31. X’aktar?

Sa mill-ewwel darba li rajt l-Internet tard fis-snin 80, qabel ma biss kien għadu ġie ivvintat il-World Wide Web, intbaħt li dan kien se jkun il-mezz il-ġdid fid-dinja tal-medja. Ma kontx waħdi li għaraft fih dan il-potenzjal anke jekk ħafna abbli għadhom sal-lum jarawh bħala xi ħaġa separata.

Aktarx li waħda mill-aktar affarijiet li ġibduni lejn l-Internet kienet l-idea li m’hemmx bżonn aktar intermedjarju editorjali bejnek u bejn min trid twassal il-messaġġ tiegħek għandu. Kien dan, fost affarijiet oħra, li wassalni biex nirridirezzjonha l-interessi professjonali kif ukoll akkademiċi tiegħi – li wara ċertu żmien saru ħaġa waħda – lejn l-użu tal-Internet fil-qasam tal-kreattività u l-ispettaklu.

Kont diġa ili naħdem fil-qasam tax-xandir għal aktar minn għaxar snin meta bdejt naħseb dwar kemm kien relattivament limitat il-mod kif setgħu jiżviluppaw l-affarijiet. Wara l-esperjenza tal-ħidma ma’ l-aħwa Joe u Godfrey Grima fuq il-ħolqien ta’ Radio One Live u t-tluq minn Malta suppost “għal dejjem,” il-prospetti dehru anke anqas attrajenti. Propjament, għażla waħda kien hemm biex inkun nista’ nsib xi forma ta’ sodisfazzjon professjonali f’dak il-punt: li noħloq stazzjon tiegħi stess. L-aktar parti diffiċli ta’ dan kienet li la ridt noħloq wieħed tar-radju u wisq anqas għat-television.

Kien hekk li wasalt biex inħares lejn l-Internet bħala l-pass naturali li kien imiss fil-mixja professjonali tiegħi fil-mezzi tax-xandir. Mill-ewwel emmint li l-internet verament kellu l-potenzjal ikun mezz ta’ demokrazija diretta. Dan mhux bħar-radju li trid liċenzja biex ixxandar bih jew it-television li trid investiment finanzjarju qawwi fih biex verament tiġbed l-attenzjoni tat-telespettaturi.

Kien hekk li kkonvinċejt grupp żgħir ħafna ta’ nies li kont nafda sew, u li kellhom ħliet li jien m’għandix, biex flimkien nibdew kumpanija. L-isem li għażilt jien għal din il-kumpanija kien MaltaMedia. Aktarx li konna kmieni wisq meta bdejna nagħmlu dan it-tip ta’ xogħol fl-aħħar sentejn-tlieta tas-seklu l-ieħor. Kull ħaġa li messejna magħha kienet “l-ewwel” – konna verament pijunieri, aktar minn kollox, fejn jidħol l-użu tal-Internet f’Malta

L-istorja tal-MaltaMedia jixirqilha ktieb sħiħ biex tingħad sew. Is-servizz tal-aħbarijiet li konna ħloqna taħt tit-tmexxija ta’ Martin Debattista għamel żmien twil l-unika wieħed regolari minn Malta qabel ma l-gazzetti ntebħu li dan il-mezz kien il-futur tal-intrapriża tagħhom. Għax konna stonkużi, konna noffru servizz bi-lingwi, tal-anqas f’dawk is-snin. Eventalment qlibna għall-Ingliż biss. Fost in-numru mdaqqas ta’ nies li ħadmu magħha u kitbu rapporti fis-servizz tal-aħbarijiet ta’ MaltaMedia matul is-snin kien hemm Darrell Pace, Pierre J. Mejlak, Sandro Mangion, Immanuel Mifsud, Kristina Chetcuti, Coryse Borg, Alexia Conti, Robert Micallef, Ramona Portelli, Frederick Zammit, Lorraine Duca, kif ukoll il-mibkija għażiża tagħna Ruth Davies.

