Skip to content

08. Ir-Radju Mhux Ir-Rediffusion

Għalkemm xi ħames snin ilu ktibt ktieb dwar ir-Rediffusion f’Malta naħseb li għadni qatt ma stqarrejt pubblikament li aħna ma kellnix set tar-Rediffusion id-dar. Missieri kellu wieħed fil-bar li semmejt diġà imma dan ma damx hemm meta daħlet ommi fl-istorja. Sa ma twelidt u bdejt nitfarar jien ġa kien ilu sew li tneħħa. Kien hemm dawk it-tlett oġġetti li ktibt dwarhom diġà jikkumpensaw għalih: ir-record player, it-tape recorder, u l-jukebox. Dan biex ma nsemmux ukoll it-television, li għalkemm kien limitat ħafna fin-numru ta’ siegħat li kien ixandar, biex ma nsemmux n-numru limita ħafna ta’ stazzjonijiet li konna naqbdu fuqu, kien ukoll oġġett li nistħgu ninkluduh mat-tlieta l-oħra.

Madankollu kien hemm ukoll oġġett ieħor li s’issa ftit li xejn għandi semmejt, anke jekk eventwalment sar element ċentrali fil-karriera professjonali bikrija tiegħi: ir-radju. Dan kien xi ħaġa differenti ferm mir-Rediffusion li kien joffri biss żewġ kanali waqt li marbut bil-fil mal-binja li fiha kien ikun installat. Ir-radju li kellu missieri anqas ma kien bħar-radju tan-nannu, li effettivament kien biċċa għamara li kienet baqgħet fid-dar tan-nanna anke snin twal wara li miet hu u ma baqgħetx tgħix hemm hi. Ir-radju ta’ missieri kien 2 band transistor radio tad-ditta Sharp importat mill-Ġappun, li kien jaħdem b’batterija ċatta ta’ 9V. Ir-radju kien jinżam f’baskett żgħir tal-ġilda kannella ddisinjat apposta biex jinġarr fih. Hekk naħseb li ltqajt mar-riħa tal-ġilda għall-ewwel darba f’ħajti

Fuqu kont taqbad ukoll numru kbir ta’ stazzjonijiet jew bil-medium wave inkella bis-shortwave. Kellu aerial teleskopiku twil li kont trid tifthu biex tisma’ sew dak li tkun qed tirċievi, speċjalment fuq is-short wave. Ma nafx eżatt x’kienet l-istorja ta’ kif dan ir-radju daħal f’ħajjitna, imma naf ċert li kien parti integrali minn tfuliti għax apparti li rari kien ikun bogħod minn missieri, konna noħduh magħna ukoll fil-karozza u allura kien ikollna l-mużika u xandiriet oħra magħhna, kull fejn immorru. Fil-karozzi ta’ Malta ma kienx ikun hemm radju mwaħħal fiss dak iż-żmien; dak beda dieħel ftit tas-snin wara.

M’għandix dubju li l-ftuħ tar-Radju ta’ Malta fuq 999 KHz MW fl-1973 kien parti essenzjali mir-rwol li ħa r-radju f’ħajti. Niftakarni nisma’ l-ewwel programmi mxandra minn Norman Hamilton. Meta kont inkun ma’ missieri wara l-iskola kont nisma’ xi biċċa mill-programm tiegħu Antenna li mid-dehra kien popolari ħafna. Meta għal xi raġuni jew oħra kont nibqa’ l-iskola minflok immur id-dar, is-soru kienet nixgħel ir-Rediffusion li kellna fil-klassi. Hemm flok Norman Hamilton u d-diski pop li kien idoqq hu kont nispiċċa nisma’ l-Kyrie mill-Missa Luba li kienet tintroduċi xi programm religjuż li niftakar bil-vuċi ta’ Charles Arrigo. Ma nifakarx sew x’kien.

Ir-radju fetaħli dinja ġdida ta’ ħsejjes, anke jekk fl-istess waqt ir-Rediffision fil-klassi tal-iskola xorta kien joffrili ħsejjes differenti minn dawk li kont nisma’ fuq ir-radju ta’ missieri, jew xi wieħed minn dawk it-tlett oġġetti mużikali li bihom introduċejt din is-sensiela. Il-Kyrie mill-Missa Luba tal-Congo aktarx li kienet l-ewwel biċċa mużika li tħabbibt magħha li ma kienetx mid-dinja tal-mużika popolari jew klassika, u ‘l hinn mid-dominanza kulturali Anglo-Amerikana jew Taljana.

Naf li bosta snin wara dan kollu, meta kont naħdem Xandir Malta u Charles Arrigo kien l-imgħallem tiegħi, kont staqsejtu dwar l-użu tal-Kyrie mill-Missa Luba tal-Congo imma ma niftakarx li t-tweġiba tiegħu kienet impressjonati biżżejjed biex nibqa’ niftakarha. Kienet x’kienet pero, tal-anqas f’moħħi kienet tgħin biex timmarka d-differenza bejn ir-Rediffusion konservattiv b’tendenzi kolonjali u r-Radju ta’ Malta bil-frivolità u sens ta’ ferħ li ġġib magħha il-mużika pop.

Leave a comment...