F’daqqa waħda bħal ħassejtni qed nitlef kont tal-mużika popolari li kont trabbejt biha minn tfuliti. Bħala xandar professjonali b’interess f’diversi tipi ta’ mużika, kont nisma’ ħafna diski sew ġodda kif ukoll minn repertorji stabbiliti li kont għandi qed niskopri ftit ftit. Fil-bidu tas-snin 90, il-pop ġdid kien qed jinstema’ banali għal widenejja aktar minn qatt qabel. Ir-rock kien beda jiħrax aktar jew inkella jidħol f’aspetti mużikali oħra fejn qajla kien jinħass li hu postu. Ġeneri oħra bdejt nitlef is-sens tagħhom bil-mod il-mod u għalkemm kien jinħass li hemm kontinwità ma’ dak li ġie qabel, ftit li xejn kont inħoss li qed jitfaċċaw ħsejjes ġodda interessanti.
Bil-mod il-mod bdejt nitlef l-interess fil-mużika l-ġdida, u wisq aktar fix-xena mużikali f’Malta. Il-biċċa l-kbira tal-mużika minn Malta kont inħossha kopja fqira ta’ materjal Ingliż jew Amerikan, u xi drabi Taljana – anke jekk ferm anqas milli kienet sas-snin 70. Il-kwalità tal-produzzjonijiet lokali kważi kollha kienet fqira, anke għax it-teknoloġija tal-mużika u r-recordings kienet għaddejja minn fażi tranżitorja. Kien iż-żmien li fih il-mużika u l-kompjuters kienu qed joqorbu aktar lejn xulxin milli ċertu puristi xtaquhom. Il-ħoss tal-mużika mdaqqa minn kompjuter gerxet lil ħafna nies mill-ġmiel veru li setgħet toffri.
Bdew deħlin dubji serji f’moħħi jekk għandix inkompli bil-karriera professjonali fix-xandir. Dan anke għax kont xi ftit diżilluż b’kif kienu qed jiżviluppaw l-affarijiet bil-liberalizazzjoni tax-xandir, fejn il-partiti politiċi kienu bdew bil-mod jiddominaw dan is-settur ukoll. Ma nafx pajjiż ieħor suppost demokratiku fid-dinja fejn il-partiti prinċipali fil-parlament huma ukoll propjetarji assoluti ta’ stazzjonijiet tax-xandir privati. Għalija din anomalija dipressanti. Konna ipprovajna noħolqu alternattiva kummerċjali għalihom permezz tal-istazzjoni Radio One Live, li kont tqabbadt nibni mal-aħwa Godfrey u Joe Grima. Kien hemm oħrajn ukoll, sintendi. Illum nista’ ngħid bla tlaqlieq li ħadd minna ma rnexxielu jlaħħaq mal-eġemonija tal-partiti politiċi.
F’dan il-kuntest kont iddeċidejt li nitlaq mill-ħidma fix-xandir full-time u minflok nibda ngħallem f’żewġ skejjel sekondarji. L-iskejjel kien dawk ta’ Stella Maris fil-Gżira fejn kont ngħallem l-hekk imsejħa Media Studies, u d-drama fl-iskola tassew sabiħa ta’ St Patrick’s immexxija mis-Sależjani f’Tas-Sliema. Żewġ esperjenzi differenti ħafna minn xulxin. Fi skola minnhom il-biċċa l-kbira tat-tfal kienu minn familji borgiżi jew oħrajn b’aspriazzjonijiet soċjali ‘l fuq mill-klassi tan-nofs li kienu daħlu fiha ftit tas-snin qabel, anke jekk mhux kollha kienu hekk. Fl-iskola l-oħra kien hemm ħafna tfal li kellhom bżonn appoġġ sostanzjali biex jirċievu edukazzjoni sekondarja ‘l hinn minn ambjenti domestiċi xi drabi oppressivi, oħrajn dipressivi, kultant abbużivi, u xi drabi umli jew sempliċi wisq biex jaspiraw għal ħajja f’klassi soċjali anqas diffiċli minn dik li trabbew fiha, anke jekk mhux kollha kienu hekk.
