05. Mill-Jukebox: Bogħod mill-Punk

Waħda mill-aktar affarjiet influenti li seħħew fis-snin 70 fix-xena tal-mużika internazzjonali indubjament li kienet l-isplużżjoni tal-mużika u l-kultura punk. Aktar minn kollox, din kienet reazzjoni għal dak li kien għaddej fid-dinja dak iż-żmien, b’mod partikolari fir-Renju Unit, fejn il-kultura punk daħlet ftit tas-snin wara li din kienet diġa tfaċċat fl-Amerika.

Id-dominanza kulturali tal-Ingliżi u l-Amerikani ironikament kompliet titkattar bil-punk, anke jekk dan aktarx li verament kien moviment li kellu dimenzjonijiet internazzjonali ‘l hinn mill-interessi kummerċjali ta’ uħud li għarfu jisfruttawh għall-għanijiet finanzjarji tagħhom ukoll. Per eżempju, f’Malta konna mmorru nixtru “punk shoes” li ma nafx x’kellhom x’jaqsmu mal-punk estetikament jew politikament. Il-punk ta’ veru kien bogħod ħafna mill-kultura mainstream f’Malta u r-rock kien għadu ġdid u underground wisq biex jinqala’ ‘l barra mill-punk

Għalkemm il-punk, speċjalment dak Ingliż, kien reazzjoni għal gruppi bħall-Pink Floyd u oħrajn mix-xena progressiva, din il-mużika kienet tidher u tinħass diametrikament opposta fil-kultura tagħha mill-pop. Il-progressivi kienu bdew jintelletwalizzaw il-mużika rock b’mod tassew straordinajru f’anqas minn għaxar snin mill-ewwel esperimenti progressivi minn esponenti tal-mużika popolari bħall-Beatles u l-Beach Boys. Il-mużika disco, li daħlet in voga dak iż-żmien ukoll, kienet malgħajr inbidlet minn xi ħaġa reazzjonarja u underground tax-xena gay fl-Istati Unti għal xi ħaġa mill-aktar kummerċjali u kummerċjabbli.

Fix-xibka tad-disco kienu nqabdu kważi dawk l-esponenti mużikali popolari kollha li ma kienux strettament jidentifikaw ruħhom bħala rockers. Naħseb li l-aktar eżempju ovvju ta’ dan huwa dak li ġara mal-Bee Gees, per eżempju, permezz ta’ Saturday Night Fever. Fl-istess waqt, għalkemm mhux parti mill-moviment tad-disco, imma ċertament li parti minn dik il-mewġa ta’ kummerċjalizmu, kien hemm l-Abba.

Mill-1974 ‘l hinn, l-Abba kienu omnipreżenti fil-jukebox li kellna fil-bar tagħna. Ibda minn Waterloo li biha rebhu l-Eurovision Song Contest ta’ dik is-sena u kompli b’suċċessi kbar bħal Fernando, Money Money Money, u Mamma Mia, u spiċċa b’I Have a Dream, li ħarġet fl-1979 meta tlaqna mill-bar.

Għalkemm kienu jkantaw bl-Ingliż, l-Abba grupp Żvediż. F’nofs is-snin 70, din kienet xi ħaġa tassew affaxxinanti għal dawk il-Malti li bdew jiltaqgħu aktar regolarment ma’ nies minn dan il-pajjiż f’Malta, hekk kif infetaħ is-suq tat-turiżmu mill-iSkandinavja. L-Iżvedizi ġabu magħhom f’Malta ċertu ideat liberali li l-Ingliżi ma kellhomx, jew tal-anqas il-biċċa l-kbira minnhom ma’ kellhomx. Dan kien l-aktar evidenti fost iż-żgħażagħ ta’ dak iż-żmien li li kienu jiffrekwentaw il-bara tagħna; għalkemm kienu dawk il-ftit snin akbar minni, xorta kienu jitkellmu liberalment quddiemi dwarhom u dwar dan kollu.

F’nofs dan kollu kien hemm diska tal-Abba li biż-żmien sibt li hi waħda mill-aqwa diski tal-mużika pop li qatt ġew irrekordjati. Biha stajt napprezza kemm kienu kompożituri prolifiċi Björn Ulvaeus u Benny Andersson tal-Abba. Dancing Queen fiha bosta livelli ta’ produzzjoni mużikali li ftit issib bħalhom fil-mużika pop apparti minn xi kompożizzjonijiet tal-Beatles, jew il-produzzjonijiet bil-ħajt tal-ħoss ta’ Phil Specter.

Faċli għal min hu snob mużikali li jwarrab il-materjal kollu tal-Abba bħala imbarazz kummerċjali bħall-ħafna mużika hekk imsejħa bubblegum li ħarġet f’dawk iż-żminijiet. Il-films/musicals ta’ Mamma Mia! li tfaċċaw f’dawn l-aħħar snin m’għenux wisq f’dan il-(pre)ġudizzju anqas. Skond jien, però trid tkun tassew mużikalment injorant biex ma jirnexxilekx tapprezza l-ġmiel intrinsiku li fiha Dancing Queen, speċjalment jekk jirnexxielek tifridha mill-kummerċjaliżu assoċjat magħha. Apparti din l-opinjoni, forsi anke xi ftit kontroversjali, tassew niddubita hawnx xi ħadd li ma jafx imqar diska waħda tal-Abba.

Leave a comment...