Aktarx li hemm raġuni patoloġika li twassalna nikkrejaw. Marbuta magħha jaf hemm ukoll xi forma ta’ naċisiżmu. Bħal li kieku qed ngħidu “arani issa” jew “ara kemm jien bravu.” Aktar ma dħalt fil-fond fl-istudji tal-ispettaklu matul iż-żmien aktar inbaħt kemm hi kumplessa l-biċċa. Nikkrejaw biex bħal donnu nestendu l-memorji tagħna. Irrid ngħid, intawlu ż-żmien li fih ikompli jiftakarna ħaddieħor. Ħassieba kbar jaħsbuha hekk: minn Platun sa Susan Sontag, jew minn Artaud sa José van Dijck.
F’Malta ma nafx kemm hu possibli jkun hemm xi ħadd verament famuż, apparti nofs tużżana mostri sagri li jintgħażlu biex imexxu l-pajjiż minn żmien għal żmien. Hawn tidħol ukoll l-idea li nistgħu mmorru barra biex mingħalina nsibu udjenza akbar interessata f’dak li nagħmlu. Ma rridx inkun pessimist. Anqas ma rrid innaqqas mill-mertu ta’ dawk il-ftit individwi li rnexxielhom jagħmlu karriera fuq livell internazzjonali f’xi qasam jew ieħor tal-kreattività. L-idea li titlaq minn fejn tkun twelidt u trabbejt għax l-udjenzi żgħar wisq, hija xi ħaġa li għalkemm xi drabi naħsbu li hija unikament Maltija, ċertament li ssibha wkoll f’pajjiżi oħra. Dan inkluż fi bliet żgħar u rħula f’pajjiżi kbar, fejn l-ibliet kapitali jew dawk li fihom il-miljuni ta’ nies jiġbdu lil bosta, speċjalment żgħażagħ, biex ifittxu xortihom.
Lejn tmiem l-ewwel deċenju ta’ dan is-seklu, kont bdejt naħseb ħafna dwar x’se jifdal minn dawk il-ħafna attentati ta’ kreattività li ndubjament se jintesew fis-snin li ġejjin. X’jiġri meta kull min hu ħaj illum, u b’hekk iġorr il-memorja ħajja ta’ dan kollu li jaf madwaru miegħu, imut ukoll? L-idea ta’ memorja li ma jħassarha ħadd hija stramba. Il-memorji jisfumaw fix-xejn. Jifdal biss dak li jirnexxielu jissalva għal aktar mill-perjodu ta’ memorja ħajja. Il-kitba tgħin, l-istess kif jagħmlu l-mezzi awdjoviżivi. Imma anke l-memorja ta’ dawn id-dokumenti trid tinżamm attiva għax inkella jiġrilha bħal kull arkivju ieħor abbandunat li hu mimli b’tant memorji minsija. Hekk twieled il-Malta Music Memory Project u miegħu l-M3P Foundation li llum hija ffukata fuq l-inizjattivi tal-Malta Media Memory Preservation.
L-interess tiegħi fl-istudju tal-memorija, bil-kif u l-għaliex għandha tiġi ppreservata, kien żvijjat ftit lejn l-aħħar tal-2014 mill-ħidma diretta mal-M3P Foundation. Dan għax kont inħtart bħala d-Direttur Artistiku taċ-Ċentru Għall-Kreattività, li jopera mill-Kavallier ta’ San Ġakbu, u nbiet il-ħidma biex ikun żviluppat f’dak li llum huwa magħruf bħala Spazju Kreattiv. Il-viżżjoni strateġika li fassalt jien f’din il-ħidma kienet tinvolvi attenzjoni partikolari għall-aspetti tal-wirt kulturali kontemporanju u l-legat li writna u/jew se nħallu warajna. Allura, f’ċertu sens, l-interess professjonali tiegħi fil-memorja kompla jimmanifesta ruħu fil-bżonnijiet ta’ din l-entità kulturali pubblika.
Is-sensiela ta’ Mużika Mod Ieħor kienet ilha għaddejja kważi għaxar snin. Anqas temmen kif itir iż-żmien. Il-kwantità ta’ materjal li kien ħiereġ fuq ix-xena mużikali kien kiber sew ħdejn dak li kien hemm meta bdejt nipproduċi din is-sensiela ta’ poddati. Il-mod relattivament faċli li bih it-teknoloġija saret tati aċċess għal recordings mingħajr il-bżonn ta’ studio bi spejjeż kbar, fisser li l-ammont ta’ materjal li jinħareġ fuq l-Internet, jekk mhux fuq CD ukoll, kiber sew. L-Internet ħelisna mill-istazzjonijiet tar-radju bħala intermerjarji għal x’nisimgħu, anke jekk ironikament l-istazzjoniijiet tar-radju Maltin f’daqqa waħda bħal donnhom kienu qed idoqqu bil-wisq aktar mużika minn Malta milli kienu jagħmlu qabel.
Dan kollu, flimkien mal-ħidma professjonali ‘l hinn mill-qasam tax-xandir u l-mużika, kif ukoll xi aspetti oħra fil-ħajja personali tiegħi, wassluni biex niddeċiedi li għandi nieqaf nipproduċi l-poddata ta’ kull ġimgħa. Fl-2015 kont effettivament iddeċidejt li nieqaf mill-poddata ta’ Mużika Mod Ieħor. B’xorti tajba, però iltaqjt m’Enrique Tabone li kkonvinċietni nibda nagħmel verżjoni tal-poddata b’videos minflok bħala mp3. Wara li rajt li kważi kull diska ġdida li kienet qed toħroġ, tajjeb jew ħażin kien qed jitfaċċa wkoll video promozzjonali għaliha, u b’aktar inkoraġġiment mingħand Enrique, anke b’għajnuna teknika, il-poddata ta’ Mużika Mod Ieħor saret speċi ta’ vlog.
