Skip to content

33. Mużika Mod Ieħor

Ix-xena tal-mużika Maltija interessanti ferm. B’daqshekk ma jfissirx li hi tajba. Il-medjokrità fil-qasam tal-mużika pop, li ilha preżenti fiha għal aktar minn sittin sena, tista’ ttellef lil bosta milli jsibu dawk il-ftit gawhar tassew prezjużi li hemm moħbija fiha. Dawn jinstabu mhux fil-fond wisq, għal min irid ifittex naqra. Il-biċċa hi li tant għandna kantanti u mużiċisti li jaħsbu li huma itjeb milli fatt huma, għax ħafna nies jgħidulhom prosit, ġieli anke fil-vojt, li mal-ħażin jeħel ukoll it-tajjeb, anke jekk din qisha qed tonqos issa. Kulħadd f’keffa waħda: l-mużika Maltija inferjuri ħdejn dik minn pajjiżi oħra li minnhom ħarġu stillel kbar li ttraxxendew il-ġenerazzjonijiet.

Fis-sajf tal-2005 kont ili għaddej ftit aktar minn sena bil-blog tiegħi. Kien għadu kemm miet Dominic Grech tat-Tramps, magħruf ma’ kulħadd f’Malta u Għawdex bħala l-awtur u l-kantant oriġinali tal-kanzunetta Xemx. Ir-rumanzier Ġużè Stagno kien ħareg it-tieni ktieb tiegħu, u dan kellu isem meħud direttament mill-ewwel vers tar-ritornell ta’ dik il-kanzunetta. Dak is-sajf ukoll, xi ħadd qalli li kien hemm grupp ġdid jismu Xtruppaw li għalkemm kienu jdoqqu stil naqra punk kienu qed jagħlqu l-gigs tagħhom b’verżjoni fidila ta’ Xemx. Dawn l-affarijiet kollha flimkien ħassejthom parti miż-zeitgeist li kien hemm bżonn ferm aktar minn bloggata biex jinħakem sew.

Il-blog tiegħi kont niktbu bl-Ingliż. Il-biċċa l-kbira tal-ktibet tiegħi kienu dwar affarijiet li kienu qed jiġru f’Malta. Avolja kont ngħix New York, kont insegwi dak li għaddej f’Malta regolarment, partikolarment bis-saħħa tas-servizzi onlajn tal-MaltaMedia – ara l-post ta’ qabel din għal aktar dwar hekk. Il-blog tiegħi kien bl-Ingliż għal żewġ raġunijiet. L-ewwel waħda kienet għax peress li kont ili tant snin ngħix barra, kont wasalt f’punt fejn meta nikteb bl-Ingliż kont bdejt naħseb bl-Ingliż u allura dan kien eżerċizzju utli biex nipprattika aktar kitba u ħsieb bl-Ingliż. Apparti hekk, ridt ukoll naqsam mal-bosta ħbieb u kollegi li kelli hemm li ma kienux jafu bil-Malti, parti mid-dinja tiegħi li huma ftit li xejn kienu jafu dwarha. Aktarx però li Malta kienet tinteresshom biss biex forsi jaslu jifhmu aktar uħud mill-eċċentriċitajiet tiegħi.

Dak is-sajf irnexxieli nisma’ żewġ recordings DIY ta’ żewġ kanzunetti oriġinali tal-iXtuppaw. Il-ħoss kien eċitanti, anke jekk mużika punk xi ftit ordinarja. Propjament kien il-kliem li qanqalni l-aktar. L-ewwel silta kienet Ġenerazzjoni ta’ Meqrudin. Stessu forma ta’ kanzunetta tal-ġenerazzjoni l-ġdida li kienet telgħet warajja u li qajla bqajt nafha meta tlaqt minn Malta. Ma’ din kien hemm ukoll Malta – kanzunetta li ħassejt li kienet l-aktar ħaġa sensata ħierġa mix-xena tal-mużika Maltija sa mit-80ijiet, meta kont smajt għall-ewwel darba gruppi bħal The Rifffs u s-Subverts f’Tigné.

