Skip to content

09. L-Ewwel Konverġenza

Fil-posts kollha li ktibt s’issa f’din is-sensiela, kien hemm dejjem oġġett li ppreżentajt bħala l-protagonist tal-istorja li qed nirrakkonta. Kienx ir-record player t’ommi jew it-tape recorder ta’ missieri, inkella l-jukebox jew it-television fil-bar, jew anke r-radju u r-Rediffusion li daħlu fl-aħħar parti tal-storja, l-oġġett dejjem kellu funzjoni waħda prinċipali.

Illum fil-but kważi kulħadd għandu oġġett li jġib dawn il-funzjonijiet kollha flimkien. Qed nirreferi għall-hekk imsejħa smart phones li minnhom nirċievu dak kollu li qabel kien jasal għandna minn dawn l-oġġetti separati kollha. Fid-dinja tat-teknoloġija din tissejjaħ konverġenza, anke jekk din mhux kelma komuni fl-ilsien Malti.

Dak ir-radju żgħir li kellu missieri għadda minn ħafna avventuri. Waħda mill-kbar kienet meta spiċċa niżel żewġ sulari f’daqqa minn fuq il-bejt tad-dar tagħna għat-triq. Dan ġara wara li ommi ma ntebħitx li missieri kien ħalla r-radju fil-friex meta ħarġet biex tfarfarhom waħda qabel tpoġġihom fil-magna tal-ħasil. Għalkemm dan ir-radju żgħir kien ħa daqqa tajba u nkiser f’xi partijiet, missieri kien sewwih xi ftit u baqa’ jaħdem għandu għal numru ta’ snin wara dan l-inċident.

Jidher li kien ftit wara din il-biċċa li tfaċċa l-ewwel radio cassette mono li kellna d-dar. F’nofs is-snin 70, kienu popolari ferm dawn il-kaxxi mhux goffi li bihom stajt mhux biss tisma’ l-cassette tapes jew ir-radju imma anke tirrekordja r-radju għal fuq cassettes vojta. Għax diġa kelli ftit prattika sew nirrekorja minn fuq ir-radju bit-tape recorder l-antik, meta wasal ir-radio cassette recorder ma domtx ma sirt espert ta’ kif l-aħjar tirrekodrja d-diski minn fuq ir-radju. Xi preżentaturi fuq ir-radju kienu aħjar minn oħrajn għax bil-kemm kienu jiftħu ħalqhom kif appena tibda d-diska u jħalluha għaddejja sal-aħħar qabel jerġgħu jitkellmu. Konna nemnu li ċertu disk jockeys (kif kienu jissejħu d-DJs dak iż-żmien) kienu jitkellmu fuq id-diski propju apposta biex tellfu lil xi pirata bħali li jkun lest b’subgħajh fuq il-buttuni tal-play u r-record jistenna d-diski li jrid iżomm fuq cassette.

Issa li stajt anke aktar faċliment nisma’ l-istess diski ripetutament skoprejt żewġ affarijiet li sa ċertu punt, imma mhux kompletament, huma marbutin ma’ xulxin. Il-kliem tal-kanzunetti mhux dejjem kien paroli fil-vojt dwar l-imħabba jew xi tbaqqbila bla sens, imma kultant kien qisu xi forma ta’ poeżija sublimi. Il-mużika minn xi daqqiet kien ikollha ritmi li jvarjaw waqt l-istess silta jew inkella kienu jkunu kompletament differenti mill-biċċa l-kbira tad-diski l-oħra li kienu jindaqqu fuq ir-radju bl-istess stil t’orkestrazzjoni.

Ta’ tifel li kont, ħadd għalija ma kien iġib dawn iż-żewġ affarjiet flimkien b’mod aħjar minn Angelo Branduardi. Alla fiera del’est kienet waħda mill-ewwel diski li ħkimt minn fuq ir-radju għal fuq il-cassette. Kienet hi li ntroduċietni għal tant diski sbieħ tiegħu, speċjalment minn dak il-perjodu, li wara għożżejt anke aktar fl-albums sħaħ bħal La pulce d’acqua u Cogli la prima mela.

Alla fiera del’est hija tip ta’ kanzunetta li ssibha f’ħafna kulturi – għalkemm ma nafx għandnix xi waħda hekk bil-Malti. Old MacDonald Had A Farm bl-Ingliż u Alouette bil-Franciż huma preċiżament żewġ eżempi ta’ dawn il-kanzunetti b’sejjer kumulattivi. Oħra hija tal-Milied: the 12 Days of Christmas. Aktarx li l-eqdem waħda minn dawn li għadha titkanta sal-lum hija Chad Gadya. Din il-kanzunetta mill-kultura Lhudija tirrakkonta l-istorja ta’ missier li xtara gidja (għalhekk chad gadya!) b’żewġ soldi, li ttieklet minn qattus li ngidem minn kelb li dabbar xebgħa b’żokk…insomma, xi ftit jew wisq l-istess storja li jirrakkonta Branduardi dwar ġurdien fid-diska tiegħu.

Il-verżjoni li qed naqsam magħkom illum hija dik ta’ Branduardi jkanta bl-Ingliż, bit-traduzzjoni ta’ Peter Sinfield. Dan il-kittieb Ingliż nafuh ukoll bħala l-awtur tal-kliem tal-kanzunetti fuq l-albums bikrin tal-King Crimson u dawk bl-Ingliż tal-Premiata Forneria Marconi (PFM). Alla fiera del’est f’idejn Sinfield saret Highdown Fair. Għal min jinteressawh dawn l-affarijiet, Sinfield kiteb ukoll il-kliem għall-album sħiħ La pulce d’acqua ta’ Branduardi li nħareġ bħala Fables and Fantasies fl-1980.

https://www.youtube.com/watch?v=CgSyRyPuD_k

Leave a comment...