Mat-tfal ta’ St Patrick’s esplorajt it-teatru applikat li kont qed nitgħallem mill-kotba ta’ Augusto Boal li kont għadni qed nistudja fl-Università. Tgħallimt ħafna aktar mingħand it-tfal ta’ St Patrick’s milli naħseb li għallimthom jien. Eventwalment spiċċajt nassiti lil Boal, għal anke aktar taħriġ, matul sajf sħiħ fis-snin 90 fi New York. Mingħand it-tfal ta’ Stella Maris ma niftakarx li tgħallimt wisq, ħlief li kien hemm ġeneru “ġdid” ta’ mużika minn Seattle msejjaħ grunge u kemm kien popolari magħhom Smash Radio. Tlett kwarti minnhom kienu jaspiraw biex isiru piloti jew bdoti tal-ajruplani. Ma naf kemm minnhom irnexxielhom f’din l-ambizzjoni. Ma nafx x’effett kellhom tlett direttivi li offrejtilhom jien biex jifhmu u/jew janalizzaw il-mezzi tal-media li ma kienux fil-kurrikulu uffiċjali maħruġ mill-Media Centre tal-Knisja: question authority / question reality / question everything. Fi żminijiet oħra abbli kawża ta’ skommunikazzjoni. Min jaf?
Il-mużika grunge kont espost għaliha għal diversi xhur, jekk mhux snin, qabel ma sirt naf li jsejħulha hekk. Fir-rock nights li konna norganizzaw fit-Tigulio ta’ San Ġiljan kont nirreżisti li ndoqq diski tal-Metallica għax, b’mod daqsxejn patronizzanti, kont inħoss li kienu goffi wisq għar-rockers xi ftit aktar imdaħħla fiż-żmien mit-teenagers li kienu jitolbuni ndoqq xi ħaġa mill-Album l-Iswed li kien għadu kemm ħareġ. Kont naqtalhom l-għatx bil-perżuta billi ndoqq l-ewwel ftit battuti ta’ Enter Sandman bejn diska u oħra tal-Black Sabbath, Led Zeppelin, jew Deep Purple, jew anke billi ndoqq Nothing Else Matters, meta naqleb għad-diski rock relattivament kwieti fl-aħħar nofs siegħa. Il-Pearl Jam u l-Alice in Chaine ma kont niddejjaq xejn indoqqhom f’dawn ir-rock nights tat-Tigulio, imma kellu jkun sieħbi Julian Manduca biex jikkonvinċini nisma’ sew lin-Nirvana u nibda ninkludihom mad-diski l-oħra b’mod regolari. Fl-1994 in-Nirvana kienu ġibdu ħafna aktar attenzjoni lejhom wara li Kurt Cobain falla jgħix u rnexxilu jmut.
Meta niftakar f’dan il-perjodu ta’ ħajti, il-mużika “ġdida” ta’ dak żmien ma tqanqalnix wisq. Ftit wara ltaqt minn Malta għal perjodu twil. L-ewwel mort naħdem il-Ġermanja u wara mort nistudja l-Amerika. Hemm skoprjet ħsejjes ġodda li f’Malta ma kellix aċċess daqstant faċli għalihom. Dwar dawn nikteb aktar ‘l quddiem f’din is-sensiela. Għalissa se naqsam magħkom waħda minn dawk il-ftit siltiet minn ftit tas-snin qabel li fihom kont insib refuġju kważi spiritwali f’dan il-perjodu ta’ grunge u storbju ieħor fil-bidu tas-snin 90. Meta ma kontx insib din u xi oħrajn bħalha kont indur għat-tango bl-akkordjan ta’ Astor Piazzola, b’mod partikolari fil-kollaborazzjoni tiegħu mal-Kronos Quartet li konna anke rajnihom live f’Malta għall-ewwel darba fit-Teatru Manoel ftit tas-snin qabel.