Skip to content

12. Orjentaliżmi

Iż-żgħożija tiegħi kienet differenti sew mit-tfulija tiegħi. Dan mhux biss għar-raġunijiet ovvji li jgħaddi kulħadd minnhom. Ibda’ biex kont bdejt immur l-iskola r-Rabat fil-Kunvent ta’ Sant’ Agata, jew aħjar fil-Kulleġġ Missjunarju ta’ San Pawl. Dwar dan hemm ħafna xi ngħidu, pero mhux għalissa, anke għax kif għedt dawn ir-rakkonti mhux qed nippreżenthom b’mod kronoloġiku u l-akbar attenzjoni qed intiha lill-mużika aktar minn kollox.

Fil-kuntest ta’ dak li qed nippreżenta f’din is-sensiela, l-akbar bidla kif bdejt ħiereġ mit-tfulija kienet fil-mod ta’ kif bdejt naċċessa l-mużika. Ibda’ biex, issa kelli radju żveljarin fuq is-sodda u allura l-mużika prattikament kienet nonstop f’kamarti. Dan ir-radju ħabibbni sew mal-idea tax-xandir bħala karriera; dwar hekk żgur li ngħid aktar f’siltiet oħra li għandhom ġejjin f’din is-sensiela.

Maż-żgħożija bdiet ukoll l-opportunità li l-ħbieb tiegħi jinfluenzaw il-gosti mużikali tiegħi b’mod dirett. Wieħed li ħalla effett qawwi fuqi fil-bidu tas-snin 80 huwa xi ħadd li għandni niltaqgħa miegħu regolarment anke issa, avolja l-ħbieberija tagħna m’għadix tali li niltaqgħu nisimgħu l-mużika flimkien. Illum il-ġeneru favorit tiegħu huwa d-Doom Metal u mill-ewwel nista’ ngħid li dan il-ġeneru mhux xi wieħed li nfittxu jien, anke jekk ma niddejjaqx nisma’ xi siltiet minnu kultant, b’mod partikolari minn esponenti Maltin.

Dan il-ħabib kien fan kbir ta’ Deep Purple. Dan il-grupp kien infired f’dawk l-ewwel snin li konna niltaqgħu nisimgħu l-mużika tagħhom. Dan kien ftit snin biss wara li Ritchie Blackmore kien ħareġ bil-grupp Rainbow u tfaċċaw il-Whitesnake. Dawn iż-żewġ gruppi tal-aħħar ma tantx kienu għall-gosti tiegħi. Tajjeb ngħid li l-albums tad-Deep Purple favoriti tiegħi f’dak iż-żmien kienu dawk li ħarġu qabel l-1970, jiġifieri qabel ma’ Ian Gillan beda jkanta u jwerżaq magħhom. Għalija Shades of Deep Purple, Book of Taliesyn, u Deep Purple III huma trioġija tajba ferm. Il-ħoss tad-Deep Purple f’dawk is-snin kien notevolment differenti minn dak li ħarġu bih minn Deep Purple in Rock ‘l hinn. Dan apparti l-fatt li kienu jagħmlu numru ta’ covers b’arranġamenti tassew partikolari, fosthom Help u We Can Work It Out tal-Beatles, kif ukoll Lalena ta’ Donovan u River Deep Mountain High li konna nafuha aktar mingħand Ike u Tina Turner.

Dawn l-arranġamenti, ħafna drabi ta’ Jon Lord, imma xi drabi ta’ Blackmore ukoll, spiss kienu joħorġu mit-tradizzjoni tar-rock u l-pop u jmorru lejn aspetti ta’ mużika klassika. F’xi passaġġi, kienu jespolra ukoll skajjel b’armonija doppja li għal xi widnejn Ewropej jistgħu jintemgħu orjentali. Dawn kienu s-siltiet fost l-aktar favoriti ta’ dan il-ħabib tiegħi li ntroduċieni mhux biss għall-mużika tad-Deep Purple imma ukoll tal-Uriah Heep, Black Sabbath, u diversi oħra li kienu magħrufa l-aktar għal mużika rock qawwija fis-snin 70.

Din tal-ħsejjes orjentali pero kienet għal qalbna wisq. Ikolli ngħid li dak iż-żmien din il-kelma “orjentali” ma kontx insibha problematika meta użata biex tirreferi għal diversi kulturi mil-lvant tal-mappa msawra min-nies fil-punent. Kulturi Indjani, Ġħarab, Ottomani, Persjani, Ġappuniżi, Indonesżjani, u x’naf kien kienu kollha jissejħu orjentali, daqs li kieku kien hemm xi rabta bejniethom aktar min-nuqqas ta’ għarfien li kellna aħna tagħhom.

L-għaxqa tagħna nqalbu fuq ir-radju, speċjalment bil-lejl meta konna nirċievu ferm aktar stazzjonijiet fuq il-medium wave, biex ninżertaw xi ħsejjes orjentali. Wieħed mill-istazzjon li konna nisimgħu regolarment, tal-anqas għal perjodu qasir ta’ żmien, kien ir-radju tal-Kajr mill-Eġittu, jew bl-isem uffiċjali tiegħu إذاعة القاهرة, li għal min jaf jaqra bl-Għarbi jgħidlek li tinqara Iza’at al Qaahira. Għalina kien jinħass qisu ġej minn dinja oħra.

Fl-istess żmien, b’xi mod kont ħadt interess fil-mużika li ħarġet mill-kultura tas-surfing minn California matul is-snin 60. Dan aktarx li ġara għax kont rajt il-film Dead Man’s Curve dwar l-istorja ta’ Jan and Dean fuq it-television. Proabbilment kien l-ewwel biopic li qatt rajt dwar xi ħadd mix-xena mużikali apparti xi Al Jolson Story jew hekk. Anke fost l-ewwel LPs li qatt xtrajt, kien hemm Jan and Dean u l-Beach Boys filfatt. Hi x’inhi, fost l-iprem siltiet ta’ dan il-ġeneru ta’ mużika hemm il-famuża Misirlou ta’ Dick Dale. Dik jafuha anke aktar nies bis-saħħa ta’ Quentin Tarantino għax użha fil-ftuh tal-film tiegħu Pulp Fiction kif ukoll is-samples li hemm minnha f’Pump It tal-Black Eyed Peas li ħarġet xi 15-il sena ilu.

Li ftit jafu nies mill-punent huwa li Misirlou hija għanja qadima mil-lvant tal-mediterran li konna nisimgħu spiss f’xi verżjoni minn bosta bl-oud jew anke bil-bouzouki fuq xi wieħed minn dawk l-istazzjonijiet orjentali wara li nkunu xbajna mill-mużika tad-Deep Purple. Xi ftit tas-snin wara qrajt il-ktieb Orientalism ta’ Edward Said għall-ewwel darba u bdejt nifhem bil-mod kemm il-preċezzjoni tagħna ta’ dik il-parti tad-dinja hija storta mid-dominanza kummerċjali tal-punent.

Leave a comment...