: L-album tal-lum huwa The Chemistry of the Heart ta’ One Pixel Moon. Dan l-album aktar qisu EP imma xorta fih diversi siltiet varjati mingħand Sylvan Borg li ilu jdoqq u jirrekodja b’dan l-isem għal mill-anqas dawn l-aħħar sentejn, tlieta. Filfatt dan huwa r-raba’ EP tiegħu bħala One Pixel Moon. Dan il-kantawtur Malti kien wieħed minn dawk li nkludejt il-mużika tagħhom waqt il-poddati ta’ Mużika Mod Ieħor sa minn żmien l-era tal-MySpace! Dan għax emmint, u għadni nemmen, li dawn huma t-troubadours tal-kanzunetta Maltija fid-daħla tas-seklu 21. Fil-programm tal-ġimgħa d-dieħla ndoqqilkom silta ta’ One Pixel Moon bil-Malti, imma llum se nisimgħu xi siltiet minn The Chemistry of the Heart:
- Lady Grace, Brother Truth
- Last Night
- Love Is
- Brussels by Night
> Isma’ l-album kollu The Chemistry of the Heart ta’ One Pixel Moon fuq Spotify.
Mużika 21 huwa produzzjoni tal-Fondazzjoni M3P u jixxandar fuq Campus FM kull nhar ta’ Tnejn f’12:00pm u l-Ħamis fis-6:00pm.