Skip to content

27. Gate Gate Paragate Parasamgate Bodhi Svaha

It-tluq. Titlaq mit-tbatija. Titlaq lejn il-liberazzjoni mit-tbatija. Tluq mill-għazz mentali għal moħħ miftuh. Tluq mid-duwaliżmu għan-non-duwaliżmu. Paragate: tluq lejn xatt ieħor. Tluq lejn art li tinstab in-naħa l-oħra. Lil hinn minn hawn. Parasamgate: kulħadd sam. Is-Sangha, jgħidulha. Kollox u kulħadd. Kollox u kulħadd ‘l hinn minn hawn. Bodhi svaha: tara ġmiel id-dawl li hemm fik. Id-dawl li hemm f’kollox u kulħadd.

Dan il-qofol ta’ kollox. Dan huwa l-qofol ta’ kollox fit-twemmin Buddista.

Meta kont mort nistudja l-produzzjoni għar-radju mal-BBC f’Londra fl-1988, kien hemm diversi studenti oħra minn madwar id-dinja, l-biċċa l-kbira minn pajjiżi tal-Commonwealth. Kont ngħaddi ħafna ħin ma’ bosta minnhom individwalment biex insir naf aktar dwar pajjiżhom u l-drawwiet tagħhom. Qatt ma kont iltaqjt ma’ nies minn tant pajjiżi qabel. Il-Botswana u l-Lesotho naħseb anqas insibhom fuq mappa ma kont għadni naf. Iltqajt ma’ xi ħadd mill-Fiji u s-Sierra Leone għall-ewwel darba f’dan iż-żmien. Id-diskussjonijiet magħhom kienu jkunu mhux biss interessanti fihom infushom imma ukoll opportunità eċċezzjonali biex nara kif jirraġuna xi ħadd li huwa mrobbi f’ambjent differenti kważi għal kollox minn tiegħi.

Fostna kien hemm ukoll xandara mir-Radju tat-Tajlandja. Mara li kienet tidher għadha żgħira fl-età. Biż-żmien sirt naf li kienet xi 20 sena akbar milli kienet tidher. Ma nafx li qatt kont tkellimt ma’ persuna Ażjatika, ħlief b’mod superfiċjali, qabel ma ltqajt magħha. Kienet devota sew tat-twemmin reliġjuż jew spiritwali tagħha. Kont kurjuż. Ridt insir naf aktar.

Nhar ta’ Ħadd, meta normalment ma kien ikollna xejn fil-kors tal-BBC, hija kienet tmur regolarment fit-tempju Buddhapadipa li hemm f’Wimbledon. Dan qiegħed xi kwarta mixi ‘l bogħod mill-famuż post fejn isir il-kampjonat tat-tennis. It-tempju mill-ewwel jurik x’inhu minn barra, għax differenti ferm milli bini l-ieħor kollu madwaru. Binja bajda b’saqaf aħmar skur imżejjen f’truf kulur id-deheb, bibien u twiqi stil differenti ferm minn dawk Ingliżi. Madwar it-tempju, ġnien imdaqqas mhux differenti wisq minn dawk li tistenna li tara f’ċertu partijiet tal-Ingilterra, anke jekk irranġat b’mod li huwa differenti minn ġonna oħra lokali. Wad Buddhapadipa kien għadu kemm jinbena u, milli fhimt, kien l-ewwel tempju Buddista f’Londra. Il-patrijiet u sorijiet Buddhisti li kien hemm fih dak iż-żmien kienu kollha mit-Tajlandja.

Bħala parti mill-kors tal-BBC, kellna l-opportunità nipproduċu programm speċjali dwar xi ħaġa partikolari f’Londra li hija t’interess għas-semmiegħa tagħna lura f’pajjiżna. Uħud minna għażilna li nikkollaboraw ma’ xi ħadd ieħor fuq il-proġett tagħhom minflok, b’mod partikolari jekk dan kien wieħed xi ftit aktar impenjattiv. Għax kont tassew affaxxinat minn din il-kultura li ma kont naf kważi xejn dwarha, għażilt li nagħti daqqa t’id fuq il-programm għar-Radju tat-Taljandja. Radio Thailand għadu sal-lum ixandar sew bit-Tajlandiż kif ukoll bl-Ingliż, iċ-Ċiniż, u lingwi oħra. Dan il-programm dwar Wad Buddhapadipa f’Wimbledon kien bl-Ingliż, anke jekk l-intervisti mal-patrijiet u s-sorijiet li kien hemm fih kienu bit-Tajlandiż. Jien għamilt il-vuċi bl-Ingliż flok il-patri li kien responsabbli mit-tempju, fost affarijiet oħra aktar tekniċi.

