Skip to content

11. Waħda tal-Aħħar mill-Jukebox

Ikun tajjeb jekk nieqaf naħseb dwar il-jukebox wara llum. Il-jukebox li kellna fil-bar tal-ġenituri tiegħi ma kienetx l-unika waħda sinifikanti f’ħajti. Kien hemm oħra li tfaċċat fis-sajf ta’ meta kelli xi 14 jew 15-il sena; dwar din forsi nikteb xi ħaġa aktar ‘l quddiem. Fil-granet li għaddew il-jukebox daħlet fl-istorja diversi drabi. Naħseb li issa wasal il-waqt li ngħid xi ħaġa tal-aħħar dwarha, tal-anqas għalissa, u ngħaddu għal xi ħaġa oħra f’dan il-vjaġġ bla destinazzjoni. L-għan tiegħi jibqa xi forma ta’ għarfien, imqar miegħi nnifsi, dwar kif żviluppajt il-ġosti mużikali tiegħi matul is-snin. La rrid nibqa niftakar biss memorji minn tfuliti u wisq anqas ma rrid nimxi biss b’mod kronoloġiku.

Fl-post ta’ qabel din bdejt nitkellem dwar il-jazz. Fil-jukebox ma nafx li qatt kellna jazz. Dan anke għax il-ġeneru tal-jazz ftit li xejn joħorġu singles minnu. Jekk mhux f’għamla ta’ single li ddur b’45 rpm qajla kien hemm ċans li xi forma ta’ mużika jew oħra tidħol f’jukebox, sa ma l-format inbidel f’dak ta’ CDs fis-snin 90 meta anke ma’ jukeboxes b’siltiet operistiċi ltqajt. Fil-jukebox tal-45 rpm l-eċċezjonijiet kienu jkunu jew xi diski ta’ jazz standards minn xi Ella Fitzgerald, jew it-taħlit tal-jazz mar-rock melodjuż, kif semmejna fil-mużika ta’ gruppi bħal Chicago u Blood, Sweat & Tears, inkella f’xi silta smooth jazz qabel ma’ Kenny G tellifni l-gost ta’ dan l-istil ta’ jazz ħafif darba għal dejjem.

Tispikka mis-snin tal-jukebox id-diska If You Leave Me Now taċ-Chicago li niftakar ċar qisu l-bieraħ lil Philip Fenech (magħruf l-aktar bħala diriġent tal-BJs u/jew fil-GRTU) li kien parruċċjan regolari fil-bar tagħna jagħżel din id-diska regolarment għal bosta ġimgħat fuq il-jukebox. Philip il-Faggy, kif konna nsibuh dak iż-żmien, kien wieħed mill-bosta karattri kkuluriti li kienu jiġu fil-bar tagħna regolarment. Ma kienx l-unika wieħed li kellu gosti mużikali partikolari, imma huwa wieħed minn ftit li għandi f’kuntatt magħhom sal-lum. Meta ftit ilu, m’ilux wisq però, intervistah Noel D’Anastas fuq ir-radju waqt il-programm tiegħu Tfuliti u Żgħożiti, Philip għażel li jsemmi l-bar tagħna bħala punt ta’ referenza importanti għalih f’dik li kienet it-trobbija tiegħu. Għandi nifhem li kien qed jgħid b’mod partikolari għat-tfassil tas-sensibilità kulturali tiegħu b’mod ġenerali.

Esponent ieħor tal-jazz li jispikka minn dawk is-snin tal-jukebox huwa George Benson. Dan aktarx li wasal fil-jukebox wara li missieri kien akkwista cassette tal-album tiegħu Weekend in L.A. mingħand Antoine Bonnici Soler, mużiċist prim li kellu effett sinifikanti fuqi b’mod li nista’ niddiskrevih biss bħala kważi subliminali. Hu u missieri t-tnejn kienu jħobbu l-bossa nova u allura permezz t’Antoine tkattar ukoll l-aċċess li kelli għal mużika ta’ Jobim u oħrajn ‘l hinn minn dak li kellu diġà missieri d-dar.

Mhux ċert 100% minn dan li se ngħid issa, imma għandi l-impressjoni li fil-jukebox kienet tfaċċat is-single On Broadway ta’ George Benson ftit qabel ma tlaqna mill-bar darba għal dejjem fl-1979. Niftakarni nisma’ din id-diska diversi drabi. Kienet ukoll fuq wieħed mill-cassettes li kellna d-dar, imma jidhirli li kienet fil-jukebox ukoll. Ma nistkantax jekk qed inħawwad. Fl-aħħar mill-aħħar qed nitkellmu dwar memorji ta’ aktar minn 40 sena ilu li qatt qabel illum ma ndenjajt ruħi nipprova niktibhom.

Il-memorja xi ħaġa stramba. Għandha tendenza tqarraq bina. Bosta drabi niftakru ċertu affarijiet isbaħ milli fil-fatt kienu jew forsi anke agħar milli forsi kienu. Għalhekk intenni li jien u n-nostaġija ma tantx aħna ħbieb. Jien u l-memorja apparti n-nostalġija, storja oħra. Mal-memorja għandi relazzjoni kumplessa li xi drabi hija eżaltanti u minn xi daqqiet oħra tassew frustranti.

Leave a comment...