Mużika Mod Ieħor – 700

Is-sensiela Mużika Mod Ieħor ma’ Toni Sant tkompli bis-700 edizzjoni li huwa t-tlettax-il programm fit-tieni staġun għar-radju.

PARTI 1: Diski ġodda li ħarġu dan l-aħħar.

  • Matthew James People
  • Krista Šujak – words unspoken.
  • Melchior Sultana feat. Janelle PuloGhost (minn Higher Ground)
  • The Crowns feat. Jimmy Tyrrell  Out of Our Minds (minn breakupbeard)
  • Damaged and Co.Reflections
  • Christine DalliNella Fantasia
  • Kapitlu TlettaxUġigħ Mistur
  • One11Ruħ Twajba
  • ListonIdolu

> Id-dettalji tad-diski u recordings oħra kollha li ħarġu matul l-2024 issibhom permezz tal-Wikipedija.

PARTI 2:  Kif tiċċelebra 700 poddata ta’ Mużika Mod Ieħor? Bilkemm irrid nemmen li wasalna għas-700 poddata ta’ Mużika Mod Ieħor. Ħabtet eżatt mal-aħħar edizzjoni għall-2024, li huwa wkoll it-tlettax-il programm fit-tieni sensiela għar-radju fuq Campus 103.7. Mill-edizzjoni li jmiss mhux biss nibdew il-poddati għall-2025 imma nkomplu bit-tielet sensiela fuq Campus 103.7 kull nhar ta’ Ħamis filgħaxija. Aktar minn dan, però, f’Novembru tas-sena l-ġdida il-poddati ta’ Mużika Mod Ieħor ikun ilhom joħorġu 20 sena, u naħseb li għal dik l-okkazzjoni nagħmel xi ħaġa partikoli f’din it-tieni parti ta’ kif inhu mqassam l-andament ta’ Mużika Mod Ieħor issa.  Bħala mużika kommemorattiva, jekk dik hija l-kelma xierqa, għażilt 3 siltiet. Waħda mingħand l-iXtruppaw li kienu l-ewwel grupp li daqqejt waqt Mużika Mod Ieħor fl-2005 u ispirazzjoni kbira għalija dejjem. It-tieni hija diska li nqisha fost l-aktar favoriti tiegħi u li kieku ma kienx għall-poddati ta’ Mużika Mod Ieħor aktarx li qatt ma kont insir naf biha. U fl-aħħar għandi silta mill-aktar album riċenti ta’ The New Victorians – Ninni:  Album tal-Milied – li għażilt bħala l-album tal-ġimgħa fl-edizzjoni ta’ qabel din tal-lum.

  • XtruppawDear Poni
  • Lejla MaltijaIl-Ġuvni Ħasan
  • The New Victorians – Stilla
    Vinyl Paradise 2024 album cover art

PARTI 3: L-album tal-lum huwa Vinyl Paradise ta’ Vinyl Paradise. L-album tal-lum huwa wieħed xieraq tassew għas-700 edizzjoni tal-poddata. Id-diski ta’ 33 dawra u terz reġgħu ġew in voga sew fl-aħħar snin u din is-sena jidher ċar li qabdu sew. Il-grupp Vinyl Paradise indubjament għażel ismu b’rabta mal-element nostalġiku u l-moda tal-hipsters lejn dan il-mezz mill-aktar skomdu biex titwassal il-mużika. Ma rridx ninsma’ li jiena komplement kontra l-vinyl bħala mezz xieraq għat-tixrid tal-mużika. Imma r-raġuni tiegħi biex napprezza dan it-tip ta’ materjal plastiku għad-diski mhux il-kwalità suppost superjuri tal-ħoss li jwassal (għandi dubju serji dwar dan) imma aktar minħabba l-aspett preżervattiv. Irrid ngħid, recordings fuq il-vinyl nafu fiċ-ċert li jistgħu jibqgħu ppreservati talikwali għal bosta diċenji, u dan ma jista’ ningħad għal ebda format ieħor. Il-grupp Vinyl Paradise huma magħmul minn il-kantant u kitarrist Ben Bailey, il-perkussjonista Patrick Camilleri, u l-bassista Antoine Tonna, u l-vuċijiet li jakkumpanjawhom fl-isfond huma tal-aħwa Hannah u Amy Grech Pirotta. L-album ta’ Vinyl Paradise ħareġ fid-29 ta’ Novembru 2024 u minnu għażilt li ndoqq dawn illum:

  • Easy On Me
  • Like Never Before
  • Another Thing Coming

> Isma’ l-album Vinyl Paradise ta’ Vinyl Paradise fuq Bandcamp

Mużika Mod Ieħor huwa produzzjoni tal-Fondazzjoni M3P u jixxandar fuq Campus 103.7 kull nhar ta’ Ħamis fis-6pm + fil-11pm.

Comments

Leave a comment…