Skip to content

19. Ikkanċellaw il-Eurovision

Ftit naħseb jafu biċ-ċirkostanzi li fihom Malta reġgħet bdiet tieħu sehem fil-Eurovision Song Contest fl-1991. Tajjeb infakkru li Malta kienet waqfet tieħu sehem fil-Eurovision Song Contest bdejn l-1976 u l-1990 wara li pparteċipat b’rizultat fqir ħafna fl-1971, 1972 u 1975. Li Malta daħlet fil-Eurovision Song Contest mill-ġdid fl-1991 kienet xi ħaġa li ġrat b’kumbinazzjoni għax l-edizzjoni ta’ dik is-sena kienet se ssir fl-4 ta’ Mejju. Dan huwa jum sagru ħafna għall-Olandiżi magħruf bħala Dodenherdenking jew aħjar jum it-tifkira ta’ dawk li mietu fil-gwerrer. L-għada, jiġifieri fil-5 ta’ Mejju, l-Olandiżi jiċċelebraw Jum il-Liberazzjoni, li fih ifakkru l-ħelsien tagħhom mill-okkupazzjoni tan-Nazi bejn l-1940 u l-1945.

Allura meta tifhem kemm dawn il-jumejn huma importanti fil-kalendarju Olandiż, jew tal-anqas kemm kienu għadhom importanti fil-bidu tas-snin 90, tifhem mill-ewwel għaliex id-diriġenti tal-istazzjon nazzjonali tat-television fl-Olanda ikkanċellaw il-parteċipazzjoni tagħhom mill-Eurovision Song Contest tal-1991. U Malta daħlet ħelu ħelu minflok l-Olanda fl-edizzjoni ta’ dik is-sena.

Snin qabel, il-Eurovision Song Contest kien suġġett ta’ diskussjoni fil-parlament Malti. Joe Grima, li kien għadu kemm spiċċa minn Chief Executive tal-Awtorità tax-Xandir u sar membru parlamentari, fost l-ewwel interventi tiegħu fl-1976/77 kien qal li l-parteċipazzjoni ta’ Malta f’dan il-konkors televiżiv kienet tista’ ssir biss jekk xi ħadd li mhux il-gvern iħallas għall-ispejjeż. Il-parteċipazzjoni ta’ Malta f’dan il-konkors fis-snin 70 kienet tiswa mal-Lm10,000 (xi €26,0000 – imma jiġu ferm aktar illum meta tqis ir-rata tal-inflazzjoni f’dawn l-aħħar 40 sena). Dan kien anke fil-konfront ta’ dikjarazzjoni minn Pawlu Xuereb, il-Ministru responsabbli mit-turiżmu dak iż-żmien, minn studji u konsultazzjonijiet li sar kien jidher ċar li l-Eurovision Song Contest kien joffri biss benefiċju marġinali għall-kisba ta’ turisti lejn Malta mill-Ewropa.

Fid-dawl ta’ dak li ġara fis-snin 90 u anke sa ftit wara, interessanti li l-Gvern ma kienx jara l-Eurovision Song Contest bħala prijorità lejn tmiem is-snin 70. Dan anke għax huwa minnu li kien hemm prioritajiet ferm akbar fuq livell nazzjonali, anke jekk inħarsu biss lejn il-qasam tax-xandir li f’dawk is-snin kien stazzjon wieħed li għadu anqas qaleb is-servizz tat-television għall-kulur. Ma kienx hemm reżistenza mill-Gvern biex Malta tieħu sehem fil-Eurovision Song Contest, iżda jidher ċar li kien deċiż li Malta tieħu sehem biss jekk ma jidħolx għal din l-ispiża l-gvern stess.

Sa tmiem is-snin 80 l-affarijiet kienu nbidlu sew. Fost il-prioritajiet tal-gvern issa kien hemm id-dħul ta’ Malta fil-Kommunità Ekonomika Ewropeja, li ftit wara saret magħrufa bħala l-Unjoni Ewropeja. U għalhekk ħloqna il-Festival tal-Kanzunetta Maltija għall-Ewropa li minnu kienet se tingħażel dik il-kanzunetta li titkanta f’isem Malta waqt l-edizzjoni tal-1991 tal-Eurovision Song Contest f’Cinecittà, Ruma.

