Blog

  • 30. DARBA KIEN ISIR IL-JAZZ FESTIVAL

    30. DARBA KIEN ISIR IL-JAZZ FESTIVAL

    Fis-snin qabel ma bdejna nistgħu ngħidu kull ma rridu fuq l-Internet, biex twassal ħsibijietek fil-pubbliku kellek bżonn xi forma ta’ intermedjarju. Kien hemm min ipprova jkun l-intermedjarju tiegħu stess, imma dawk li rnexxew waħedhom kienu każi rari. Il-mezzi tax-xandir u l-istampa, partikolarment il-gazzetti, kienu l-intermedjarji ovvji għal bosta snin.

    Ftit li xejn immiltajt f’partiti politiċi. F’ċertu żminijiet offrejt uħud mis-servizzi kreattivi tiegħi bi ħlas liż-żewġ partiti prinċipali f’Malta. Kienet biss l-Alternattiva Demokratika, fil-bidu tagħha bħala moviment ambjentali favur kull tip ta’ drittijiet ċivili, li resqet l-eqreb lejn il-fehmiet politiċi personali tiegħi, tal-anqas f’Malta. Sfortunatament għalija, u forsi xi ftit anqas għalihom, dak li żviluppat fih l-AD fl-aħħar 20 sena ma jappellali kważi xejn. Apparti dan, għażilt li qatt ma nxandar fuq l-istazzjonijet tal-partiti politiċi, anke jekk bi ħlas. Għalija dawn kienu u għadhom anomalija fil-liberalizazzjoni tax-xandir f’Malta, li jservu biss l-interessi tal-klassi politika nvoluta direttament fihom. Skoss ilpup imlibbsa ġilda ta’ ħaruf.

    Ftit qabel ma qabdu sew, però, kont aċċettajt li nibda nikteb fil-gazzetta ta’ kull nhar ta’ Ħadd Il-Mument. Il-gazzetti u mezzi tal-kommunikazzjoni tal-Partit Nazzjonalista f’dak iż-żmien kienu mmexxija minn Roger Degiorgio, li eventwalment telaq biex imexxi l-Malta Independent u wara għadda għall-Malta Today. Għax Dr Degiorgio kien raġel tassew tal-affari tiegħu, miegħu kelli ftehim sempliċi: nikteb li rrid, fil-konfini tal-liġi tal-istampa, u jekk xi ħaġa mhux aċċettabli biex tidher fuq il-Mument, allura l-paġna tiegħi għandna titwaqqaf u mhux tkun suġġetta għaċ-ċensura editorjali selettiva.

    Imxejna ħarir għall-perjodu kollu li għamilt nikteb hemm, anke għax kont nisma’ mill-pariri mimlija esperjenza ġurnalistika ta’ Victor Camilleri, li dak iż-żmien kien l-editur ta’ Il-Mument. Il-paġna tiegħi kien jisimha Fil-Vina. Logħob bil-kliem fuq l-idea klassika ta’ in vino veritas, miġjuba aktar għal żmienna. Kien hemm nies ‘l fuq sew fil-kurituri tal-poter li żarżrilhom xi naqra dan l-isem; u dan naf ċert li ġara fiż-żewġ partiti għax qaluli huma stess direttament.

    Kont nikteb l-aktar dwar il-kultura kontemporanja, b’attenzjoni speċjali għax-xena żgħażugħa. Kont nikteb dwar dak li naf mill-ħajja tiegħi ta’ kuljum. Kont skjett u inċiżiv. Mingħajr tidwir żejjed mal-lewża u mingħajr ma nissoġra xi libell jew diżgwid żejjed mal-pubblikaturi, kont ngħid l-affarijiet kif inħosshom. Kont ispirat sew mill-kitbiet ta’ Hunter S. Thompson u l-ġurnaliżmu tiegħu imsejjaħ gonzo. Ma kontx radikali daqsu fil-metodi ġurnalistiċi tiegħi, imma għal Malta naħseb li kont radikali kemm jista’ jkun bla ma ninħass estremist iżżejjed.

