Skip to content

18. Kważi Kull Filgħaxija

Fis-snin kollha li għamilt naħdem ma’ Xandir Malta, l-aktar programm li kellna fuq ir-radju li għadhom isemmuli n-nies kien dak li konna nippreżentaw jien u Ray Bajada bl-isem ta’ Kważi Kull Filgħaxija. Kien hemm diversi programmi oħra li kienu anke aktar għal qalbi minn dan sakemm domt naħdem fuq dak l-istazzjoni, imma n-nies bħal donnhom dan baqgħu jiftakru u mhux dokumentarji dwar mużiċisti kbar jew xi wieħed mill-ħafna radjudrammi li pproduċejt. Ray u jien għamilna perjodu nippreżentaw anke programm ta’ kuljum mill-4pm sas-6pm (f’dak li jissejjaħ drivetime) fejn allura żgur li kellna aktar semmiegħa minn dan ta’ filgħaxija. Hu x’inhu, dan ta’ Kważi Kull Filgħaxija kien tassew xi ħaġa differenti u speċjali.

L-idea li Ray u jien nibdew naħdmu flimkien kienet ta’ Charles Flores, li dak iż-żmien kien il-kap tat-taqsima tal-programmi tar-radju ma’ Xandir Malta. Ray kien diġà pprova xi ħaġa simili s-Sibtijiet filgħodu ma’ Eric Montfort imma ma damux wisq għaddejin biha dik. Għall-ewwel ftit ġimgħat kellna ukoll lil John Bundy magħna, imma anke dan ma damx wisq qabel mar jippreżenta programmi oħra waħdu fuq ir-radju f’ħinijiet oħra. Eventwalment konna ningħataw nies ġodda biex jitħarrġu magħna, bħal ma’ kien il-każ ta’ Joe Tanti u Caroline Rossitto. Mill-ġdid dawn kien jkunu biss perjodi qosra ta’ ftit ġimgħat jew xi 3 xhur l-aktar.

Kważi Kull Filgħaxija kien xi ħaġa differenti għax kien l-ewwel darba li fuq l-istazzjon nazzjonali tar-radju Malti kellek l-istess preżentaturi (kwazi) kull filgħaxija, b’mod simili kif kien diġà jiġri matul is-siegħat ta’ filgħodu u wara nofsinnhar. Filgħaxija stajna nkunu ħafna aktar liberali bl-għażla tal-mużika. Prattikament konna ndoqqu li rridu. Ħafna tracks minn albums magħrufa u ġodda. Singles li forsi ma kienux daqs tant popolari mas-semmiegħa tal-massa matul il-ġurnata. U konna nitkellmu b’mod każwali ħafna bejnietna, qisu konverżazzjoni bejn żewġt iħbieb, dwar dak li jkun għaddej. Din aktarx li kienet l-aktar ħaġa ġdida fuq ir-radju f’Malta, dak iż-żmien, anke għax il-biċċa l-kbira tal-preżentaturi l-oħra kienu jew jaħdmu bi script kważi formali, inkella jgħidu biss l-ismijiet tad-diski, x’ħin kien, jaqraw it-tbassir tat-temp, u jgħidu xi ċajta ‘l hawn u ‘l hinn, bejn bulettin tal-aħbarijiet u ieħor, u waqfiet għar-reklami regolari. Filgħaxija bil-kemm kien ikun hemm rekalmi dak iż-żmien, u l-aħbarijiet kienu jieqfu wara 7pm sa tard meta kienu jixxandru l-aħbarjiet tal-aħħar, fl-10:00pm jekk mhux sejjer żball.

