14. Walkman Riħa ta’ Ċikkulata

Min m’għex f’Malta fis-snin 80 aktarx li ma jemminx meta ngħidu li kien żmien tassew stramb fuq ħafna livelli. Aktar milli ma jemminx forsi ma jifhimx, għax li temmen mhux diffiċli daqs kemm li tifhem. Naturalment biż-żmien il-memorji tas-snin 80 jew sirna narawhom agħar milli kienu jew inkella nsejna kemm kienu tassew żminijiet diffiċli u bil-kemm ma ngħidux li konna ngħixu f’ġenna tal-art.

Kien l-ewwel deċenju li fih bdejna naraw u mmissu b’idejna x’jiġifieri Malta indipendenti, repubblika, u ħielsa. Mingħajr indħil barrani mingħand min għal snin twal kien ħakimna bħala kolonja, anke jekk xi drabi t-tmexxija imperjali kienet tinħass aħjar għal min jippreferi li jaħseb għalih ħaddieħor. Fortunatament f’Malta it-tmiem tal-kolonjaliżmu prattiku ma kellux l-impatt negattiv li esperjenzaw uħud mill-pajjiżi tal-hekk imsejjaħ commonwealth, li nħellsu xi ftit jew wisq fl-istess żmien ta’ Malta.

Wieħed mill-episodji sintomatiċi li nħobb nispega s-sitwazzjoni f’Malta fil-bidu tas-snin 80 bih jien huwa dak ta’ meta Mintoff iddeċieda li Malta ma timportax aktar ċertu prodotti minn barra, b’mod speċjali ċikkulata mir-Renju Unit. L-iskop kien li l-poplu jixtri l-prodotti Maltin, u li l-ekonomija Maltija ma jkollix ħafna aktar flus ħerġin mill-pajjiż għal prodotti barranin milli deħlin mill-kummerċ u t-turiżmu. Ir-raġunament teoretiku ma kienx ħażin. Stajt ma taqbilx miegħu politikament, imma finanzjarjament żgur li jagħmel sens dan it-tip ta’ ppjanar ekonomiku għal pajjiż li kien qed jesperjenza l-ewwel bżonn ta’ tmexxija li ma kienetx tiddependi mill-kiri ta’ bażi militari navali sostanzjali fil-pajjiż.

Dan l-isfond qed noffrih hawn mhux biex inqanqal diskussjoni dwar il-merti politiċi tad-deċizzjonijiet ta’ Mintof f’dak iż-żmien. Mhux għax m’hemmx lok ta’ diskussjoni. Biss biss il-fatt li din kienet ippreżentata bħala deċizzjoni ta’ Mintoff u mhux tal-gvern li kien imexxi hu, huwa fenomenu li fih innifsu jindika kemm kien qawwi l-kult tal-personalità li bih tmexxiet Malta għal tant snin; u dan mhux biss fi żmien Mintoff.

Dan l-isfond qed noffrih hawn aktar bħala kuntest għal kif spiċċajt akkwistajt l-ewwel walkman tiegħi; din is-sensiela dwar hekk, wara kollox. Fil-bidu tas-snin 80, il-walkman kien għadu xi ħaġa ġdida u l-idea li tista’ ddoqq cassette u tisimgħu inti biss b’headphones ħfief b’kwalita tal-ħoss stereo relattivament tajjeb kienet tassew esperjenza innovattiva. Bil-walkman stajt tisma’ sew dak li normalment ried ikollok sistema tal-hifi sofistikata biex tapprezza.

L-ewwel walkman tiegħi wasal meta ommi u missieri kien marru Sqallija għal ftit jiem. Staqsewni x’irrid minn hemm, għax ma kontx sejjer magħhom, u kważi b’forma ta’ kuntratt biex noqgħod bilgħaqal waqt li jkunu hemm. “Walkman!” kienet it-tweġiba tiegħi bla tlaqlieq ta’ xejn. “Ċikkulata ta’ barra ma tridx?” Staqsietni ommi, anke għax bil-kemm kienet għadha taf x’inhu walkman. “Le! Walkman, u walkman biss, irrid.” Dan anke għax kont naf li ċikkulata xorta se jġibu magħhom.