    Kont nikteb dwar ħafna minn dak kien jħossu u jgħidu bosta żgħażagħ kontinwament imma li qatt ma kont tara miktub imkien jew imxandar fuq ebda stazzjon Malti. Kien hemm aktar dwar xiex tikteb f’dak iż-żmien, imma kont konxju li l-intermedjarju tiegħi kien partit relattivament konservattiv b’tolleranza kbira għall-ħsieb miftuh f’isem id-demokrazija. Li kellhom żgħażugħ jidher li qed jgħid li jrid fuq waħda mill-gazzetti tagħhom kienet tista’ tinħass li huma aktar demokratiċi milli kieku jħallu biss min jaqbel magħhom jgħid tiegħu.

    Hawnhekk ippermettuli parenteżi żgħira biex naqsam ħsieb dwar id-demokrazija li tennejtu drabi oħra pubblikament imma naħseb li postu hawn ukoll. Jiena qatt ma fhimt għalfejn tant nies jiċċelebraw u jifirħu bid-demokrazija rappreżentattiva meta din verament u preċiżament tfisser biss li uħud minna nagħżlu numru żgħir fostna biex jirrappreżentaw lilna lkoll. Il-loġika ta’ kif xi ħadd li m’għażiltx int jista’ qatt jirrappreżentak meta int ma tabel xejn, jew kważi f’xejn, ma min għażel li min qed jirrappreżentak hija sitwazzjoni tassew farseska għalija. Id-demokrazija diretta storja oħra, sintendi. Għalhekk irrid niċċara li hija d-demokrazija rappreżentattiva li tqabbadni l-ħakk u mhux il-kunċett tad-demokrazija diretta li biha kulħadd tassew għandu l-potenzjal isemma leħnu, anke jekk oħrajn kapaċi jwasslu leħenhom aktar minn oħrajn. Il-popolarità mhux kollox.

    Insomma, lura għal dak li kont qed ngħid dwar Fil-Vina. Wieħed mill-artikoli li kont ktieb Ħadd minnhom kien kważi ġellidni ma’ wieħed mill-aktar ħbieb li ili ngħożż għal aktar minn erbgħin sena. It-titolu tal-artikolu tiegħi kien l-istess bħal dak ta’ din it-taqsima f’din is-serje: DARBA KIEN ISIR IL-JAZZ FESTIVAL. L-editur intebah kemm dak li kont qed ngħid jien kien skoss fil-vina, biex inżommu l-metafora għaddejja, u allura għażel li jippreżentah hekk b’ittri kbar fuq il-ħames kolonni tal-paġna tiegħi fil-gazzetta. “Maximum impact” kienu jgħidulu dan l-istil l-impaġnaturi tal-gazzetti.

    It-ton tiegħi f’dan l-artikolu kien wieħed t’apprezzament kbir għal dak li kien irnexxielu jagħmel Charles Gatt magħruf bħala s-City għal dawk li jħobbu l-jazz f’Malta. Huwa kien il-fundatur u l-organizzatur ewlieni tal-Malta Jazz Festival, u dik is-sena kien wasal fit-tielet jew ir-raba’ edizzjoni tiegħu. Kont tassew impressjonat mhux biss bil-jazzisti primi li kien jirnexxielu jġib f’Malta imma ukoll bil-mod konsistenti li kien qed jirnexxielu jagħmel dan sena wara l-oħra. Biżżejjed insemmu lil Chick Corea, Elvin Jones, Michel Petrucciani, Betty Carter, Bill Evans, Joe Henderson, John McLaughlin, u Al di Maeola li kollha ġew għal dan il-festival f’dawk l-ewwel snin.

    Kont naf li f’dak iż-żmien ma kellnix infrastruttura b’saħħitha biżżejjed fil-qasam tal-kultura fl-entitajiet pubbliċi biex insostu dan il-festival mill-isbaħ mingħajr is-City. U allura kont immaġinajt x’kienet se tkun is-sitwazzjoni tal-festival tal-jazz f’Malta meta, kif ħaġa natural jiġri biż-żmien, jiġi biex jieqaf jagħmlu s-City. Kont ħeġġiġt lil gvern ta’ dak iż-żmien biex joħloq struttura organizzattiva soda biex dan il-festival ma jkunx jiddependi biss mir-rieda tajba ta’ persuna waħda.

    Dak li bassart jien f’dan l-artikolu eventwalment ġara, sew fil-ħażin kif ukoll fit-tajjeb. Il-ħażin kien meta madwar l-2006 il-Malta Jazz Festival kien waqaf jagħmlu s-City u għadda f’idejn kumpanija privata li ħasset li għandha tieħdu f’direzzjoni differenti. Kienu ġabu lill-Alan Parsons Project minflok mużiċisti stabbiliti jew emerġenti mill-qasam tal-jazz. Għamel xi ftit snin sejjer hekk, mill-ħażin għall-agħar, tal-anqas f’dak li huwa kredibbilità ma’ min jaf x’inhu jazz festival ta’ vera.

