Skip to content

15. Bejn Isouard u Chopin ma’ Miss Rose

Għalkemm fl-aħħar żewġ posts ktibt dwar memorji ta’ meta kont diġà dħalt fiż-żgħożija, ftakart li immedjatament qabel dan il-perjodu kont għaddejt minn fażi sinifikanti oħra fir-relazzjoni tiegħi mal-mużika. Kif jaf min sewgwa din is-sensiela mill-qrib, sa ma kelli madwar 10 snin il-mużika f’ħajti kienet preżenti ħafna permezz ta’ diversi oġġetti li bihom in-nies normalment jisimgħu l-mużika. Minn daqshekk kont iffortunat ħafna, naħseb. Meta nieqaf naħseb aktar dwar hekk nara li kont iffortunat anke aktar għax il-ġenituri tiegħi kienu ddeċidew li jibgħatuni nitgħallem indoqq il-pjanu minn età żgħira ħafna.

Ommi tgħid li kelli 3 snin meta bdejt immur il-lezzjonijiet tal-pjanu. Aktarx li kelli xi ftit aktar, imma mhux wisq. Fost l-ewwel memorji vividi li għandi hemm dawn il-lezzjonijiet li kienet ittini ċertu Miss Rose Portelli fi Triq Isouard, tas-Sliema. Wara ġurnata tgħallem lit-tfal iż-żgħar fl-iskola tad-Dorotej, kif konna nsibu dik li formalment kienet il-primarja ta’ St Dorothy’s School fit-triq tagħna stess, Miss Rose kienet tati l-lezzjonijiet privati d-dar u mbagħad tmur iddoqq l-armonju fil-knisja ta’ San Girgor kull filgħaxija.

Kellhom jgħaddu ħafna snin biex nintebah li Triq Isouard ma kienetx imsemmija mhux għal xi żmiel famuż tat-tlielaq, kif kien hemm xi ħadd li qalli meta kont tifel, imma għall kompożitur Franċiż Nicolò Isouard li twieled Malta xi mitejn sena qabel. Fil-fehma tiegħi, ftit li xejn napprezzaw lil Isouard bħala poplu Malti. Veru li hemm din it-triq imsemmija għalih, u anke oħra fil-Marsa. Fil-Mosta hemm każin tal-banda, jew aħjar Soċjetà Filarmonika, b’ismu kif ukoll bust tal-bronż f’kantuniera fil-qrib quddiem GasanMamo Insurance. Kien hemm sala tal-mużika msemmija għalih fil-Belt Valletta ukoll, bieb ma’ bieb mat-Teatru Manoel, imma din sparixxiet fl-aħħar snin.

Attentati uffiċjali biex jitkattar ismu kellna matul is-snin, anke jekk mhux wisq riċenti. Ma nafx xi jrid isir biex immorru ‘l hinn mill-apprezzament formali għal dak forsi aktar popolari. Veru li dan Isouard ma kienx tal-kalibru ta’ xi Mozart jew Beethoven, anke jekk kien prolifiku sew. Illum il-mużika tiegħu la hi magħrufa sew u wisq anqas iċċelebrata. Għiduli intom kemm smajna mużika ta’ dan il-kompożitur Franċiż imwieled f’Malta matul is-sena 2018. Dik is-sena mhux biss kellna skoss fondi mill-Unjoni Ewropeja biex niċċelebraw il-Kapitali Ewropeja tal-Kultura imma wkoll għeluq il-mitejn sena mill-mewt tiegħu. Jien naf li t-tweġiba hi “kien hemm xi ħaġa,” però hu x’inhu t-twiġiba vera hija “mhux biżżejjed!” Dan parti minn argument sħun u ferm aktar kumpless, u allura forsi jkun aħjar li nħalli din il-linja ta’ ħsieb għal darb’ oħra, b’Isouard b’kollox.

Lura għall-memorji minn tfuliti f’Tas-Sliema: fl-istess żmien kont rajt ukoll il-film Mary Poppins għall-ewwel darba waqt xi attività tal-Leġjun ta’ Marija. Ta’ tifel innoċenti/konfuż li kont, għal xi żmien kont konvint lil din Miss Rose kienet Mary Poppins, jew tal-anqas xi ħadd bħalha ħafna. Apparti għal-lezzjonijiet regolari tal-pjanu u t-teorija tal-mużika, kont immur għandha ukoll biex nitgħallem il-kaligrafija, għax il-kitba tiegħi kienet qisha tħarbix ta’ xadina. Filgħaxija kont narha l-knisja ddoqq l-armonju kuljum, u apparti hekk meta dħalt inkanta mal-kor tat-tfal tal-parroċċa ta’ San Girgor hi kienet takkumpanjana fil-kant tagħna, mill-ġdid fuq l-armonju, taħt id-direzzjoni tas-surmast Carmelo Zammit.

Illum dawn kollha memorji personali li kważi nsejthom. L-effett tagħhom għadu miegħi xorta waħda, anke jekk il-memorji qed jitmermru bil-mod. Il-bażi tal-apprezzament vera tal-mużika ġie minn dawk il-lezzjonijiet ma’ Miss Rose. Anke l-mod kif nikteb ċertu ittri meta nikteb b’lapes jew biro fuq karta għandu l-bażi tiegħu f’dak li tgħallimt mingħand Miss Rose.

Il-mużika li kont nitgħallem għand Miss Rose kienet dik li jużaw għall-eżamijiet tar-Royal School of Music ta’ Londra. Dan anke għax matul is-snin kont tressaqt diversi drabi – uħud b’suċċess oħra tikka anqas – għall-eżamijiet formali ta’ din l-iskola. Kien hawn li skoprejt il-ġganti tal-mużika klassika. Fost l-aktar li kont inħobb indoqq, għalkemm nammetti mill-ewwel li ma kontx indoqqhom tajjeb ħafna, kien hemm diversi siltiet ta’ Chopin. Biż-żmien rajt li Chopin kien qisu l-pont bejn l-antik u l-modern, tal-anqas fil-vizzjoni limitata li kelli jien. Domt sew biex skoprejt li kien hemm kompożituri moderni ferm aktar minn Debussy, Satie, u Gershwin għall-pjanu u din it-tip ta’ mużika.

Leave a comment...