Is-sensiela Mużika Mod Ieħor ma’ Toni Sant tkompli bis-798 edizzjoni li huwa d-disa’ programm fl-għaxar staġun għar-radju.
PARTI 1: Diski ġodda li ħarġu dan l-aħħar.
- Cyberia – Wasal il-Mument
- Shaun Farrugia – Say One Day You’ll Come Back To Me
- ONE11 – Jipprovaw
- Kiita C – Get Well Soon
- Johann Caruana – Feels Like Home
- Mark Anthony Bartolo – Ilbieraħ
> Id-dettalji tad-diski u recordings oħra kollha li ħarġu matul l-2026 issibhom permezz tal-Wikipedija.
PARTI 2: X’konnessjoni għandu ma’ Malta Desert Sand Feels Warm At Night? Il-kurżità tal-lum ġejja mingħand Colin Fitz. Desert Sand Feels Warm At Night huwa proġett tal-mużiċist Ingliż William Hallworth-Cook. Fil-qosor il-proġett magħruf ukoll bħala Desert Sand. Il-kurżità iddur mal-fatt li Desert Sand ħareġ diversi siltiet mużikali fuq Bandcamp li għandhom ismijiet bil-Malti. Fost dawn hemm żewġ albums bl-isem ta’ Vjaġġ tal-Qalb (2025) u Foresti Traxxendenti (2026). Inċidentalment dan il-ġeneru mużikali jissejjaħ slushwave. Jidher li l-ewwel użu tal-Malti minn Desert Sand kien fil-kollaborazzjoni ma’ Days of Blue Skies fl-2024 fl-album li jismu Perli tal-Passat. Ktibt lil William Hallworth-Cook biex nistaqsih dwar il-konnessjoni tiegħu ma’ Malta jew tal-anqas aktar tagħrif dwar għaliex juża ismijiet bil-Malti f’dawn l-albums, iżda sa meta ġejt biex nirrekordja din l-edizzjoni ta’ MMI kont għadni ma rċivejtx tweġiba. Irrelevanti minn dan kollox, jidher li l-użu tal-Malti minn Desert Sand huwa sempliċiment għażla estetika — fi kliem ieħor, sempliċiment għax cool.
- Il-Mument Jistenna
- Kanvas Imkisser
- Kawża Mitlufa
- Ħalli ż-Żona ta’ Kumdità
> Isma’ u niżżel il-mużika ta’ Desert Sand Feel Warm fuq Bandcamp
PARTI 3: L-album tal-lum huwa XKSOVER ta’ Brikkuni. Dan huwa l-ħames album ta’ dan il-grupp stabbilit u popolari ferm fix-xena tal-mużika alternattiva f’Malta. Għalkemm l-album ħareġ fl-10 ta’ Novembru, it-tnedija formali tiegħu qed issir b’kunċert fit-Teatru tas-Salezjani tas-Sliema nhar is-Sibt 28 ta’ Novembru. Mill-album ħareġ ukoll video promozzjonali bis-solta Ħolma, u Mario Vella — il-brikkun priċipali u perenju — spejga f’intervista riċenti li dan l-album jaf il-bidu tiegħu f’ultimatum li kien irċieva mingħand Andrew Schembri madwar ħames snin ilu għall-produzzjoni ta’ mużika pożittiva u li ttik gost bil-ferħ, jew xi ħaġa hekk insomma. L-aħħar silta fl-album hija ddedikata għal Andrew, li sfortunatament miet fid-29 ta’ Ġunju 2023. Mario qalilna wkoll li s-silta favorita tiegħu minn dan l-album hija Nemel. Allura minnu llum għażilt dawn:
- Ħolma
- Funk tal-Qamel
- Andrew
- Nemel
> Isma’ l-album XKSOVER tal-Brikkuni kollu fuq Spotify
Mużika Mod Ieħor huwa produzzjoni tal-Fondazzjoni M3P u jixxandar fuq Campus 103.7 kull nhar ta’ Ħamis fis-6pm + fil-11pm.
Podcast: Play in new window | Download () | Embed
Subscribe: Apple Podcasts | RSS | More

Leave a comment…