    Eventwalment wasalna fejn aħna llum li dan il-festival huwa wieħed minn diversi li jorganizza l-gvern b’mod sistematiku kull sena, minn entità li issa jisimha Festivals Malta. F’dan il-qafas kull m’hemm bżonn huwa direttur artistiku biex ifassal il-programm mużikali u mhux aktar impreżarju li jieħu ħsieb xi ħaġa bħal din mill-A saż-Żeta. Hekk tal-anqas hemm prospetti aktar sodi li jkompli jsir regolarment dan il-jazz festival u li jinżamm il-livell mixtieq minn dawk li jħobbu din it-tip ta’ mużika.

    Apparti li attendejt dawk l-ewwel erba’ jew ħames edizzjonjiet tal-bidu, ftit li xejn messejt aktar ma’ dan il-jazz festival, anke għax ma kontx għadni ngħix f’Malta. Iż-żjarat tiegħi rari kienu jkunu għal nofs Lulju. Ngħid rari u mhux qatt għax hekk ġara fis-sena 2000 meta kont anke spiċċajt fuq il-palk fir-rwol tal-preżentatur għal dik l-edizzjoni. F’dik l-edizzjoni tal-Malta Jazz Festival esperjenzajt wieħed mill-isbaħ mumenti fejn tidħol il-mużikali f’ħajti: introduċejt lil Joe Zawinul minn fuq il-palk għall-udjenza preżenti u mbagħad rajtu jdoqq live bil-veduta tal-Port Il-Kbir bħala sfond għal siegħa sħiħa.

    Ma jeżistix arkivju tal-Malta Jazz Festival aċċessibli faċilment, allura qed naqsam magħkom dan il-video ta’ Joe Zawinul f’kunċert simili waqt in-Newport Jazz Festival ta’ xi 3 snin qabel.

  • 29. Mhux Bħal tal-Films

    29. Mhux Bħal tal-Films

    Mill-ewwel wasla tiegħi f’Virginia sa ma xbajt ngħix New York għaddew 12-il sena. Wasalt bħala student u għext il-ħajja ta’ student professional għal madwar tmien snin. Il-kunċett ta’ student professjonali kien komuni ħafna fl-Istati Uniti sal-bidu tal-millennju l-ġdid, qabel ma l-ekonomija nbidlet tant li sar diffiċli tgħix hekk. Bħal nies oħra li jagħżlu dan l-istil ta’ ħajja, ma kontx nimmaġina li qatt nieqaf inkun student. Parti mill-istorja – imma rrid nemfasiżża li parti biss – kienet marbuta mal-idea li dejjem hemm x’titgħallem. L-akbar ċuċ huwa min jaħseb li jaf kollox, jew li jista’ jaf kollox.

    Parti oħra tar-raġuni li xi ħadd jaf jagħżel li jkun student professjonali hija għax jintebah li l-ħajja ta’ veru (i.e. dik li jgħixu n-nies l-oħra kollha li mhux studenti) hija waħda diffiċli. Biex inkun aktar preċiż, jew tal-anqas biex nitkellem direttament mill-esperjenza personali tiegħi, ngħid li aktar milli waħda diffiċli fiha nfisha, waħda li ddifiċli tidħol fiha meta tispiċċa milli tkun student. Kont irrifjutat xogħol fiss minn numru kbir ta’ universitajiet qabel sibt fejn naħdem bla ma ninkwieta li għandi biss kuntratt ta’ sena b’paga relattivament minima wara li spiċċajt l-istudji għad-dottorat tiegħi fl-Università ta’ New York.

    Dan ma jgħoddx għas-suġġetti kollha, sintendi. Ma nimmaġinax li hu hekk fil-każ tat-tobba, avukati, periti, accountants, u professjonisti oħra li l-istudji tagħom iwassluhom biex jidħlu, kważi b’garanzija (warrant jgħidulha, le?) fil-professjoni li għażlu meta bdew jistudjaw. Imma fil-qasam tal-arti, hija storja kompletament differenti. Mhux qed nitkellem biss dwar min hu mgħoni bit-talent u min mhux. It-talent sekondarju f’ħafna każi. Uħud mill-aktar nies kapaċi u prolifiċi fl-oqsma varji tal-arti, qajla resqu lejn università biex jistudjaw is-suġġett li jeċċellaw fih.