Xi drabi kien ikollna ukoll xi mistieden li mhux dejjem kien ikun xi ħadd magħruf. Bosta drabi kienu jkunu ħbieb personali tiegħi jew ta’ Ray, bħal per eżempju meta kont nistieden lil Claudette Pace (illum Claudette Buttigieg, membru tal-parlament) jew Robert Micallef (forsi llum magħruf aktar bħala kandidat għall-elezzjonijet tal-parlament ewropew), fost ħafna oħrajn. Naħseb anke Immanuel Mifsud kien mistieden tagħna xi darba meta kien għadu kemm beda jippubblika l-kitbiet tiegħu hu stess; jekk le allura nitolbu jikkoreġini. Konna nitkellmu dwar suġġetti kontroversjali, bħal per eżempju għalfejn m’għandux ikun hemm nuqqas ta’ tagħrif dwar il-kontraċettivi fil-kuntest tal-pandemija tal-AIDS, għaliex hemm stmerrija minn tant nies għat-tattoos, jew inkella l-kaċċa bħala delizzju li m’hemmx wisq post għalih f’Malta, u anke l-bżonn tad-dikriminalizazzjoni ta’ ċertu klassi ta’ sustanżi li jissejħu droġi. Kollox b’nofs tbissima u xi drabi naqbdu suġġetti bla sens jew f’mod ċar li qed niċċajtaw. Kienet biċċa xogħol delikata għax ftit li xejn konna nisimgħu diskorsi hekk fuq il-mezzi tax-xandir f’dak iż-żmien, anke jekk kultant konna niftħu l-linji tat-telefon. Dan xi snin qabel ma saru popolari il-phone-ins fejn kulħadd jgħid tiegħu u aktar tisma’ qrid u “prosit tal-programm” minn kull ħaġ’oħra.

Tajjeb ngħid żewġ affarjiet importanti hawn, speċjalment għal min m’għex f’dawk is-snin jew ma jiftakarhomx. U dawn żewġ punt tassew straordinarji mill-perspettiva ta’ kif jiffunzjona r-radju f’Malta llum. L-ewwel ħaġa hija li Radju Malta 2 kien l-unika stazzjon tar-radju Malti fuq l-FM matul is-snin 80. L-unika stazzjon Malti ieħor kien Radju Malta 1 li kien ixandar biss fuq il-MW u fuq il-cable radio li sa ftit tas-snin qabel kien l-istazzjon tar-Rediffusion. U t-tieni ħaġa hija li dawn iż-żewġ stazzjonijiet tar-radju kienu jieqfu jxandru fil-11pm u ma jerġgħux jiftħu qabel is-6am tal-għada filgħodu.

Jekk għandek anqas minn 40 sena, naħseb li tajjeb terġa taqra dan l-aħħar paragrafu biex tifhem sew kemm kienu differenti l-affarijiet fid-dinja tar-radju f’Malta dak iż-żmien. Mhux qed ngħid li ma kellnix kompetizzjoni. Min kien iħobb il-mużika u radju b’laqta intelliġenti aktarx li kien jagħżel li jisma’ xi wieħed mill-istazzjonijiet tar-RAI, u wara jkompli jisma’ RAI Stereo Notte, li kien ikompli għaddej il-lejl kollu. Inkella, jagħmel kif kont nagħmel jien fil-ġranet li ma kontx inkun qed inxandar u jisma’ Radio Luxembourg fuq il-MW, jekk mhux il-BBC World Service fuq ix-shortwave.

Waqt il-programm ta’ Kważi Kull Filgħaxija miegħi u ma’ Ray Bajada kont tisma’ ħafna mużika tajba, li ħafna drabi ma kienetx tindaqq matul il-ġurnata, anke jekk ħafna minnha kienet mill-klassifiċi tad-diski Amerikani, Ingliżi, jew Taljani. Modestament nemmen li konna nissodisfaw il-ġosti mużikali ta’ ħafna nies, speċjalment studenti li kienu jisimgħu r-radju waqt l-istudji ta’ filgħaxija, b’ammont kbir ta’ diski minn kantanti u grupp popolari li ma kienux jisimgħu f’ħinijiet oħra fuq ir-radju. Qed nirreferi l-aktar għat-tracks mill-albums u mhux biss is-singles ta’ Prince, Bruce Springsteen, Tina Turner, Sting, David Bowie, Queen, U2, Simple Minds, Vasco Rossi, Mattia Bazaar, Eduardo Bennato, Franco Battiato, u tant oħrajn. Drabi oħra kienu jkunu esponenti ġodda fix-xena bħal Tracy Chapman, Enya, Swing Out Sister, Gianna Nannini, u fuq kollox Tanita Tikaram b’Twist in My Sobriety.

Leave a comment...