Rari kont tisma’ mużika live fuq l-uniku stazzjon tat-television Malti li kellna matul is-snin 80. Xi orkestra, jew forsi xi ħadd ikanta ma’ pjanu, iva. Żgur però li kważi qatt ma kont tara xi grupp, minn dawk li llum insejħulhom bands, tar-rock idoqqu live fuq Television Malta. Kull meta kien jidher xi grupp Malti fuq it-television dan kien joqgħod jimmima daqs li kieku qed idoqq waqt li jinstema recording li jkun sar qabel. Il-programmi popolari TeleDisco, Sibtijiet Flimkien, Bonġu Malta, Arzella, u oħrajn bħalhom kollha hekk kienu jaħdmu matul dawk is-snin.
Meta dħalt naħdem Xandir Malta u kont bdejt nipproduċi l-programmi fuq Radju Malta regolarment (ara post numru 18 f’din is-sensiela) kont spiss nitkellem ma’ sieħbi Mario Ellul dwar x’nistgħu nagħmlu biex inġibu l-mużika rock live fl-istudios ta’ Television Malta. Lil Mario kont ili nafu minn żmien il-Liċeo l-Ġdid, sew għax bħali kien jistudja l-Malti, Ingliż, u Filosofija, kif ukoll għax hu kien daħal student-ħaddiem mat-TeleMalta qabli propju biex imur jaħdem fuq Television Malta fejn eventwalment sar direttur u producer ta’ diversi programmi. Mario kien ukoll il-kantant ta’ grupp popolari sew, speċjalment mal-istudenti tal-Università, li kien jismu Fog. Allura konna anke nafu lil xulxin f’dak il-kuntest, peress li jien ukoll kont indoqq u nkanta ma’ gruppi popolari oħra fis-snin 80 – bħal per eżempju Structure u Artwork. Eventwalment jien ukoll ingħaqadt ma’ dak li kien fadal mill-Fog fil-bidu tas-snin 90, primarjament biex indoqqu f’produzzjonijiet teatrali tal-MADC għal perjodu ta’ madwar tliet snin.
Flimkien ma’ kollegi oħra f’Xandir Malta, li kienu jinkludu lil Ray Bajada u Alfie Fabri, konna bdejna nfasslu sensiela ta’ programmi televiżivi bl-isem ta’ Mill-Garaxx. Ftit jiem wara li bdejna naħdmu fuq din is-sensiela, Ray u Alfie kienu ġew sospiżi mill-programmi kollha ta’ Xandir Malta wara li pproduċew programm tar-radju li fih ippreżentaw ideat mhux uffiċjali dwar l-użu personali tal-kannabis, b’lingwaċċ tat-triq li dak iż-żmien ma kienx aċċettabbli fuq il-mezzi tax-xandir.
Għax aħna konna impjegati regolari ta’ Xandir Malta, jien u Mario komplejna naħdmu ma’ team differenti fuq l-idea tal-programm Mill-Garaxx. Privatament konna tajna l-appoġġ tagħna lil Ray u Alfie, anke jekk dak iż-żmien dan is-suġġett kien għadu tassew taboo. Il-mexxejja tas-soċjeta Maltija kienu jgħumu ferm aktar fl-ipokrezija milli jagħmlu llum u ċ-ċensura kienet għadha b’saħħitha ħafna, anke jekk konna rriduha tal-moderni u progressivi f’ċertu aspetti.
Għalkemm il-qofol tal-programm Mill-Garaxx kien li nġibu xi grupp ta’ mużiċisti jdoqqu r-rock live fl-istudio ta’ television Malta fi Gwardamangia, konna ddeċidejna li ndaħħlu diskussjonijiet regolari anke dwar din id-djalettika fis-soċjetà Maltija. Dan kien meħtieġ ferm meta l-klassi politika kienet mimlija mostri sagri ferm aktar milli hi llum. Id-diskussjonijiet kien imexxihom b’ċertu serjeta u bilanċ tremend il-ħabib tagħna Joe Debono, li wara sar magħruf sew bħala karattru komiku/satiriku waqt il-programmi ta’ Xarabank. Bis-saħħa tiegħu qatt ma kellna nkwiet, anke jekk konna xi ftit kontroversjali fl-għażla tas-suġġetti għad-diskussjoni. Dawn id-diskussjonijiet kienu simili għal dawk li konna nagħmlu qabel fuq ir-radju fil-programm ta’ Kważi Kull Filgħaxija.
Din is-sensiela damet għaddejja xi tlett xhur biss. Xi sena wara konna għamilna sensiela oħra bl-isem ta’ Mill-Garaxx 2 li fiha kont intervistajt lill-istess esponenti li dehru fl-ewwel sensiela biex naraw x’kienu qed jagħmlu sena wara. Fost dawk li dehru fis-sensieliet ta’ Mill-Garaxx, kien hemm il-gruppi Acid, Big Foot, Ivory Cross, Freeway, The Ophidian Twin, Men and White, Flying Alligators, Catch 22, Fallout, u l-Winter Moods b’Mark Doneo flok Ivan Grech kantant. Kien deher ukoll Aidan Zammit Lupi live waħdu, u anke jien kont kantajt live ma’ Antoine Bonnici Soler (fuq il-pjanu), Philp Fenech (kitarra), Joe Carr (perkussjoni + vuċi), Walter Vella (sax), kif ukoll Gino Mifsud (bass eletriku) u Louis Naudi (drummer). Dawn l-aħħar tnejn ħallewna f’età żgħira ftit tas-snin ilu, l-istess kif għamel sieħbi Mario Ellul. Mingħajr ma nesaġera nistaqar magħkom li kollha kemm huma fi ħsiebi regolarment.
Mingħajr ma nkun kattiv, nista’ ngħid li ħafna mill-materjal kien ta’ kwalità relattivament ordinarja u hija biss in-nostalġija li ttina l-impressjoni li dak li konna qed nagħmlu kien fil-fatt aħjar milli konna naħsbu li kien anke dak iż-żmien stess waqt li konna qed nipproduċuh. Għalhekk ukoll nasal li ngħid li l-aktar ħaġa għall-qalbi minn din is-sensiela ma kienetx il-mużika live li ppreżentajna.
L-aktar ħaġa għall-qalbi mis-sensiela Mill-Garaxx kienet il-mużika tal-ftuħ minn Charles Dalli u l-introduzzjoni ta’ grafika diġitali li konna ħloqna apposta ma’ Chris Agius (ieħor li ħalliena kmieni wisq) u Mike Rizzo. F’wieħed mill-ewwel attentati ta’ xi forma ta’ rap bil-Malti, Charlie Dalli kien ħareġ b’dak li għalija huwa wieħed mill-isbaħ versi fil-mużika popolari Maltija ta’ kull żmien: “Kemm hi sabiħa dik il-ħolma xi darba immis l-istilel, iżda kull valur jgħib jekk kull ma mmiss isir deheb.”
Leave a comment…