    Il-ħsieb kritiku, f’sens akkademiku, lili waqqafni kważi kompletament milli nsib valur b’saħħtu biżżejjed fil-biċċa l-kbira tal-ħidma kreattivà tiegħi. Kif nista’ ngħid li jien mużiċist meta rajt, smajt u studjajt tant mużiċisti li joperaw fuq livell li bil-kemm noħlom li qatt nilħaq jien ukoll? X’teatru se nagħmel meta nara kemm hu vojt ħafna mix-xogħol li għamilt matul perjodu ta’ kważi għoxrin sena f’dan il-qasam? Kif nista’ qatt inkompli l-karriera professjonali tiegħi fix-xandir meta naf li il-maġġoranza kbira tal-programmi huma tant medjokri, tal-anqas għall-gosti u l-interessi tiegħi; u dan mhux f’Malta biss.

    Kont spiċċajt diżilluż kważi għal kollox. Mingħajr modestja falża, kont diżilluż l-aktar b’dak li kapaċi nagħmel jien. Imma dan ma kienx minħabba li ma kontx għadni naf nagħmel dawk l-affarijiet kollha li kont ħloqt karriera bihom fl-għoxrin sena ta’ qabel. L-iżball ewlieni tiegħi kien li ersaqt qrib wisq lejn l-istudju ta’ kif taħdem id-dinja tal-ispettaklu. Għalkemm jaf għandi impressjoni ħażina wkoll, nimmaġina li l-aqwa avukati, periti, tobba, u x’naf jien, iħossuhom hekk ukoll dwar aspetti tas-settur tagħhom.

    Parti minn dan kollu ġie mill-fatt li Amerika li mort ngħix fiha jien skoprejt malgħajr li hija post differenti ferm mill-Amerika li naraw fil-films. Mhux għax jien naive u ma nafx li dak li jidher fil-films ta’ Hollywood huwa fittizju, u bosta drabi anke romantiċizzat biex jidher aktar interessanti milli hu.

    L-akbar xokk kien meta ntbaħt kemm hemm kultura Amerikana mhux riflessa sew fil-films ta’ Hollywood. Sa ċertu punt dan jgħodd għall-mużika ukoll, imma mhux b’mod daqstant ċar u ovvju. Fil-qasam tal-mużika li kienet tinteressa lili f’dak iż-żmien diġà ktibt dwar Mojo Nixon u Dread Zeppelin (ara parti numru 6 ta’ din is-seniela) bħala żewġ eżempji, sa ċertu punt, ta’ dan li qed nipprova ngħid hawn. Mill-ewwel jiġuni ukoll f’moħħi esponenti oħra bħal Cake, Dada, Beirut, u Vast, li kollha kont nisma’ CDs tagħhom regolarment fil-perjodu tiegħi bħala student fl-Amerika. Kemm jindaqqu fuq l-istazzjonijiet tar-radju f’Malta dawn?

    Il-film li wassalni nintebaħ kompletament kemm l-Amerika li naraw barra mill-pajjiż hija differenti minn dik li jesperjenzaw tant nies li jgħixu hemm kien Smoke Signals. Dan mhux film ta’ Hollywood. Dan anqas m’hu xi film li l-biċċa l-kbira tad-dilettanti tal-films abbli jieħdu gost jaraw. Fuq kollox, però huwa film li l-individwi li qed jirrakkontaw l-istorja tiegħu u l-protagosti li qed jieħdu sehem fih huma kollha minn popli ndiġini. Biex niftehmu, aktarx li jkun aktar faċli li ngħid li dawn huma d-dixxendenti diretti tal-Indjani li konna drajna naraw f’tant films tal-cowboys. Timmaġina xi ħadd ikanta fi stil tradizzjonali ta’ dawn in-nies indiġini dwar snien John Wayne? Ara dan il-film u tiskopri li hekk preċiż jagħmlu dawn in-nies li ilhom marbuta għal sekli twal mal-istess art li bdiet tissejjaħ Amerika mill-Ewropej li ħakmuha.

