23. Mitluf fl-Istilel

It-teatru kien preżenti sew f’partijiet sostanzjali ta’ ħajti. Introduċewni għalih tnejn min-nies li kienu jkunu fil-bar tal-ġenituri tiegħi regolarment. Dawn iż-żewġ irġiel laqqawni ma’ tnejn mill-aspetti varji tat-teatru. Biż-żmien rajt bosta forom oħra. L-ewwel varjazzjoni ġiet meta kont iltqajt ma’ mara twajjba fiċ-ċentru tal-parroċċa tagħna, li kienet qaltli biex nieħu x-xogħol tat-teatru bis-serjeta. Din kienet Mary C. Camilleri li konna nafu fuq il-palk, kif ukoll television u radju, fi tfuliti wara li kienet ilha xi tletin sena jew aktar tirreċta.

Frank Ganado, magħruf l-aktar bejn is-snin 50 u s-snin 70 ma’ kumpaniji teatrali stabbiliti bħall-Maleth u r-Ribalta, kien tani l-ewwel script tiegħi. Dan kien skeċċ qasir miktub minnu li kont ħdimt fuqu ma’ tfal oħra tal-iskola għall-prize day tal-primarja madwar l-1976/77. Mill-banda l-oħra, J.J. Tellus, bin il-famuż Ziju Salv li kien magħruf sew fuq ir-Rediffusion għall-programmi tat-tfal matul is-snin 50 u 60, laqqagħni ma’ dak li hu kien isejjaħlu x-show business. Fil-verità dan ta’ Tellus kien forma ta’ varjetà teatrali li kien idur biha f’bosta teatrini madwar Malta. B’xi mod jien kont nispiċċa miegħu u mal-kumpanija tiegħu indur madwar Malta ukoll, aktarx bis-saħħa ta’ Roland Friggieri li kien qisu ħija l-kbir f’dak iż-żmien.

Dawn it-teatranti kollha li semmejt ħallewna bosta snin ilu. Lil hinn minnhom, in-namra tiegħi mat-teatru tkattret u kbiret sew fis-snin 80 u 90. L-ewwel billi bdejt ninvoli ruħi fl-hekk imsejjah Ateatru li kien hemm Tigné fl-istess żmien li konna mmorru hemm biex indoqqu u nisimgħu lil min idoqq il-mużika rock. Ftit wara kont anke dħalt l-Università ta’ Malta u għażilt it-teatru bħala suġġett akkademiku flimkien mal-kommunikazzjoni.

Il-mużika fit-teatru, jew aħjar il-mużika tat-teatru, kont iltqajt magħha għall-ewwel darba ma’ J.J. Tellus u aktar tard fil-Kulleġġ Missjunarju ta’ San Pawl. F’nofs is-snin 70, Tellus kien ipproduċa xeni mill-musical Jesus Christ Superstar ta’ Andrew Lloyd Webber u Tim Rice b’mużika live biex iddur bħala parti mix-show tiegħu tal-varjetà. Din ikolli ngħid li kienet deċizzjoni tassew stonkuża u kontroversjali f’Malta f’dak iż-żmien, speċjalment għax il-biċċa l-kbira tat-teatri li kien jidher fihom kienu parti miċ-ċentru ta’ diversi parroċċi. Meta niftakar f’dan ix-xogħol, naħseb li nista’ anke niddiskrih bħala forma ta’ vaudeville post-modern; ma nafx hux qed inkabbarhom xi ftit. Kien x’kien, din kienet l-ewwel opportunità tiegħi biex nara mużiċisti jdoqqu live f’kuntest teatrali. Ftit wara, meta dħalt is-sekondarja, skoprejt li darba fis-sena kienu jipproduċu operetta ta’ Gilbert & Sullivan ma’ numru ta’ studenti biex eventwalment tittella waqt il-prize day. Għall-ewwel kont entużjażmat ferm b’din l-idea, iżda sa ma wasalna fil-Form 5 ikolli nammetti li din kienet waħda mill-aktar esperjenzi diżappuntanti li qatt kelli f’ħajti.

Dawn iż-żewġ aspetti mużikali fit-teatru offrewli perspettiva xi ftit storta ta’ dan li issa qed nikteb dwaru hawn. Miż-żmien tal-Ateatru kont iltaqjt ukoll max-xogħol tal-kompożitur Paul Abela, frisk mill-istudji tiegħu mill-Kulleġġ Mużikali ta’ Berklee f’Boston u s-suċċessun ta’ Ġensna. Fil-bidu tas-snin 80. Abela ħadem fuq żewġ produzzjonijiet bil-Malti mix-xogħolijiet teatrali ta’ Bertolt Brecht. Wieħed kien propju produzzjoni tal-Ateatru ta’ L-Opra tat-Tliet Ħabbiet (tradotta minn Ġużi Gatt) u l-oħra kienet il-Ħajja ta’ Galileo (maqluba għall-Malti minn Evarist Bartolo). Din ta’ Galileo kiteb mużika oriġinali għaliha filwaqt li l-oħra kien għamel arrangamenti tal-mużika oriġinali ta’ Kurt Weill. Bis-saħħa ta’ Abela bdejt nifhem li l-mużika għat-teatru hija xi ħaġa ferm aktar sofistikata, anke jekk relattivament raffa, minn dak kollu li kont esperjenzjat fit-teatru fi tfuliti.

