20. Xokkijiet Elettroniċi

Dawk li huma xi ftit akbar minni fl-età aktarx li ħassew l-introduzzjoni tal-eletriku fil-mużika bħala xi ħaġa xokkanti. Il-livell ta’ xokk kompla għal bosta anke matul is-snin li fihom trabbejt jien. Bl-istess mod li l-kitarra tal-eletriku kienet xi ħaġa ġdida għall-ġenerazzjonijiet ta’ qabli, għall-ġenerazzjoni tiegħi kienet xi ħaġa ġdida li strumenti elettroniċi jipproduċu l-mużika.

Għall-ewwel ħafna mill-mużika li kienet tinvolvi ħsejjes elettroniċi ma kienetx tiġi kklassifikata bħala mużika elettronika. Per eżempju, l-użu tal-Moog synthesizer minn diversi gruppi popolari tas-snin 60 u 70, kien sempliċiment ħoss ieħor fl-orkestrazzjoni (jekk dan huwa t-terminu xieraq) tagħhom. Nies li jifhmu aktar minni f’dan il-ġeneru mużikali jsostnu li kien biss wara li Wendy Carlos (dak iż-żmien magħrufa bħala Walter Carlos) ħarġet album bil-mużika ta’ J.S. Bach fuq il-Moog li l-mużika elettronika, mingħajr strumenti oħra li mhux elettroniċi, biet titkattar. Aktarx li l-fatt li ħafna minn din il-mużika kienet strumentali, kien relattivament faċli għal diversi mużiċisti Ewropej jinfiltraw is-suq tal-mużika popolari li kien iddominat l-aktar mill-Ingliżi u l-Amerikani. Mill-ewwel jiġuni f’moħħi l-grupp Ġermaniżi Kraftwerk u Tangerine Dream bħala eżempju ta’ dan. Fl-istess kategorija npoġġi lill-kompożitur Franciż Jean Michel Jarre u l-guru Grieg tal-mużika elettronika Vangelis.

Brian Eno huwa l-aktar esponent Ingliż li jidħol b’mod komdu f’din il-kategorija, anke jekk forsi ma kienx popolari daqs dawn l-oħra li għadni kemm semmejt. Il-kollaborazzjonijiet tiegħu wara li teleq minn mar-Roxy Music, speċjalment dawk mal-kitarristi Ingliżi Robert Fripp u Andy Summers, imma b’mod partikolari x-xogħol tiegħu mal-artist Amerikan David Byrne, ipprovdew uħud mill-ewwel xokkijiet elettroniċi tiegħi.

F’nofs is-snin 80, hekk kif ix-xena tal-mużika popolari kienet miżgħuda bil-ħsejjes elettroniċi ta’ synthesizers u drum machines,li ħafna drabi jieħdu post il-kitarri u strumenti elettriċi, din it-tip ta’ mużika kienet tinħass xi ħaġa kważi ordinarja meta tindaqq fuq ir-radju. Fost l-aktar magħrufa kienu Depeche Mode, Soft Cell, Eurythmics, Talk Talk, Yazoo, Orchestral Maneuvers in the Dark, Ultravox, u kwantità kbira oħra bħalhom, il-biċċa l-kbira kollha Brittanniċi. F’Malta kellna l-Joy Circuit u l-X-Tend li kienu jiddelettaw b’dan l-istil f’dak iż-żmien.

Meta kont għandni nibda l-karriera tiegħi fix-xandir (ara post numru 17 f’din is-sensiela) kont ngħaddi ħafna ħin fil-libererija tad-diski. Kienet parti mill-edukazzjoni professjonali tiegħi niskopri tant mużika li qatt qabel ma kelli l-opportunità nisma’. Il-mużika elettronika kont infittxa daqs kull ġeneru ieħor, jekk mhux aktar, u kien hemm li smajt sew ħafna mid-diski ta’ Carlos, Vangelis, Jarre, Eno, Kraftwerk, Tangerine Dream, u oħrajn bħalhom. Anke esperimenti elettroniċi avantgarde bħal dawk ta’ Karlheinz Stockhausen jew Gian Carlo Menotti kelli aċċess għalihom fil-liberija tad-diski ta’ Xandir Malta. Ma nafx jekk id-diski tagħhom qattx ma kienu ndaqqu fuq ir-radju f’Malta qabel ħriġthom jien.

Kien hemm li skoprejt il-mużika ta’ Ray Buttigieg. Staqsejt dwaru imma donnu ħadd ma kien jaf sew min hu. Qisu d-diski tiegħu kienu tfaċċaw f’Xandir Malta fi żmien meta kien hemm xi ħadd ieħor li ma kienx għadu hemm. Forsi kienu Victor Aquilina jew Noel Mallia li kienu għadhom kemm spiċċaw mix-xena tax-xandir nazzjonali ftit xhur biss qabel bdejt jien. Sinċertament ma nafx u qatt ma staqsejthom. Effettivament ħadd ma kien jaf jgħidli xejn dwar Ray Buttigieg fl-istudios ta’ Gwardamangia. Biż-żmien b’xi mod sirt naf li Buttigieg kien Għawdxi mil-Qala li telaq lejn New York għall-ħabta ta’ nofs is-snin 70. Hemm hekk beda jlaqqa’ l-kitbiet poetiċi tiegħu ma’ ħsejjes elettroniċi fuq bażi regolari u eventwalment ħareg ħafna diski li kienu ppubblikati fuq vinyl fl-Amerika.

Ftit qatt sibt min jaf bih. Uħud mill-ħbieb tagħna tal-għaqda Electronic Music Malta qishom bil-kemm kienu jafu bih meta tkellimt dwaru f’konferenza tagħhom xi ftit taż-żmien ilu. Hu x’inhu Ray Buttigieg offrieli xokk elettroniku ieħor. Aktarx l-aktar wieħed kbir. Mhux biss għax irnexxielu jkun tant prolifiku matul il-karriera tiegħu u anqas għax aktarx li kien l-aktar Malti li mess mill-aktar kmieni mal-mużika elettronika. L-akbar xokk naħseb li kien, u sa ċertu punt għadu, kif kważi ħadd ma jaf bih f’Malta.

Leave a comment...