    Meta wasal il-11 ta’ Settembru tal-2001, id-dinja inbidlet. Mhux qed nesaġera. Kull meta tgħaddi mill-ajruport u ma titħalliex tieħu mqar flixkun ilma żgħir miegħek, ifhem min rebaħ l-hekk imsejħa gwerra kontra t-terroriżmu. Fuq livell aktar kwotidjan, kien fil-punt li l-Amerikani bdew jirreaġixxu b’mod tassew estrem lejn dak li ġara fil-11 ta’ Settembru, li ddeċidejt li nitlaq mill-Amerika.

    Bil-ġilda ta’ ġismi samra wara sajf fix-xemx u b’daqna kbira sempliċiment għax hekk ippreferejt li nżommha, naf li kelli dehra simili għat-tip ta’ nies li kontrihom kien hemm preġudizzju qawwi. Twaqqaft bosta drabi fit-toroq ta’ New York, fl-istazzjonijiet tal-ferrovija, u fl-ajruporti b’mod ovvju li għax kelli dehra ta’ xi ħadd minn parti tad-dinja li minnha kienu ġew it-terroristi li attakkaw New York. Mhux kultant, imma regolarment. Kif tista’ tgħix f’post hekk?

  • 28. Skoss Ħoss

    28. Skoss Ħoss

    Kont ili biex nitlaq minn Malta. Il-prospetti professionali fis-settur kreattiv kienu limitat ferm f’Malta. Għalkemm f’dawn l-aħħar snin, speċjalment mid-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropeja, tjiebet xi ftit is-sitwazzjoni, sa tmiem is-seklu l-ieħor l-opportunitajiet ta’ sodisfazzjon professjonali fl-oqsma kważi kollha tal-kreattività kienu għadhom skarsi wisq.

    Fl-istess waqt, tajjeb nammettu li meta kont titlaq minn Malta, ma kienx kollox ward u żahar. Għandi nifhem li llum abbli anke aktar iebsa minn qabel it-triq. Jekk qabel għal kull għadma konna ngħidu li kien hemm mitt kelb, issa hemm mijjiet. Kull darba li tlaqt minn Malta “għal dejjem” xorta kelli niġi lura wara ċertu żmien, imqar għal perjodi qosra.

    Bejn raġunijiet personali u raġunijiet finanzjarji, wara kull perjodu nistudja jew naħdem barra minn Malta, qabel ma qaleb il-millenju, dejjem sibt ruħi lura Malta għal diversi ġimgħat jekk mhux anke għal ftit xhur. Hekk ġara wara li mort nistudja l-produzzjoni radjufonika mal-BBC u anke wara l-perjodu li għamilt naħdem fir-raħal t’Unna fil-Ġermanja. Propjament mill-Ġermanja kont mort nistudja l-Amerika darbtejn, b’interruzzjoni ta’ xi kważi xahrejn f’Berlin, qabel m’ersajt ersaqt lejn Malta.

    Is-sena u nofs ta’ qabel is-sajf tal-1996 aktarx li kien l-ewwel perjodu verament twil li għamilt ngħix barra minn Malta. Mal-wasla tiegħi lura Malta f’dak is-sajf, kont dħalt għall-ewwel minn żewġ produzzjonijiet televiżivi li personalment tawni sodisfazzjon daqs Mill-Garaxx. L-ewwel waħda kien jisimha Skoss, u l-oħra kont semmejtha Bricolage.

    F’dan l-istess perjodu kont dħalt ukoll għal produzzjoni u/jew preżentazzjoni ta’ diversi programmi fuq ir-Radju ta’ l-Università, kif kien jissejjaħ dak iż-żmien dak li eventwalment sar Campus FM. Fost l-aktar programmi innovattivi għar-Radju tal-Università, kien hemm wieħed jismu Bil-Maws f’Idejk. Dan kien programm edukattiv, imma b’vena ta’ divertiment popolari minsuġa fih, dwar l-użu tal-Internet.