Bħal tant nies oħra f’Malta dak iż-żmien, ftit li xejn kienet tappellali ċ-ċikkulata tad-ditta lokali Desserta (mhux Deżerta, kif abbli naħsbu llum b’mod romantiċizzat), anke fl-għażla vasta ta’ prodotti disponibbli. Kien hemm uħud mill-prodotti tad-Desserta li kienu verament straordinarji. Fost dawn niftakar l-aktar ħames tipi, jew togħmiet, ta’ ċikkulata – jekk tista’ ssejħilha hekk: banana, peppermint, lemon, pineapple, u bittersweet. Kienu bl-Ingliż għax Mintoff kien irranġa anke biex dawn jiġu esportati barra minn Malta, b’mod partikolari għal-Libja u xi żewġ pajjiżi oħra hekk imsejħa non-allinejati, bħal-Jugoslavja. Ma’ dawn kien hemm Dairy Milk, Orange, White Chocolate, Milk & Nut, u Fruit & Nut, li kienu attentat ċar, anke jekk fqir, biex jimitaw prodotti b’ismijiet simili minn kumpaniji bħal Cadbury, Rowntree’s, jew Nestlè.

Il-wasla tal-Maltin minn Sqallija b’kunsinja ċikkulata u prodotti oħra ta’ barra li ma kienux għadhom jidħlu Malta kienet parti minn ritwal regolari fis-swali tad-dwana fl-ajruport u fil-port il-kbir matul dawk is-snin. Mhux se nkompli nidħol fid-dettalji ta’ dan kollu għax personalment qatt m’esperjenzjat tassew x’kien jiġri meta l-Maltin kienu jaslu b’bagoll wara l-ieħor mimli ċikkulata ta’ barra u prodotti oħra bħal toothpaste u x’naf jien. L-istejjer li smajt spiss kienu jkunu simili għal dik ta’ Billy Hayes fil-Midnight Express, inkella sempliċi kwistjoni ta’ naqra korruzzjoni istituzzjonalizzata, mhux differenti wisq minn kif jingħad li kont iddaħħal telefon jew television tal-kulur meta trid f’darek dak iż-żmien.

B’xi mod il-walkman wasal minn Sqallija. Kellu riħa ta’ ċikkulata qawwija fuqu għall-ewwel ftit jiem. Tistgħu timmaġinaw kif ġara dan. Jekk le, allura ma narax il-punt li nispjega aktar dwar din il-ħaġa jien. Mill-ewwel bdejt nara kif indawwar bih cassettes irrekordjati b’mod stereo ċar biex nista’ napprezza s-separazzjoni ta’ dak li tisma’ f’widnejk ix-xellugija minn dak li jasal fil-leminija. Fuq quddiem nett f’din il-kategorija kien hemm il-mużika tal-Pink Floyd. Kont sibt cassette originali ta’ Relics tal-Pink Floyd bil-glorjuża Interstellar Overdrive fih u siltiet oħra ta’ rock psikadeliku li verament kienu ideali biex tapprezza l-ġmiel ta’ esperejenza li kien jista’ joffrilek il-walkman meta tkun x’imkien għall-kwiet fejn normalment qatt, jew rari, ma kienet tindaqq dik it-tip ta’ mużika li issa stajt tisma’ int biss.

Tlaqna Dingli Cliffs naraw ix-xemx nieżla, ras? Ġib biċċa ċikkulata tajba miegħek. Jien inġib il-walkman miegħi.

https://www.youtube.com/watch?v=YH2T94XWqck

Comments

One response to “14. Walkman Riħa ta’ Ċikkulata”

  1. Syntio Avatar
    Syntio

    Toni niftakar li fi zmien il -Walkman il-cassettes lejali tieghi kienu: The smiths, the Alarm, waterboys, the cure, new order … fost ohrajn.

Leave a comment…