L-ewwel darba li mort il-Wad Buddhapadipa ta’ Wimbledon, il-kurżità inbidlet f’interess ġenwin wara ftit aktar minn l-ewwel siegħa li għamilt hemm. Meta erġajna morna biex inkomplu l-ħidma tagħhna hemm xi jiem wara, dan l-interess ġenwin inbidel f’interess aktar profond. Tista’ tgħid li kont ilmaħt bħal leħħa ta’ dawl li xegħlet dan l-interess f’spirtwalità pura. Qatt ma fhimt li l-Buddiżmu jaħdem b’dan il-mod, imma bħal donnu kont ikkonvertejt minn ġuvnott mhux Buddist għal wieħed Buddist. Mingħajr ċeremonji partikolari. Mingħajr wisq priedki. Mingħajr biża ta’ xejn.

Bl-aktar mod naturali bdejt nemmen f’dawk li jsejħulhom l-erba’ veritajiet nobbli. L-ewwel minn dawn hija li l-ħajja mimlija uġiegħ; dak li jsejħulha dukkha. It-tieni hija dwar is-sors ta’ dan l-uġiegħ minn dik li tissejjaħ taṇhā, ir-rabta tagħna ma’ dak li nixtiequ. Dawn veritajiet li jduru madwar l-għarfien tal-impermanenza ta’ kollox. It-tielet verità hija li neħilsu mid-dukkha jekk nitilqu jew inwarrbu t-taṇhā minn ħajjitna. L-aħħar minn dawn l-erba’ veritajiet nobbli hija l-mogħdija li twassalna ‘l hinn mit-taṇhā biex neħilsu mid-dukkh.

Il-modija fir-raba’ verità Buddista fiha tmien aspetti li jorbtu ma’ dak li hu sewwa. Biex ma nispiċċax nagħti priedka dwar il-verità fit-twemmin Buddista, ngħid biss li l-qofol ta’ din il-modija lejn is-sewwa hija sempli daqs meta tgħid: oqgħod bilgħaqal u għamel il-ġid. Jew, fi kliem xi ħadd Malti tassew għaref: ġid lil kulħadd, deni lil ħadd. Din nafha mingħand ommi aktar minn kull ħaddieħor, anke jekk dan huwa t-twemmin li kienet mgħallma hi meta kienet żgħira.

Dan id-dawl spiritwali ressaqni lejn modi varji ta’ kif diversi nies madwar id-dinja jimmanifestaw it-twemmin tagħhom fil-veritajiet nobbli tal-Buddiżmu. Uħud minn dawn il-modi saru sempliċi cliche: l-inċens, id-daqq ta’ ċertu stili ta’ mużika “orjentali”, it-twedin tal-mantra bl-Om, il-kant partikolari tal-patrijiet Tibetani, kif ukoll it-tlaqqieh ta’ ħsejjes mil-lvant m’oħrajn mill-punent li f’ċertu żmien kienu jisseħu New Age. Għalkemm smajt ħafna minn dawn it-tip ta’ ħsejjes fuq perjodu ta’ aktar minn għaxar snin, ma tantx sibt rabta diretta bejnhom u t-twemmin essenzjali tal-Buddismu. Jekk verament hemm xi mużika li tressaqni qrib il-veritajiet Buddisti hija xi ħaġa bħal 4’33’ ta’ John Cage jew forsi xi kanzunetti minn Leonard Cohen, speċjalment mill-parti aħħarija tal-karriera tiegħu.

Minkejja dan li qed ngħid dwar il-mod li bih il-mużika tmiss mat-twemmin Buddista, l-użu tal-mantra mhux xi ħaġa rrelevanti. Ir-repetizzjoni hija teknika magħrufa sew f’bosta kulturi għax iddaħħal lill-individwu aktar qrib tal-ħsus u l-ħsejjes spiritwali. Il-mantra favorita tiegħi hija dik li ttem is-Sutra tal-Qalb: il-qalb tal-perfezzjoni tal-għerf. Gate gate paragate parasamgate bodhi svaha.

Leave a comment...