Skip to content

10. X’Se Nuru

Jien u nerġa naqra dak li ktibt s’issa f’din is-sensiela bdejt nintebaħ li aktarx mhux qed nagħti biżżejjed attenzjoni lill-mużika li skoprejt permezz tat-television. Qed ngħid dan l-aktar għax hemm tipi ta’ mużika li ma ltqajtx magħhon permezz tar-record player jew it-tape recorder, u wisq anqas fil-jukebox jew fuq ir-radju. Il-genru l-aktar ovvju għalija li jidħol kexxun f’din il-kategorija huwa l-jazz.

Il-mużika jazz ilha teżisti mill-anqas nofs seklu aktar mir-rock u għalhekk fis-snin 70 l-istazzjonijiet tar-radju aktarx li kienu jsibuha komda jużawha bħala bażi strumentali meta l-mużika orkestrali forsi ma kienetx tinħass li tista’ twassal ħoss modern. Kien hemm ukoll l-ewwel esperimenti bil-mużika elettronika madwar dan iż-żmien, imma naħseb li dawk aktar wasslu biex qarrbu l-pop mar-rock, speċjalment fis-snin 80. F’dik il-kategorija hemm ħsejjes ta’ nies bħal Vangelis jew Jean Michelle Jarre, fost oħrajn.

Il-jazz għandu storja vasta u s-sotto-generi fi ħdanu huma bosta, uħudu minnhom diverġenti ferm minn dak li kienu jsejħu jazz fl-antik. Il-jazz popolari infiltra f’oqsma oħra li kelli aċċess għalihom jien meta kont tifel matul is-snin li kont għadni qed niskopri l-mużika. Allura tista’ tgħid li minħabba l-elementi tas-swing u l-blues fil-mużika popolari li wasslet għar-rock ‘n roll, xorta kont espost għal ħafna idjomi tal-jazz. Apparti xi gruppi popolari tal-jazz rock fis-snin 70 bħal Chicago jew Blood, Sweat & Tears.

Hu x’inhu però, il-jazz kien ġeneru li rari konna niltaqgħu miegħu regolarment f’Malta qabel is-snin 90. Programm ta’ mużika jazz, imħallat b’xi qari ta’ poeziji, li kien jipproduċi Albert Marshall fuq it-television lejn nofs is-snin 70, ċertament li kien l-ewwel darba li rnexxieli nara esponenti lokali jdoqqu din it-tip ta’ mużika. Sammy Murgo fuq is-sax, Tony Agius fuq il-kitarra, u Charles Gatt is-City fuq il-vibes, kienu mpressjonawni mhux ftit. Apparti hekk pero, ma niftakar qatt aktar mużika jazz fuq l-istazzjon nazzjonali tat-television, tal-anqas sas-snin 80 meta donni niftakar xi xandira straordinaja ta’ jam sessions mill-Mystique tal-Markiż Scicluna fil-Madliena, b’uħud mill-istess mużiċisti li kont rajt fil-programmi televiżivi Maltin tas-snin 70.

Fuq ir-RAI il-jazz kien jindaqq aktar spiss. Mhux biss għax kien hemm anke aktar jazz imdaħħal b’mod inċidentali kif għedt fil-bidu, imma anke għax kien ikun hemm shows ta’ mużika jazz live fl-istudios tar-RAI jew inkella xi filmati ta’ xi kunċert minn hawn jew minn hemm. Wieħed mill-aktar li kien jaffaxxinani f’dawk l-istess żminijiet kien Dizzy Gillespie.

Aktarx li laqtitni mhux biss il-mużika imma id-dehra tiegħu ukoll. Apparti l-wiċċ famuż li jintefah qisu ta’ żrinġ meta jonfoħ fit-trumbetta tiegħu, l-istrument tiegħu kellu għamla unika. It-tromba tat-trumbetta ta’ Gillespie ma kienitx dritta bħall-oħrajn kollha imma mdawra xi 45 grad ‘l fuq biex tipponta lejn is-saqaf. Dan id-disinn straordinarju tat-trumbetta kien itiha ħoss partikolari li biż-żmien sirt napprezza li kien jixraq sew għat-tip ta’ jazz li żviluppa hu flimkien ma’ Charlie Parker magħruf bħala bebop.

Biż-żmien bdejt insib aktar jazz fuq ir-radju, speċjalment fuq stazzjonijiet minn barra minn Malta. Sirt naraf il-ħoss ta’ Miles Davis kmieni ħafna, anke għax dan kien differenti minn ta’ kullħadd ieħor, speċalment f’dawk iż-żminijiet. Bdejt nitgħallem l-ismijiet ta’ mużiċisti bħal John Coltraine, Charlie Mingus, Herbie Hancock, Chick Corea, u Keith Jarrett u kont inqajjem widenejja sew kull meta kont ninżerta l-mużika tagħhom fuq xi wieħed minn dawn l-istazzjonijiet tar-radju. Il-jazz tagħhom kien xi ftit differenti minn dak ta’ Louis Armstrong li kien diġà jinħass kważi tradizzjonali f’dak iż-żmien.

Ara ma taħsbux li kont sirt xi aficionado tal-jazz. Naħseb li r-raġuni li ġbidt lejn il-jazz kienet mill-ġdid id-differenza. Ħsejjes li mhux ta’ kuljum. Mużika li tinstema’ dejjem differenti kull darba li tisma’ imqar l-istess silta minnha, speċjalment meta tkun esegwita live. Il-jazz hija mużika li biex iddoqqha trid verament ikollok sens ta’ kontroll fuq l-istrument tiegħek. Allura hija ukoll mużika li, tal-anqas f’dak iż-żmien, ma kontx tara tfal jew żgħażagħ idoqquha.

Għalina t-tfal fuq it-television kien hemm programmi tassew sbieħ fuq kull stazzjoni – mhux diffiċli meta tqis li kien hemm biss żewġ stazzjonijiet, tlieta l-aktar, b’kollox. Fost l-aktar favoriti tiegħi kien hemm il-Muppet Show. F’kull edizzjoni kien ikun hemm mistieden speċjali. L-biċċa l-kbira kienu jkunu kantanti popolari jew atturi komiċi. Kienet tassew xi ħaġa mill-isbaħ allura għal kull min kien jixtieq jara aktar jazz, meta fil-Muppet Show il-mistieden speċjali kien Dizzy Gillespie. Ma nafx kellhomx jazzisti oħra mistiedna fil-Muppet Show apparti Gillespie u Buddy Rich, li aktarx jerġa’ jitfaċċa fir-rakkonti tiegħi xi darb’ oħra. It-tnejn li huma kellhom fuq is-sittin sena meta dehru f’din is-sensiela u wisq naħseb li għamlu dan l-aktar biex jagħtu gost lit-tfal tat-tfal tagħhom milli għax ħassew li din kienet xi mossa kruċjali fil-karriera tagħhom bħala mużiċisti tal-jazz.

Leave a comment...