L-aktar servizz tal-MaltaMedia li kien għal qalbi kien aboutmalta.com, websajt żviluppata fuq is-sit pijunier li kien ħoloq Grazio Falzon xi ftit qabel bħala l-ewwel website dwar Malta. L-isem oriġinali kien Grazio’s Malta Virtwali. Dawk il-Maltin li kienu jużaw l-Internet f’dak iż-żmien żgur li jiftakruha. Il-Professur Falzon kien fdana biex niżviluppaw dan is-sit f’wieħed li jservi ta’ direttorju għall-preżenza Maltija onlajn, fis-snin ta’ qabel tfaċċa Google.

Fuq livell aktar personali, kont miġbud ferm lejn ix-xandiriet li konna nagħmlu msejħa webcasts. Uħud minn dawn saru f’kollaborazzjoni ma’ Radju Calypso (meta kien għadu stazzjon Għawdxi) u r-Radju tal-Università (sa ma sar Campus FM). Eventwalment bdejna nagħmlu minn dawn il-webcasts mingħajr kollaborazzjonijiet ma’ stazzjonijiet stabbiliti terrestrijalment. Dawn wasslu biex bdejt nikteb il-blog tiegħi, u miegħi kaxkart lil Pierre J. Mejlak, Immanuel Mifsud, Robert Micallef u oħrajt biex jagħmlu tagħhom ukoll.

L-ewwel snin tal-blogosfera Maltija mill-2004 kien tassew żmien interessanti u eċitanti. Alex Grech kiteb it-teżi tad-dottorat tiegħu dwar din ix-xena u l-mod kif iddeterjorat sa ma waslet il-kwistjoni tad-divorzju f’Malta u l-partiti politiċi ntebħu bis-saħħa ta’ dan il-mezz ġdid ta’ kommunikazzjoni. Fil-blog tiegħi kont sibt dak li dejjem xtaqt: mezz ta’ kommunikazzjoni diretta u ħielsa minn kull intermedjarju. Fil-blog bdejt nikteb dwar il-mużika li kienet tinteressani. Din il-kitba wasslet biex nibda l-poddati (hekk insejħulhom podcasts bil-Malti) ta’ Mużika Mod Ieħor. Dwar dan se niddedika parti sħiħa minn din is-sensiela dalwaqt.

Qabel wasalt hemm, reġà kelli ħafna mużika preżenti f’ħajti, tal-anqas bħala semmiegħ. Dan kien l-aktar bis-saħħa tal-Internet u l-introduzzjoni tal-files magħrufa bħala mp3. Kont insegwi wkoll partijiet mix-xena mużikali fi New York, li kienet indubjament tinkudi ukoll punti ta’ referenza qawwija fil-qasam tal-mużika alternattiva, jazz, u stili oħra li kienu jinżluli tajjeb qabel. L-opportunitàjiet biex nara kunċerti live kienu tassew abbundanti. L-unika darb’ oħra f’ħajti li segwejt daqstant mużika live tajba kien meta kont student mal-BBC f’Londra, b’kunċerti fir-Royal Albert Hall u Hyde Park imnaqqxa fil-memorja anke jekk biż-żmien uħud minn dawk il-memorji qed jintfew ukoll.

Mill-kuntatti li kont żviluppajt fi New York, kien hemm perjodu fejn kelli x-xorti nattendi regolarment sensiela ta’ recordings ta’ serje televiżiva msejħa Sessions at West 54th li kienu jsiru fl-studios ta’ Sony Music, propju f’West 54th Street f’Manhattan. Hekk rajt lil Patti Smith live għall-ewwel minn tlett darbiet, il-Kronos Quartet, Rufus Wainwright, Ottmar Liebert, Branford Marsallis, Chris Isaak, The Cranberries, in-Neville Brothers, u Diana Krall.

Leave a comment...