Il-Vjaġġi Enċiklopediċi tiegħi, is-sensiela radjufonika fuq Campus FM, tasal fi tmiemha (tal-anqas għalissa) b’żewġ programmi li jagħtu ħarsa sew lejn l-attivitajiet tal-Wikimedia Community Malta u ħarsa lura lejn il-mistednin mill-moviment globali tal-Wikimedia li dehru fl-aħħar tliet xhur. Dawn huma l-ħamsa w għoxrin u s-sitta w għoxrin programm, li jiġi t-tnax u t-tlettax-il wieħed fit-tieni sensiela.
Minn Wikimedia Community Malta niltaqgħu ma’ Neville Borg u Enrique Tabone fejn nisimgħu dwar l-attivitajiet ġenerali ta’ din l-għaqda voluntarja matul is-sena 2021, b’attenzjoni speċjali għall-inizjattiva Art+Feminism u taħriġ marbut maċ-ċelebrazzjoni tal-20 anniversarju mil-ħolqien tal-Wikipedia fl-2001.
Fit-tieni parti ta’ l-ewwel minn dawn iż-żewġ programm, fejn nimirħu fl-odisseja enċiklopedjana, nagħti wkoll ħarsa lejn l-ewwel artiklu li ktiebt (jew aħjar ittraduċejt) jien stess fuq il-Wikipedija bil-Malti, li huwa dwar il-belt sabiħa ta’ Venezja.
Il-programm huma disponibbli online wara li jixxandru t-Tlieta fil-4:30pm, jew fir-ripetizzjoni ta’ nhar il-Ħamis fit-3pm.
Dis-sensiela hija produzzjoni tal-M3P Foundation għal Campus FM.