Kien hawn li ddeċidejt li niffoka l-attenzjoni tiegħi fuq il-kitba u d-daqq ta’ mużika għat-teatru. Ma’ Peter Busuttil u ġgajta nies li kien tipikament jiġbor madwaru dak iż-żmien konna esplorajna verżjoni mużika ta’ Satira ta’ Oreste Calleja f’Tigné. Kien hemm li ltqajt ma’ mużiċisti oħra interessati fil-mużika għat-teatru daqsi, jekk mhux aktar minni ukoll. Komplejt nagħmel xi xogħolijiet oħra f’dan il-qasam u eventwalement ħdimt fuq żewġ produzzjonijiet teatrali li ħarġu mill-pinna ta’ Oliver Friggieri. Wieħed kien id-dramm oriġinali tiegħu Rewwixta u l-ieħor kien it-traduzzjoni tiegħu tad-dramm klassiku ta’ Sofokli, Edipu s-Sultan. Dawn it-tnejn ittellgħu mill-kumpanija Kooperatturi, wieħed fit-Teatru Temi Zammit tal-Università ta’ Malta u l-ieħor fit-Teatru Manoel.

Wara diversi produzzjonijiet oħra, inkluż musicals – li jvarjaw minn Little Shop of Horrors ta’ Alan Menken u Howard Ashman sa Ulied in-Nanna Venut fl-Amerika ta’ Dominic Galea u Raymond Mahoney – u pantomimi tal-Milied mal-MADC fit-Teatru Manoel, kont iddeċidejt li l-mużika għat-teatru kienet xi ħaġa li għandha titħalla f’idejn mużiċisti aħjar minni. Illum naħseb li kont tlift il-paċenzja ukoll, anke għax fil-bidu tas-snin 90 kont bdejt nipprepara biex nitlaq minn Malta.

Komplejt nagħmel il-mużika għat-teatru fil-Ġermanja (aktar dwar dan darb’ oħra) u dħalt relattivament fil-fond fid-dinja tat-teatru marbut mal-istudji akkademiċi tiegħi fuq is-suġġett. Bqajt sejjer hekk sal-bidu ta’ dan is-seklu, imma eventwalment waqaft kważi kompletament mill-ħidma fit-teatru, mhux biss bħala xogħol mużikali imma anke mill-istudju u l-produzzjoni tiegħu, tal-anqas fuq bażi kreattiva personali. L-unika eċċezzjoni ta’ dan aktarx li kienet f’dawn l-aħħar ħames snin meta kont involut professjonalment f’diversi produzzjonijiet teatrali fir-rwol tiegħi bħala direttur artistiku ta’ Spazju Kreattiv. Tajjeb inżid li kienet l-għażla tiegħi li rari ħadt rwol kreattiv f’dawn il-produzzjonijiet.

Apparti l-musicals, li minnhom hemm bosta li għadni sal-lum nieħu pjaċir nismagħhom, anke jekk m’għandix sabar nara produzzjonijiet ġodda tagħhom, jibqgħu għal qalbi ferm aspetti mużikali mill-mużika ta’ Kurt Weill, li ħadem prinċiparjament ma’ Brecht, imma ukoll ma’ ħafna librettisti oħra, inkluż Ira Gershwin. Wieħed mill-isbaħ kunċerti tal-mużika ta’ Weill li qatt rajt, fuq it-television bis-saħħa tar-RAI, sar fl-1 ta’ Mejju tal-1987 fix-Schauspielhaus Hamburg, bil-kantanti Sting, Jack Bruce, u Gianna Nannini ikantaw bil-Ġermaniż. Ftit qabel dan il-kunċert kien tfaċċa ukoll l-album Lost in the Stars, fejn diversi kantanti bħal Maryanne Faithful, Lou Reed, u Tom Waits jinterpretaw uħud mill-isbaħ kanzunetti ta’ Kurt Weill. Dan l-album kont indawru regolarment fuq is-CD player tiegħi hekk kif xtrajtu mingħand ir-Reckless Records ta’ Londra s-sena ta’ wara.

Leave a comment...