Domt naqra biex fhimt għalfejn meta tidher lista ta’ artisti, sew jekk mużiċisti u sew jekk artisti viżivi, l-ismijiet li jidhru fiha jkunu predominantament dawk t’irġiel. Araw naqra l-aħħar post li ktibt u nittama li tintebħu mill-ewwel li rġiel biss hemm fiha. Filkaż tiegħi ktibtha hekk apposta, imma anke jien kont naħseb awtomatikament b’dan il-mod sa xi snin ilu. Tal-anqas irnexxieli nagħraf li dan żball, u żball kumpless ħafna.
Li jinkwetani aktar huwa li din mhux biss problema ta’ Malta, fejn spiss għadek tara anke gruppi ta’ nies miġbura fuq livell nazzjonali u rari jkun hemm nisa involuti, anke jekk suppost konxji fuq livell nazzjonali li dan m’għandux ikun. Minkejja li hemm artisti nisa validi u relevanti fiż-żminijiet kollha, spiss wisq għandna naraw in-nisa jidħlu fl-istorja b’mod marġinali biss.
Fil-qasam tal-mużika elettronika, dan li qed nikteb dwaru hawn fortunatament iltqajt miegħu kmieni ħafna f’ħajti. Mhux qed ngħid dwar il-mużika pop u rock, fejn tal-anqas hemm numru ta’ nisa li tajjeb jew ħażin jiżżefnu, jew forsi aħjar ngħid jiżfnu, fin-nofs regolarment. Hawn mhux qed nirreferi għal Donna Summer u l-kollaborazzjonijiet tagħha ma’ Giorgio Moroder, li ħarabli mil-lista ta’ rġiel li semmejt il-bieraħ.
Jekk immorru ftit lura fiż-żmien fil-mużika elettronika insibu li Daphne Oram mhux isem mhux magħrufa biżżejjed, avolja hija fost l-aktar kompożituri influenti fil-mużika elettronika. Biex nużaw terminoloġija tad-DJs: Daphanie Oram hija r-reġina tal-mużika elettronika. Bis-saħħa ta’ Oram u l-mużika elettronika tagħha nħossni qisni qomt minn raqda fonda bħal dik ta’ meta jtuk il-loppju qabel xi operazzjoni.
Meta kont għandni fil-bidu tal-karriera tiegħi bħala xandar u mort nitħarreġ mal-BBC f’Londra, waħda mill-esperjenzi li għażilt li jkolli kienet żjara fir-Radiophonic Workshop. Fiż-żjarat tiegħi f’dan il-post, il-laqgħat tiegħi kienu primarjament ma’ Dick Mills li kien diġà leġġendarju għall-kontribuzzjonijiet tiegħu fil-produzzjonijet ta’ The Goons ma’ Spike Milligan, Harry Secombe, u Peter Sellers. Li kieku mort fi żmien ieħor, abbli kont insibu jassisti lil Daphne Oram fil-mużika u l-effetti tal-ħoss għas-sensiela televiżiva Doctor Who. Oram hija l-vera stilla storika tar-Radiophonic Workshop tal-BBC, ferm aktar minn Mills.
Biż-żmien sirt aktar sensittiv għall-fatt li ħafna drabi n-nisa jispiċċaw imwarrba mil-listi ta’ nies sinifikanti fil-mużika u fl-arti. F’nofs is-snin 90 fil-Ġermanja kont sirt naf bil-mużika ta’ Hildegard von Bingen, kompożittriċi li għexet ħdejn ix-xmara Rhine xi 900 sena ilu. Ma stajtx nifhem kif din qatt ma kont smajt biha qabel. L-istess bħal meta skoprejt li f’Malta kellna lil Maria de Dominici fis-seklu sbatax fil-qasam tal-arti viżiva. Din hemm triq imsemmija għaliha f’Santa Lucija u l-istatwa oriġinali tal-kunċizzjoni fil-Bormla kienet xogħolha, però xorta ftit li xejn issib min jaf min hi f’Malta.
Madwar l-istess żmien, kont mort ngħix l-Amerika u hemm kont bdejt nisma’ l-mużika ta’ Laurie Anderson bħala parti mir-riċerka akkademika li kont qed nagħmel. Kien bis-saħħa tagħha li skoprejt lil Pauline Oliveros. Irnexxieli nattendi workshop tagħha fi New York fuq Deep Listening. Dan kunċett li ntroduċiet hi stess fis-snin 80 u li bih tara kif tistimula modi ta’ smiegħ fil-fond, b’rispons għall-kundizzjonjiet ambjentali li tkun fihom sew waħedek kif ukoll ma’ nies oħra. Wara Oliveros kont qisni ftaħt widnejja wara tindifa tajba.
Bla ma nesaġera, wara Oliveros ma bqajtx nisma’ l-istess. Tlift l-interess f’ċertu tipi ta’ mużika għax bdejt narhom repettivi b’mod li mhux immaġinattiv. Skoprejt ħsejjes li għalija kienu ġodda, bħal dawk ta’ Laurie Spiegel kif ukoll Paula u Genesis P-Orridge. Dan biex ma nsemmix lil Yoko Ono bħala artista ‘l hinn mill-istratosfera totali ta’ John Lennon li orbitat fiha għal tant snin.
Kien hekk li apprezzajt sew lill-Pussy Riot meta tfaċċaw fix-xena internazzjonali. U forsi anke minħabba Oliveros ftit li xejn impressjonajt ruħi b’Imogen Heap – ħlief meta rajtha ddoqq live f’Londra ftit tas-snin ilu – għax rajt fiha sempliċiment kontinwazzjoni fuq Laurie Anderson li tmur aktar fid-direzzjoni tal-mużika li jridu ħafna nies aktar minn dik li tassew trid tipproduċi hi.
Fl-aħħar mill-aħħar, ftaħt għajnejja u widnejja, jew nittama li ftaħt għajnejja u widnejja, għall-iżbilanċi li jeżistu fid-dinja tal-arti u l-mużika, jekk mhux anke fis-soċjetjiet tagħna b’mod aktar wiegħsa. Żbilanċi li jeżistu f’kull sfera oħra tas-soċjetajiet li ngħidxu fihom. Żbilanċi li ndubjament għandhom potenzjal enormi li jipproduċu xokkijiet statiċi.