Ħassejt li kien essenzjali nevanġelizza il-messaġġ tal-iXtruppaw. Il-vrus mill-kanzunetta Malta ħassejthom qishom manifest anti-politiku: “Malta – demokrazija. / Malta – tgħidx ereżija.” Kont ili nistenna ħajti kollha lil xi ħadd jesprimi dan is-sentiment politiku tiegħi b’mod pubbliku. U l-iXtruppaw għamlu dan b’mod qisu mill-aktar faċli. Dan kien l-ewwel element sinifikanti li qanqalni biex nibda s-sensiela ta’ poddati (ftakru li hekk bdejna insejħulhom podcasts bil-Malti) li għażilt li nsejjaħ Mużika Mod Ieħor.

Il-mod kif affettwani l-album Deb ta’ Souad Massi (ara l-post ta’ qabel din) huwa t-tieni element essenzjali li wasalni biex nibda nipproduċi s-sensiela ta’ poddati tiegħi ta’ Mużika Mod Ieħor. Kont naf li hemm ħsejjes li kapaċi jqanqlu sentimenti simili fija mix-xena tal-mużika Maltija ukoll; anke jekk huma verament ftit. Dawn huma sentimenti li ma tistax tħosshom sew mingħajr għarfien sħiħ tal-kuntest li ġejjin minnu. Qed ngħid hekk għax meta kollega professjonali tiegħi minn Franża ġiet miegħi tara lill-iXtruppaw idoqqu live f’post tassew vibranti li kien jismu Naasha, bieb ma’ bieb mal-knisja ta’ San Ġwann, kienet sempliċiment iddeskiviethom bħala rock ’n roll u xejn aktar.

Ħassejt li kien hemm bżonn li min għandu l-għarfien sħiħ tal-kuntest li ġejjin minnu dawn is-siltiet mużikali, kellu jkollu ukoll l-opportunità jisma’ regolarment dak li kwanitità esaġerata ta’ stazzjonijiet tar-radju insinifikanti f’Malta qatt ma kienu jdoqqu. Għalkemm is-sitwazzjoni tjiebet konsiderevolment f’dawn l-aħħar snin għadni ma nistax nifhem għaliex tant stazzjonijiet tar-radju f’Malta għadhom ma jdoqqux regolarment diski Maltin flok ħafna ħsejjes fil-vojt minn barra. Meta jdoqqu diska Maltija qishom qed jagħmlu xi ħaġa kbira. Jew inkella jirrelegawha f’programm ta’ diski Maltin biss.

Fit-taħriġ professjonali tiegħi fid-dinja tar-radju lura fis-snin 80, kont tgħallimt ħafna mingħand John Peel. Dan sew indirettament billi nisma’ l-programmi tiegħu fuq il-BBC World Service, kif ukoll b’mod aktar dirett billi nattendi għal speċi ta’ tutorials ma’ John Walters li kien il-producer tiegħu għal bosta snin, fil-perjodu t’apprentistat li għamilt mal-BBC f’Londra fl-1988. Mingħand John Peel tgħallimt kemm hu essenzjali li tkompli tfittex dak li hu frisk fil-mużika.

Hemm sensazzjoni mużikali partikolari li tiskopriha meta tkun għadek teenager u dik rarament issibha fil-biċċa l-kbira tal-mużika li tkompli tisma’ matul ħajtek. “Teenage dreams so hard to beat” – dan il-vers imnaqqax fuq qabru. Jekk tagħżel li żżomm moħħok u widnejk miftuħa – b’mod mhux differenti wisq mid-deep listening li għamlmitna Pauline Oliveros (ara parti numru 21 f’din is-sensiela) – allura tkompli tiskopri dik is-sensazzjoni ġenerazzjoni wara l-oħra. U hekk għamilt jien b’Mużika Mod Ieħor. Bdejt indoqq diski u recordings oħra ta’ Maltin mhux biss f’Malta imma ukoll madwar id-dinja. U kultant kont nerġa niskopri dawk it-teenage kicks li tgħallimt noħlom dwarhom mingħand John Peel.

L-istorja ma tieqafx hawn. Anzi l-istorja fadlilha ħafna anke jekk il-parti li jmiss hija l-aħħar waħda f’din is-sensiela.

Leave a comment...