Skip to content

17. Rapsodija Xi Ftit Bohema

L-ewwel professjoni tiegħi kienet dik ta’ xandar. Bdejt t’età żgħira. Kien għad għandi biss 16-il sena meta ersaqt lejn il-mezzi tax-xandir b’intenzjoni ta’ xogħol. Bħal ħafna tal-età tiegħi, wara li spiċċajt mis-sekondarja kont dħalt student f’dak li llum huwa l-Junior College; dak iż-żmien kien jissejjaħ il-Liceo l-Ġdid u ma kienx parti mill-Università ta’ Malta. Kien żmien l-iskema student-ħaddiem li permezz tagħha aħna l-istudenti konna ukoll nagħmlu perjodu mis-sena naħdmu f’xi dipartiment tal-gvern jew azzjenda parastatali. Sa ċertu punt kellek anke l-opporunità tindika l-preferenza tiegħek għal fejn tkun tixtieq tmur taħdem. Mal-istudju tal-Malti, Ingliż, u Filosofija, jien kont tlabt li mmur naħdem fit-TeleMalta, li dak iż-żmien kienet il-korporazzjoni parastatali tal-kommunikazzjoni u li taħtha kien jaqa’ Xandir Malta, it-taqsima tax-xandir pubbliku jew, aktar preċiżament, dak statali.

Għalkemm irnexxieli nidħol naħdem mat-TeleMalta fis-sajf tal-1984, kien aktar permezz ta’ xi xogħol li kont bdejt nagħmel apparti mal-Media Education Centre (it-Taqsima tax-Xandir Edukattiv fi ħdan id-Dipartiment tal-Edukazzjoni) li wasslet biex nibda nxandar fuq bażi regolari. Il-kollegi fit-Taqsima tax-Xandir Edukattiv ta’ dak iż-żmien kienu kollha tassew ġenerużi miegħi u b’xi mod jew ieħor kont nieħu sehem f’diversi programmi tagħhom. Joyce Guillaumier, Pauline Miceli, Sonny Aquilina, u John Scerri kienu jinvolvuni regolarment fil-produzzjonijiet tagħhom għar-radju. Charles Xuereb kien ressaqni ukoll lejn Żep Camilleri u b’hekk bdejt nagħmel xi xogħol fuq it-television ukoll.

Ma’ Żep Camilleri mill-ewwel mort tajjeb. Kien hu li ddeċieda li jien se nibda nuża l-isem Toni Sant, u mhux Tony jew Anthony, fuq il-mezzi tax-xandir. Bis-saħħa tiegħu, għall-ewwel darba f’ħajti sibt identità pubblika li kont komdu biha. Kien b’hekk li l-isem Toni Sant beda jidher regolarment fil-credits tal-programmi tal-Media Education Centre f’dawk is-snin.

Ftit jafu però, anke għax rari tkellimt dwar hekk, li l-ewwel programm veru u propju li pproduċejt u ppreżentajt waħdi kien dokumentarju dwar George Gershwin f’egħluq il-50 sena minn mewtu fil-11 ta’ Lulju tal-1987. Kien Charles Arrigo li qabbadni biex nagħmel dan il-programm. Għalkemm kont ili aktar minn sentejn involut fix-xandir regolarment bħala student-ħaddiem, nammetti li ħassejtni naqra prużuntuż meta aċċettajt li nagħmel dan il-programm dwar Gershwin.

Id-dar kelli xi żewġ kotba li fihom kien hemm tagħrif dwar George Gershwin. Wieħed kien ġabra ta’ kliem għal kanzunetti miktuba minn Ira Gershwin, li kont xtrajt bi prezz imraħħas sew mingħand il-Merlin ta’ Blata l-Bajda, u l-ieħor kien ktieb qadim dwar it-Tin Pan Alley, fejn l-aħwa Gershwin kitbu ħafna kanzunetti fis-snin immedjatament wara l-Ewwel Gwerra Dinijija. Sibt xi ħaġa ukoll fil-librerija tal-Liceo l-Ġdid, imma mhux wisq. Għalhekk, fuq suġġeriment ta’ Charles Arrigo, ċempilt lill-kompożitur Charles Camilleri biex nitolbu jiġi jitkellem dwar Gershwin waqt dan il-programm speċjali għar-radju. Camilleri skanta kif tfajjel tal-età tiegħi kien interessat f’Gershwin u b’ċertu reżistenza, anke għax kien ċar li kont prinċipjant b’ħalb ommi fi snieni, aċċetta li jitkellem f’dan l-ewwel programm għar-radju li kont qed nipproduċi u nippreżenta jien.

Ikolli nammetti li għalkemm diġà kont rabbejt ftit kunfidenza fl-istudios ta’ Radju Malta u Television Malta xorta kont eċitat għall-mewt b’din l-ewwel produzzjoni li kont qed nagħmel waħdi, jew aħjar mingħajr l-għajnuna diretta ta’ nies b’aktar esperjenza minni fil-qasam tax-xandir. Charles Camilleri kien jaf sew dwar Gershwin u l-mużika tas-seklu għoxrin imma l-produzzjoni għax-xandir kienet xi ħaġa li fiha ftit li xejn kien jifhem. Kienet l-unika darba li kkollaborajna flimkien.

Gershwin baqa f’qalbi dejjem wara dan il-50 anniversarju mill-mewt tiegħu fl-età ta’ 38 sena. Meta ftakart li Mozart miet ta’ 35 sena, ma’ Gershwin qabbiltu. L-istess Bob Marley u Phil Lynott li kellhom it-tnejn 36 sena meta mietu. Anke l-famuż 27 Club, li b’mod misterjuż tal-kumbinazzjonijiet jiġbor fih dawk il-kantanti u mużiċist li mietu ta’ 27 sena (Jimi Hendrix, Jim Morrison, Janis Joplin, Brian Jones, Robert Johnson, Kurt Cobain, Amy Winehouse, u tant oħrajn) ifakkarni f’Gershwin, avolja m’għandux għalfejn. L-apprezzament għall-mużika ta’ Gershwin ma waqax kompletament mis-sema għalija. Aktarx li dan jorbot xi ftit jew wisq ma’ dak li għedt dwar il-jazz fl-għaxar u l-ħdax-il parti ta’ din is-sensiela.

U allura biex norbot propju aktar mal-aspett tal-jazz, għażilt din il-verżjoni relattivament riċenti ta’ Rhapsody in Blue ta’ George Gershwin b’Herbie Hancock fuq il-pjanu mal-Orkestra Filarmonika ta’ Los Angeles taħt id-direzzjoni ta’ Gustavo Dudamel.

https://www.youtube.com/watch?v=AleMCUqmsBs

Leave a comment...