04. Mill-Jukebox: Differenza

ARA: L-ewwel 3 partijiet ta’ din is-sensiela

Fil-jukebox kien hemm ħafna diski. L-iskop tal-jukebox huwa li toffri lill-parruċċjani tal-lokal fejn tkun l-opportunità li jisimgħu l-mużika favorità tagħhom waqt li jixorbu xi tazza tè jew xi flixkun birra. Għalhekk id-diski li kont issib fil-jukebox kienu jkunu dawk l-aktar popolari mal-pubbliku, inkluż dawk l-aktar diski li jindaqqu fuq ir-radju.

Fil-jukebox tal-bar fejn għext sa ma kelli xi 10 snin, diski t’Elvis kien hemm kemm trid. Diski tal-Beatles kien hemm ukoll, flimkien ma’ diski ta’ Tom Jones, Englebert Humperdink, Jim Reeves, Shirley Bassey u l-aktar kantanti popolari fix-xena Ingliża ta’ dak iż-żmien. Kultant xi diski taljani, fosthom. ta’ Domenico Modugno, Adriano Celentano, u Mina. Anke diski Maltin kien hemm iduru fil-jukebox. Fost l-aktar popolari dawk ta’ Freddie Abela l-Bamboċċu, b’Taxi Mary fost l-aktar mitluba. Niftakar ukoll L-Ewwel Tfajla li Ħabbejt tal-Malta Bums, u l-Bajja tal-Mellieħa tan-New Courey, kif ukoll xi diski tal-Black Train. Dwar dawn tal-aħħar nikteb darb’ oħra għax aktar nassoċjhom mar-radju; ir-raba’ oġġett wara t-trijumverat tar-record player, it-tape recorder, u l-jukebox.

Fil-jukebox kien hemm żewġ diski ta’ kantant li kienu popolari u jindaqqu regolarment imma li għal widnejja kienu jinstemgħu differenti mill-oħrajn. Waħda kienet odisseja fl-ispazju bi kliem li qajla kont nifhem ta’ tifel żgħir li kont. L-oħra kienet aktar mexxejja u l-kliem tagħha relattivament sempliċi imma differenti minn tal-oħrajn. Fost l-aktar li niftakar, hekk kif bdejt nifhem xi ftit aktar bl-Ingliż kien hemm dawn il-frammenti: “got your mother in a whirl / She’s not sure if you’re a boy or a girl” u “you’ve torn your dress” kif ukoll “your hair is a mess”. Differenti mill-kliem t’imħabba u jew fil-vojt li kont issib fid-diski l-oħra kważi kollha.

Ta’ tfajel pre-pubixxenti li kont, dan kien kliem provokanti minn kantant li għalija kien jinħass differenti mill-oħrajn kollha. Dan ikkonfermajtu meta rajt ritratt tiegħu fuq il-qoxra ta’ waħda tad-diski tiegħu li kellna fl-jukebox. Kont rajt ukoll xi ritratti oħra tiegħu f’xi wieħed mill-magazines Ingliżi li kien ħalla xi ħadd fil-bar meta ħabbru li kien miet il-kantant Marc Bolan wara li l-Mini tiegħu daħlet ġo siġra.

Maż-żmien David Bowie sar il-kantant favorit tiegħi bl-istess mod li Sintara u Elvis kienu l-favoriti tal-ġenituri tiegħi. Fejn missieri aktarx li kien isib lil Sinatra sofistikat u sottili, filwaqt li ommi inġibdet lejn Elvis għax kien seduttiv b’mod li kważi ħadd qablu ma kien, għalija Bowie kien kreattura differenti u ambigwa. Din id-differenza laqtitni b’mod partikolari ħafna, speċjalment aktar ma bdejt nitfarfar. Apparti l-logħob bl-identità personali, differenza oħra ta’ Bowie kienet li ħafna mid-diski tiegħu kien jiktibhom hu stess.

Bowie qatt ma ddiżappuntanti, speċjalment meta kultant żmien kien jerġa’ jitfaċċa b’xi ħoss u dehra differenti minn ta’ qabel. Kien teatrli mingħajr ma kien jinħass artifiċjali. Dik is-sofisitkazzjoni sottili ta’ Sinatra kienet għaddiet għand Bowie li għamila tiegħu meta ltaqgħet mar-raġġiera sesswali li kellu madwaru Elvis u l-biżibilju imitaturi tiegħu. Bowie ma kien qisu jimita lil ħadd. Biż-żmien sirt naf dwar l-influenzi kreattivi tiegħu, iżda minn kif kienu jidhru l-affarijiet, ħaddieħor kien jimita lil Bowie, mhux hu lil ħaddieħor.

Mhux l-intenzjoni tiegħi nikteb eloġju għal Bowie. Ridt biss indaħħal lil Bowie fl-istorja b’mod li nuri ċar kemm, sa minn kmieni, kien figura mużikali u kulturali sinifikanti f’ħajti minħabba li kien differenti mill-kumplament. Biex inkun sinċier, qatt ma kont iffissat fuqu, imma dejjem kien preżenti b’xi mod jew ieħor. Għalkemm qatt ma mort xi kunċert tiegħu, jew ġemmajt id-diski kollha li ħareġ, xorta naħseb li smajt aktar minn darba kull ħaġa li rrekordja…u f’ċertu każi diversi drabi ukoll, sintendi. Hawn mhux qed ngħid għall-ovvju, bħas-singles jew xi album bħal Blackstar meta miet, imma aktar u aktar għall-albums tas-snin 70 u 80, anke jekk dawn tal-aħħar huwa meqjus bħala l-anqas perjodu tajjeb tiegħu, kif ukoll il-ħsejjes ġodda li introduċa fir-repertorju tiegħu mis-snin 90 ‘l hinn.

Jingħad ukoll li Bowie kien deher ikanta f’Malta qabel sar famuż. Tajjeb imma b’daqshekk din ma tbiddel xejn wisq. Jingħad ukoll li għal xi żmien kien jiġi regolarment Għawdex għax kellu xi dar hemm. Allura? Dawn il-laqtiet lokali qajla jbiddlu – la jżidu u anqas inaqqsu – minn kemm Bowie kien differenti minn kważi kull ħaddieħor li kien hemm fix-xena mużikali internazzjonali fl-istess żmien tiegħu.

Leave a comment...