16. Another Hole in the Wall

Ftit tas-snin ilu Ian Schranz xtara bar li għandu rabta m’aspett mill-ġrajjiet li qed nirrakkonta hawn. Hemm min jaf lil Ian bħala d-drummer tal-Beangrowers jew bħala kant-awtur mal-Bark Bark Disco. Jien hekk nafu. Allura skantajt xi ftit meta fetaħ il-Hole in the Wall mill-ġdid bħala bar fil-kantuniera fejn Triq il-Kbira tiltaqa’ ma’ Triq San Pawl, tas-Sliema. Ma nafx eżatt kif inhu issa dan il-bar għax għadni qatt m’erġjat mort hemm minn meta ħadu f’idejh Schranz. Minn xi ritratti li rajt fuq Facebook jidher li kif inhu issa hemm it-tendenza li jiġbed tip ta’ klijenti li aktarx li huma differenti sew minn dawk li kienu jmorru f’dan il-bar qabel. Qed ngħid hekk għax dan il-bar, li oriġinarjament kien ilu għaddej sa minn qabel it-Tieni Gwerra Dinjija, huwa post li jien għaddejt ħafna ħin fih meta kont għadni teenager, b’mod speċjali fis-sajf tal-1981.

Biex ħadd ma jitħawwad tajjeb ngħid li dan il-Hole in the Wall mhux il-bar li kellhom il-ġenituri tiegħi, fejn trabbejt sa ma kelli 10 snin. Il-Hole in the Wall għamilt referenza għalih fil-11-il parti ta’ din is-sensiela. Bar li fih kien hemm ukoll jukebox, naturalment. Dan il-bar ma kontx immur fih biex nixrob jew niltaqa’ mal-ħbieb, imma għax kont inħossni komdu hemm ngħid kelma ma’ Freddie, li kien ħa l-inkarigu ta’ barman u propjetarju mingħand missieru xi snin qabel. Missieru kellu ukoll restaurant imdaqqas bieb ma’ bieb li madwar l-istess żmien kien għadda f’idejn, Charlie Bartolo, li jiġi ħu dan Freddie.

It-tifkiriet tiegħi tal-Hole in the Wall marbutin speċifikament mas-sajf tal-1981 meta kelli l-ewwel opportunità f’ħajti naqla xi ħaġa tal-flus. Ma kienx impjieg propja, anke għax kont għadni taħt l-età. Kont aktar immur nati daqqa t’id lil Freddie f’ċertu ħinijiet fuq bażi regolari, niekol xi ħaġa ħafifa hemm, u ningħata xi ħaġa tal-pocket money. Kont niġbor u naħsel it-tazzi, insajjar xi burgers sempliċi għall-klijenti, u ngħid aktar minn kemtejn man-nies fil-bar, jew anke ma’ Freddie fil-waqtiet rari ma kienx ikun hemm wisq nies.

Apparti dan kollu, l-aktar ħaġa li niżlet tajjeb miegħi kienet meta Freddie qalli biex nieħu ħsieb l-għażla tad-diski fil-jukebox. Dan kien ifisser żewġ affarijiet. L-ewwel ħaġa kienet li mmur fil-ħanut ta’ Anthony D’Amato li dak iż-żmien kien hemm fi Triq Bisazza, ħames minuti bogħod mill-bar. Bħala t-tieni ħaġa kelli nara li l-jukebox ma tagħmel qatt aktar minn 10 minuti mhux qed iddoqq, biex b’hekk inħajjru lin-nies iwaddbu l-flus fiha biex idoqqu diska huma stess għax jintebħu biha qed iddoqq. “Doqq diski li taħseb li jħajjru lin-nies immoru jfittxu l-għażla tagħhom fil-jukebox,” kien qalli Freddie. Ma nafx eżatt jekk kontx inrexxieli nagħmel din it-tieni ħaġa b’mod sodisfaċenti, imma naf li f’dak li kienet l-ewwel responsabbilità, jiġifieri li nixtri diski ġodda, inħoss li kont neċċella b’mod faċli.

Nemmen li dan kollu, flimkien ma’ xi esperjenzi oħra li jissemmew f’din is-sensiela – inkluż dik fit-12-il parti – wassluni biex nibda nterraq bil-mod lejn karriera fil-qasam tax-xandir. Fis-sajf tal-1981 kien hemm għażla tassew varjata ta’ stili mużikali anke fil-klassifika tad-diski fir-Renju Unit, li f’dawk iż-żmien kienet indubbjament tiddomina fuq l-għażla ta’ diski li jidħlu f’kull jukebox f’Malta, avolja konna għandna friski mill-hekk imsejjaħ ħelsien tal-1979.

Fost id-diski li niftakar minn dak is-sajf kien hemm: Woman u Imagine ta’ John Lennon (li kien għadu kif inqatel ftit tax-xhur qabel) u l-verżjoni ta’ Jealous Guy tiegħu mir-Roxy Music, Ghost Town ta’ The Specials, Tainted Love fil-verżjoni tas-Soft Cell, Aneka b’Japanese Boy, u xi diski ta’ Shakin’ Stevens li kien għaddej b’vena popolari nostalġika għas-snin 50 f’dak iż-żmien.

Din in-nostalġija għas-snin 50, xi ħaġa li rrepetiet ruħa regolarment qisu kull għaxar snin b’veni nostalġiċi għas-snin 60, 70, 80, 90, eċċ fl-aħħar erbgħin sena, kienet ilha ħafna tinħema fil-memorja kollettiva permeżż ta’, fost oħrajn, is-sensiela televiżiva Happy Days bil-famuż teddyboy Fonzie u s-sigla ta’ Rock Around the Clock minn Bill Hayley. Modi oħra kif kienet titkattar din il-ħeġġa biex niftakru mużika ta’ żminijiet oħra kienu jinkludu s-sensiela tal-grupp kważi-parodija Sha Na Na (li ironikament anke dehru f’Woodstock għax kienu ħbieb ta’ Jimi Hendrix) fuq TVM, apparti il-film tal-musical Grease u revival tad-doo-wop u r-rockabilly b’mod prominenti minn gruppi “ġodda” b’ismjiet bħal Matchbox, Showaddywaddy, Darts, u Stray Cats. Aktarx li dan kien il-fenomenu li wassalni nfittex is-surf rock f’dak iż-żmien bil-mod li spjegajt diġà fil-post numru 12. Mal-qalba tat-80ijiet in-nostalġiji tal-50ijijet diġà kienu bdew imajnaw għal dwak tas-snin 60.

Ma komplejtx immur il-Hole in the Wall wara dak is-sajf għax bejn l-iskola u interessi oħra sibt sostituti totali għas-sodisfazzjonijiet li kont nieħu minn dak il-bar. Aktar tard il-Hole in the Wall għamel xi snin magħluq kompletament. Meta sirt naf li reġa’ nfetah minn Ian Schranz kważi xtaqt immur nittawwal ħa nara kif inhu issa, iżda bejn kif ġew l-affarjiet u bejn b’għażla ippreferejt li nibda niftkru kif kien f’dak is-sajf tal-1981.

Leave a comment...