    Fis-sajf tal-1996 kont diġa ili nuża l-email sentejn. L-użu ta’ internet f’Malta kien għadu fil-bidu tiegħu u kien propju ftit tax-xhur qabel li fetħu l-ewwel Internet Service Providers (ISPs) f’Malta. Jekk mhux sejjer żball, dawn kien l-Keyworld u l-Video On Line. Konna nużaw modem ma’ linja tat-telefon biex biex naqbdu wieħed minn dawn l-ISPs ħalli naċċessaw l-Internet. Apparti li ma conta tista’ tuża it-telefon waqt li inti mqabbad mal-ISP, il-kommunikazzjoni kienet ristretta sew f’dik li hi ħeffa ta’ trażmissjoni ta’ data, sew dieħla għandek, kif ukoll ħierġa lejn l-Internet. Xorta waħda kien ċarissimu għalija u għal bosta oħrajn li din kienet teknoloġija li kienet revoluzzjonarja, u li kienet se tbiddel mhux biss il-mod kif nikkommunikaw ma’ xulxin imma ukoll kif naċċessaw informazzjoni dwar kull suġġett taħt il-kappa tax-xemx.

    Fost dawk li kienu jaqsmu l-entużjażmu tiegħi għall-Internet, kienen hemm Philip Serracino Ingott. Hu u jien konna nagħmlu siegħat niddiskutu l-potenzjal u l-perikli tal-Internet filwaqt li nesploraw l-aħħar żviluppi tekniċi madwaru. Philip ma kienx biss xi ħadd li jifhem sew kif taħdem it-teknoloġija imma kien ukoll intiż fl-aspetti filosofiċi ta’ din it-tekonoloġija ġdida.

    Kien miegħu li fassalt is-sensiela televiżiva Skoss. Din ukoll kienet sensiela edukattiva, tant li l-ewwel kienet tixxandar fuq Channel 22 (stazzjon purament edukattiv) qabel ma kienet tidher fuq Television Malta. Miegħi u ma’ Philip kien hemm team imdaqqas ta’ nies oħra li kienu jagħmlu kull edizzjoni ta’ din is-sensiela produzzjoni tassew informativa dwar x’joffri l-Internet fuq diversi suġġetti t’interess ġenerali.

    Bil-Maws f’Idejk u Skoss kienu l-ewwel żewġ proġrammi li fihom intuża l-Internet fuq ir-radju u t-television f’Malta. Skoss kien ukoll l-ewwel programm tat-television f’Malta li kellu grafika diġitali 3D – xogħol Paul Camilleri li bosta involuti f’dan il-qasam jafuh bħala għalliem fl-MCAST għal diversi snin – kif ukoll l-ewwel użu ta’ sistemi kompletament kompjuterizzjati biex issir il-post-produzzjoni tal-programm li jasal għand it-telespettaturi Maltin.

    Eventwalment parti mit-team ta’ Skoss ħadmet miegħi ukoll fuq is-sensiela Bricolage, li kienet l-aħħar sensiela televiżiva li pproduċejt fil-karriera tiegħi li ppreżentajt jien stess. Kien hemm xi żewġ sensieliet oħra li pproduċejt aktar tard, imma Bricolage kienet l-aħħar sensiela ta’ programmi li fiha dhert regolarment fuq it-television.

    Għax din is-sensiela ta’ kitbiet propjament tiffoka aktar fuq il-mużika, tajjeb nagħlaq din il-parti ta’ din il-ktiba tiegħi b’xi ħaġa li għandha x’taqsam mal-mużika. Kull edizzjoni tal-programm Skoss kienet tinkludi taqsima msejħa Skoss Ħoss. Din kienet sempliċi għażla ta’ videos mużikali li kienu jkunu speċi ta’ reklam għall-ħanut tad-diski Exotique, li kien jimporta ħafna videos għad-dilettanti tal-mużika f’Malta.

    Ftit li xejn kienu jeċitawni l-għażliet ta’ Malcolm Demanuele (li mhux biss kien id-direttur tekniku ta’ dawn iż-żewġ sensieliet televiżivi imma ukoll DJ fuq wieħed mill-istazzjonijet tal-partiti politiċi) għal Skoss Ħoss, ħlief għal darba waħda biss. Kien qalli, “jekk tgħidli li din ma tinteressakx, allura kull ma nista’ ngħidlek huwa, nirraħ demmek isirlek demel.” Naf li kien qed jiċċajta. Konna niċċajtaw ġoff ma’ xulxin b’dan il-mod, fejn il-logħob bil-kliem kien parti mill-mod kif konna ntaffu mill-monotonija tal-kumplament ta’ ħidmietna. L-għażla ta’ “nirraħ demmek isirlek demel” kienet Govinda ta’ Kula Shaker. Sa fejn naf jien, demmi sew għadu.