Qed ngħid “ħloqna” mhux b’sens ġeneralizzat tal-fatt li jien Malti, imma għax b’xi mod kont sibt ruħi membru tal-kumitat organizzativ ta’ dan il-festival. Li ġara kien li Xandir Malta intalbu jinnominaw rappreżentat min-naħa tagħhom biex ikun liaison mal-organizzaturi ta’ dak li sa ftit qabel kien il-Festival Internazzjonali tal-Kanzunetta Maltija, li kien produzzjoni tad-Dipartiment tal-Kultura tal-gvern. Għax donnu ma kien hemm ħadd aktar lest jidħol għal din il-biċċa min-naħa tal-istazzjon nazzjonali, il-Kapijiet ta’ Xandir Malta kienu talbu lili nkun il-persuna responsabbli mill-aspett televiżiv u radjofoniku fuq dan kollu.

Emmnu jekk tridu, fl-1991 kull ma kelli ħin allokat biex it-telespettaturi Maltin jisimgħu il-kanzunetti li kkompetew fil-Festival tal-Kanzunetta Maltija għall-Ewropa, kien biss siegħa. Veru li xandarna l-festival Malti fuq TVM (anqas naf kienx ixxandar dirett), imma ftit li xejn kien hemm xandiriet aktar minn hekk. Dan apparti l-fatt li l-kanzunetti kienu qed jiġu interpretati kollha bil-Malti b’orkestra live, imma kien deċiż ukoll (mhux minni) li l-kanzunetta rebbieħa titkanta bl-Ingliż fil-Eurovision Song Contest.

Mhux se nkompli ngħid aktar dwar il-mużika fil-Eurovision Song Contest tal-1991, imma se ngħid biss li kont spiċċajt Cinecittà nagħmel il-kummentarju live waqt it-trasmissjoni diretta li saret mir-RAI fuq Television Malta, nirrapporta kuljum għal ġimgħa sħiħa għax 5 minuti fuq Radju Malta, biex niġġustifika l-fatt li kont intbgħat Ruma għal ġimgħa sħiħa, u fuq kollox nikkordina ukoll mal-ġurnalisti li kien hemm f’Ruma mill-pajjiżi l-oħra kollha. Wara dik is-sena kont irreżenjajt minn Xandir Malta u l-Eurovision Song Contest ma kelli x’naqsam xejn aktar miegħu għal ħafna snin.

Meta mort nara lill-grupp tar-rock mostruż Finlandiż Lordi jerbaħ l-edizzjoni tal-2006 f’Ateni, kien hemm xi 25 ruħ minn Malta jagħmlu dak ix-xogħol kollu li kont għamilt waħdi fl-1991. Veru li issa kien hemm pletora sħiħa ta’ stazzjonijiet f’Malta, imma fil-verità ma stajt qatt nifhem kif u għaliex kien kiber daqstant l-interess fil-Eurovision Song Contest f’Malta. Stramb aktar għalija l-interess minn stazzjonijiet tat-television Maltin li anqas biss huma membri tal-European Broadcasting Union, li tagħha trid tkun membru biex ixxandar il-Eurovision Song Contest, f’dak li effettivament hija xandira ta’ stazzjon ieħor.

Biex nieqaf hawn fuq il-Eurovision Song Contest ngħid biss li mhux se nikteb aktar dwar dan il-konkors televiżiv f’din is-sensiela, anke għax propjament ftit li xejn għandu x’jaqsam mal-mużika u wisq anqas ma’ dak li jinteressa lili fil-mużika. Forsi għax l-Olanda rebħu l-Eurovision Song Contest ħames darbiet li darba waħda waqt xandira ta’ Norman Hamilton minn Helsinki kont iddikjarajt li kelli biss interess nanalizza l-Eurovision bl-istess mod li xjentist jistudja dudu.

Leave a comment...