Il-kwalità tal-videos għad-diski Maltin kont ili nosservha titjieb għal diversi snin. L-aktar li sibt impressjonanti kienet ix-xena tal-hiphop bil-Malti. Sa mill-ewwel edizzjonijiet kont inkludejt l-ewwel ġenerazzjoni ta’ rappers Maltin bħall-Hooligan u Buggly B. Eventwalment tfaċċaw ukoll it-tieni ġenerazzjoni ta’ rappers, b’Jon Mallia (b’diversi laqmijiet matul iż-żmien) fuq quddiem nett, Hawn spikka ferm ix-xogħol tiegħu fil-proġetti ta’ No Bling Show. Fl-istess waqt rajna ukoll l-iżvilupp tal-klikka magħrufa bħala Sempliċiment tat-Triq, li faqgħu l-isterjotipi kollha meta bdew jirrapjaw bid-djalett Rabti. Tajbin wesq! It-tielet ġenerazzjoni twieldet mal-Marmalja tal-Lapes u d-Drinu li offriet kuntrast interessanti ma’ dak ta’ Kapitlu Tlettax, il-FishCult, u oħrajn assoċjati magħhom.
Għalkemm kien hemm, u għad hemm, diversi rappers oħra fix-xena Maltija, dawk li jirrimaw bil-Malti urew biċ-ċar ir-rabta diretta li jien u oħrajn nemmnu li hemm bejn il-hiphop bil-Malti u l-għana tradizzjonali. Jekk inhu spirtu pront, dan isibu fiż-żewġ ġeneri, bil-botta u risposta b’kollox. Anke r-rakkont issibu sew fl-għana tal-fatt kif ukoll fis-siltiet tal-hiphop li jirrakkontaw storja. bħal per eżempju dawk ta’ Luċija u Samwel, jew Maria s-Sabiħa, tan-No Bling Show.
Għalija dan kollu eċitanti għax jurini li biex xi ħaġa tkun ippreservata m’hemmx bżonn biss li tibqa maqbuda b’mod statiku, mpoġġija f’bozza, ammirata għal dak li kienet, u potenzjalment ninħakmu min-nostalġija skwallida. Ċertu memorji jistgħu jiġu ppreservati billi mhux biss jinżammu ħajjin imma jgħaddu minn qoxra għal oħra, minn forma għal oħra, f’evoluzzjoni mill-aktar interessanti, anke jekk forsi xi naqra kontroversjali.
U għalhekk għandna bżonn kbir mhux biss li nkunu nafu l-istorja, speċjalment dik riċenti, imma ukoll li naraw kif nagħmlu biex ikollna aktar storjografija. Jiġifieri rridu naraw li nżommu ferm aktar mill-aneddoti bħal dawn li ktieb jien hawn f’dan l-aħħar xahar li għadda, u nistudjaw bir-reqqa kif qed jirnexxiela nieħdu pass konkreti biex nibqgħu niftakru dak li għaddejna minnu. Nistgħu ma naqblux issa. Dik mhux problema. Huwa ferm agħar jekk jintesa kollox għax ma sibnix metodi storjografiċi tajbin biżżejjed biex naħkmu kemm nifilħu mill-memorji tagħna.
Ma nħallux lil ħadd ieħor jikteb l-istorja tagħna, kif ġara fl-imgħoddi. Ħadd ieħor se jikteb l-istorja tagħna kif jaqbel lilu. Araw naqra x’nuqqas mill-aktar oxxen għandna tal-istorja tan-nisa fis-soċjetà tagħna u (nittama) li tifhmu sew x’qed ngħid. Jekk hux Claude il-Lapes jew Frans il-Budaj, Jon Mallia jew Emmanuele Cilia (dak Leli ta’ Żabett), inkella hux il-Bambinu jew il-Hooligan, dawn l-aspetti tal-kultura popolari tagħna huma kruċjali biex nifhmu min aħna daqs kull aspett storiku ieħor.
U hekk wasalna fit-tmiem ta’ din is-sensiela ta’ kitbiet dwar il-memorji tiegħi tal-mużika f’ħajti. Issa għandi bżonn indawwar l-attenzjoni tiegħi lejn proġetti oħra ta’ kitba fl-istess vena imma dwar suġġetti differenti. Din il-kitba kollha li ħarġet mingħandi fl-aħħar ġimgħat servietni tajjeb ferm biex nitħarreġ fid-dixxiplina tant meħtieġa mill-kittieba – jigifieri li tikteb. Għalkemm mhux se nkun qed nikteb dwar il-memorji personal tiegħi, tistgħu tibqgħu ċerti li dak li se nkun qed nagħmel huwa xi forma jew oħra ta’ storjografija dwar aspetti tal-kultura kontemporanja Maltija. Dan huwa bżonn kbir. Grazzi ħafna tal-appoġġ kollu li rċivejt mingħand minn segwa din is-sensiela fl-aħħar ġimgħat. U nagħlaq billi mill-ġdid inrodd ħajr kbir lill-Immanuel tal-ispirazzjoni u lil Kekina tal-paċjenzja li tieħu bija meta nkun għaddej fid-dinja tiegħi nikteb jew quddiem il-kompjuter inkella f’moħħi.
Leave a comment…