  • 27. Gate Gate Paragate Parasamgate Bodhi Svaha

    27. Gate Gate Paragate Parasamgate Bodhi Svaha

    It-tluq. Titlaq mit-tbatija. Titlaq lejn il-liberazzjoni mit-tbatija. Tluq mill-għazz mentali għal moħħ miftuh. Tluq mid-duwaliżmu għan-non-duwaliżmu. Paragate: tluq lejn xatt ieħor. Tluq lejn art li tinstab in-naħa l-oħra. Lil hinn minn hawn. Parasamgate: kulħadd sam. Is-Sangha, jgħidulha. Kollox u kulħadd. Kollox u kulħadd ‘l hinn minn hawn. Bodhi svaha: tara ġmiel id-dawl li hemm fik. Id-dawl li hemm f’kollox u kulħadd.

    Dan il-qofol ta’ kollox. Dan huwa l-qofol ta’ kollox fit-twemmin Buddista.

    Meta kont mort nistudja l-produzzjoni għar-radju mal-BBC f’Londra fl-1988, kien hemm diversi studenti oħra minn madwar id-dinja, l-biċċa l-kbira minn pajjiżi tal-Commonwealth. Kont ngħaddi ħafna ħin ma’ bosta minnhom individwalment biex insir naf aktar dwar pajjiżhom u l-drawwiet tagħhom. Qatt ma kont iltaqjt ma’ nies minn tant pajjiżi qabel. Il-Botswana u l-Lesotho naħseb anqas insibhom fuq mappa ma kont għadni naf. Iltqajt ma’ xi ħadd mill-Fiji u s-Sierra Leone għall-ewwel darba f’dan iż-żmien. Id-diskussjonijiet magħhom kienu jkunu mhux biss interessanti fihom infushom imma ukoll opportunità eċċezzjonali biex nara kif jirraġuna xi ħadd li huwa mrobbi f’ambjent differenti kważi għal kollox minn tiegħi.

    Fostna kien hemm ukoll xandara mir-Radju tat-Tajlandja. Mara li kienet tidher għadha żgħira fl-età. Biż-żmien sirt naf li kienet xi 20 sena akbar milli kienet tidher. Ma nafx li qatt kont tkellimt ma’ persuna Ażjatika, ħlief b’mod superfiċjali, qabel ma ltqajt magħha. Kienet devota sew tat-twemmin reliġjuż jew spiritwali tagħha. Kont kurjuż. Ridt insir naf aktar.

    Nhar ta’ Ħadd, meta normalment ma kien ikollna xejn fil-kors tal-BBC, hija kienet tmur regolarment fit-tempju Buddhapadipa li hemm f’Wimbledon. Dan qiegħed xi kwarta mixi ‘l bogħod mill-famuż post fejn isir il-kampjonat tat-tennis. It-tempju mill-ewwel jurik x’inhu minn barra, għax differenti ferm milli bini l-ieħor kollu madwaru. Binja bajda b’saqaf aħmar skur imżejjen f’truf kulur id-deheb, bibien u twiqi stil differenti ferm minn dawk Ingliżi. Madwar it-tempju, ġnien imdaqqas mhux differenti wisq minn dawk li tistenna li tara f’ċertu partijiet tal-Ingilterra, anke jekk irranġat b’mod li huwa differenti minn ġonna oħra lokali. Wad Buddhapadipa kien għadu kemm jinbena u, milli fhimt, kien l-ewwel tempju Buddista f’Londra. Il-patrijiet u sorijiet Buddhisti li kien hemm fih dak iż-żmien kienu kollha mit-Tajlandja.

    Bħala parti mill-kors tal-BBC, kellna l-opportunità nipproduċu programm speċjali dwar xi ħaġa partikolari f’Londra li hija t’interess għas-semmiegħa tagħna lura f’pajjiżna. Uħud minna għażilna li nikkollaboraw ma’ xi ħadd ieħor fuq il-proġett tagħhom minflok, b’mod partikolari jekk dan kien wieħed xi ftit aktar impenjattiv. Għax kont tassew affaxxinat minn din il-kultura li ma kont naf kważi xejn dwarha, għażilt li nagħti daqqa t’id fuq il-programm għar-Radju tat-Taljandja. Radio Thailand għadu sal-lum ixandar sew bit-Tajlandiż kif ukoll bl-Ingliż, iċ-Ċiniż, u lingwi oħra. Dan il-programm dwar Wad Buddhapadipa f’Wimbledon kien bl-Ingliż, anke jekk l-intervisti mal-patrijiet u s-sorijiet li kien hemm fih kienu bit-Tajlandiż. Jien għamilt il-vuċi bl-Ingliż flok il-patri li kien responsabbli mit-tempju, fost affarijiet oħra aktar tekniċi.

