Skip to content

Vjaġġi Enċiklopediċi 001

Illum bdew il-Vjaġġi Enċiklopediċi tiegħi fuq Campus FM.

Vjaġġi Enċiklopediċi ma' Toni Sant
Vjaġġi Enċiklopediċi ma’ Toni Sant fuq Campus FM

Dan ifisser li wara madwar 20 sena jiena erġajt qed nipproduċi u nippreżenta sensiela ta’ programmi regolari għar-radju.

Propjament ma waqaftx inxandar matul dawn is-snin kollha, naturalment. Sempliċiment kont ħassejt li x-xandir bir-radju biss kien għadda żmienu.

Allura x’inbidel issa? Inbidel ħafna, u fl-istess waqt ma nibidel xejn.

L-akbar bidla hija l-fatt li sibt stazzjon tar-radju Malti li lest jaċċetta idea tiegħi kif inhi. Ir-Radju tal-Università, li minnu ħareġ il-Campus FM bosta snin ilu, kien stazzjon li fuqu xandart regolarment f’nofs is-snin 90 u lejn il-qalba tal-millejnu. Allura mhux xi ħaġa stramba li nħossni komdu fuq dan l-istazzjon. Ċertament li ma kontx se mmur inxandar regolarment fuq xi wieħed minn dawk l-anomalija ta’ hekk imsejħa stazzjoniijiet tal-partiti politiċi.

U Radju Malta? Ma nafx li nħossni komdu nitkellem pubblikament dwar Radju Malta. Forsi ngħid biss li dak parti mill-problema u mhux is-soluzzjoni għalija.

L-ewwel programm fis-sensiela ta’ Vjaġġi Enċiklopediċi huwa opportunità għas-semmiegħa biex jisimgħu lil missieri, Amante Sant, jitkellem dwar l-enċikolpediji f’d-dar tagħna u f’ħajtu anke qabel ma’ kienet teżisti d-dar tagħna. L-aktar parti li ħadt pjaċir nipproduċi kienet meta beda jitkellem dwar iż-Żiju Mabbli, Ammabile Mamo, wieħed mill-isbaħ imħuħ, jekk mhux l-isbaħ moħħ, fil-familja ordinarja tagħna.

Fit-tieni parti nimraħ fl-odisseja enċiklopedjana biex interraq lejn l-artiklu ta’ Wikipedia dwar dawk li tissejjaħ fatberg.

Peress li l-programm għandu joħroġ fuq ir-radju l-ewwel, għalissa mhux disponibbli online ħlief fl-istess waqt tax-xandira tal-lum it-Tlieta fil-4:30pm, jew ir-ripetizzjoni ta’ nhar il-Ħamis fit-3pm.

Eventwalment il-programm ikun disponibbli ukoll fuq l-internet fejn jinżamm arkivjat għall-futur ukoll.

Dis-sensiela hija produzzjoni tal-M3P Foundation għal Campus FM.

Leave a comment...