    L-ewwel darba li mort il-Wad Buddhapadipa ta’ Wimbledon, il-kurżità inbidlet f’interess ġenwin wara ftit aktar minn l-ewwel siegħa li għamilt hemm. Meta erġajna morna biex inkomplu l-ħidma tagħhna hemm xi jiem wara, dan l-interess ġenwin inbidel f’interess aktar profond. Tista’ tgħid li kont ilmaħt bħal leħħa ta’ dawl li xegħlet dan l-interess f’spirtwalità pura. Qatt ma fhimt li l-Buddiżmu jaħdem b’dan il-mod, imma bħal donnu kont ikkonvertejt minn ġuvnott mhux Buddist għal wieħed Buddist. Mingħajr ċeremonji partikolari. Mingħajr wisq priedki. Mingħajr biża ta’ xejn.

    Bl-aktar mod naturali bdejt nemmen f’dawk li jsejħulhom l-erba’ veritajiet nobbli. L-ewwel minn dawn hija li l-ħajja mimlija uġiegħ; dak li jsejħulha dukkha. It-tieni hija dwar is-sors ta’ dan l-uġiegħ minn dik li tissejjaħ taṇhā, ir-rabta tagħna ma’ dak li nixtiequ. Dawn veritajiet li jduru madwar l-għarfien tal-impermanenza ta’ kollox. It-tielet verità hija li neħilsu mid-dukkha jekk nitilqu jew inwarrbu t-taṇhā minn ħajjitna. L-aħħar minn dawn l-erba’ veritajiet nobbli hija l-mogħdija li twassalna ‘l hinn mit-taṇhā biex neħilsu mid-dukkh.

    Il-modija fir-raba’ verità Buddista fiha tmien aspetti li jorbtu ma’ dak li hu sewwa. Biex ma nispiċċax nagħti priedka dwar il-verità fit-twemmin Buddista, ngħid biss li l-qofol ta’ din il-modija lejn is-sewwa hija sempli daqs meta tgħid: oqgħod bilgħaqal u għamel il-ġid. Jew, fi kliem xi ħadd Malti tassew għaref: ġid lil kulħadd, deni lil ħadd. Din nafha mingħand ommi aktar minn kull ħaddieħor, anke jekk dan huwa t-twemmin li kienet mgħallma hi meta kienet żgħira.

    Dan id-dawl spiritwali ressaqni lejn modi varji ta’ kif diversi nies madwar id-dinja jimmanifestaw it-twemmin tagħhom fil-veritajiet nobbli tal-Buddiżmu. Uħud minn dawn il-modi saru sempliċi cliche: l-inċens, id-daqq ta’ ċertu stili ta’ mużika “orjentali”, it-twedin tal-mantra bl-Om, il-kant partikolari tal-patrijiet Tibetani, kif ukoll it-tlaqqieh ta’ ħsejjes mil-lvant m’oħrajn mill-punent li f’ċertu żmien kienu jisseħu New Age. Għalkemm smajt ħafna minn dawn it-tip ta’ ħsejjes fuq perjodu ta’ aktar minn għaxar snin, ma tantx sibt rabta diretta bejnhom u t-twemmin essenzjali tal-Buddismu. Jekk verament hemm xi mużika li tressaqni qrib il-veritajiet Buddisti hija xi ħaġa bħal 4’33’ ta’ John Cage jew forsi xi kanzunetti minn Leonard Cohen, speċjalment mill-parti aħħarija tal-karriera tiegħu.

    Minkejja dan li qed ngħid dwar il-mod li bih il-mużika tmiss mat-twemmin Buddista, l-użu tal-mantra mhux xi ħaġa rrelevanti. Ir-repetizzjoni hija teknika magħrufa sew f’bosta kulturi għax iddaħħal lill-individwu aktar qrib tal-ħsus u l-ħsejjes spiritwali. Il-mantra favorita tiegħi hija dik li ttem is-Sutra tal-Qalb: il-qalb tal-perfezzjoni tal-għerf. Gate gate paragate parasamgate bodhi svaha.