Skip to content

26. Mein Gehirn Ist K/ein Gefängnis

Żgur fid-dinja bħalha m’hemmx? L-ewwel darba li smajt din l-esaġerazzjoni kien fil-kanzunetta popolari Viva Malta ta’ The Malta Bums, miktuba minn Freddie Portelli. Possibli li mkien fid-dinja m’hu sabiħ, tajjeb, ħażin, jew ikrah bl-istess mod? Forsi aħjar, forsi agħar. L-istess? Abbli veru li kollox huwa uniku fid-dinja. Jew inkella abbli xejn m’hu hekk.

Din sfida li ndubjament twasslek biex tivvjaġġa. Inkella dan tewdin filosofiku li jwassal lil min għandu intellett ferm aktar b’saħtu minn tiegħi biex imur f’estrem jew ieħor, sa kemm b’xi mod tassew għaqli ma jsibx bilanċ. Hekk ġara. Tlaqt infittex l-estremi u minflok sibt triq lejn il-bilanċ.

Ftit aktar minn 25 sena ilu kont tassew nittama li l-kumplament tad-dinja mhux bħal Malta. Ħassejt li professjonalment ma kienx hemm prospetti li kienu jħajruni ngħaddas rasi u nkompli fuq dak li bdejt matul l-għaxar snin ta’ qabel. Kreattivitament kont ikkargat aktar milli qatt emmint li jien fis-snin ta’ wara, imma spiss kont insibni ngħum fl-ovvju u r-ripetizzjoni bla bżonn.

Nesaġera jekk ngħid li kont messejt il-qiegħ. Kont inħossni messejt il-qiegħ avolja kont sempliċiment għatxan għall-avventura. Kelli aptit kbir għal dak li huwa differenti. Il-futur ta’ Malta diġa kien wasal f’pajjiżi oħra. U allura tlaqt infittex il-futur barra minn Malta.

Fir-rebbiegħa tal-1994 sibt ruħi f’raħal żgħir fil-Ġermanja jismu Unna. Kont mistieden ningħaqad ma grupp imdaqqas ta’ studenti teatrali oħra minn madwar l-Ewropa. Dan kien wieħed mill-ewwel proġetti kulturali tal-Kummissjoni Ewropeja. Flimkien konna se naħdmu fuq tlett produzzjonijiet. Dik prinċipali kienet f’ċirku żgħir jismu Circus Travados fejn kont għamilt ħabib ma’ Llama. Hemm ħdimna fuq spettaklu mimli akrobazija u aspetti oħra assoċjati maċ-ċirku ibbażat fuq is-satira ta’ Karl Kraus, Die letzten Tage der Menschheit. Spettaklu ieħor kien sensiela ta’ tableau vivant imsejsa fuq uħud minn Los caprichos tal-artist Spanjol Francisco Goya.

Ma’ dawn kien hemm ukoll produzzjoni oħra maħduma forma ta’ sensiela ta’ installations artistiċi b’ħafna teatru fiżiku mibni madwar it-test għal Die Hamletmaschine ta’ Heiner Müller. Dan kien imsejjes f’birrerija qadima li kienet qed tiġi renovata f’ċentru kulturali. Fiċ-ċirku kont ngħaddi ħafna mill-ħin tiegħi, mhux biss mal-llama, ngħix ħajja differenti ferm minn dik li ħallejt warajja f’Malta. Madankollu kien fil-kantina enormi tal-birrerija li kont sibt dinja kreattiva ġdida ma’ tip ta’ nies li qatt ma kont għadni ltqajt magħhom qabel f’ħajti. Parti mir-raġuni ta’ dan kienet li dan kien żmien tassew eċitanti għall-Ġermanja għax ir-reunifikazzjoni bejn il-Lvant u l-Puntent tal-pajjiz kienet għadha tassew friska.

Biex niffamiljarizza aktar ruħi mal-kultura tal-Hamletmashcine, sieħbi Gregor Schwellenbach kien għaddieli cassette tal-interpretazzjoni tal-grupp Einstürzende Neubauten ta’ dan ix-xogħol. Rajt li aħna kellna nħufu f’direzzjonijiet differenti kemm jista’ jkun. Dan l-aktar għax emmint li jekk nipprovaw inkunu differenti konna se nterrqu lejn perspettivi li huma aktar personali. Minn daqshekk konna naqblu kompletament mhux biss jien u Gregor, li bi qbil miegħi kien ħa f’idejh il-mużika għall-ispettaklu ta’ ċirku, imma ħafna minn sħabna li flimkien għaddejna dik ir-rebbiegħa tal-1994 naħdmu flimkien biex fis-sajf nippreżentaw dawn it-tliet spettakli lin-nies ta’ Unna.

L-istorja ma tieqafx hawn, sintendi. Dan kollu jorbot ma’ dak kollu li esperjenzajt fl-ewwel snin li għamilt barra minn Malta, fejn kollox kien verament avventura mhux ta’ kuljum. Fl-istess waqt intenni f’moħħi uħud mill-ħafna raġunijiet għalfejn tlaqt minn Malta. Hemm wisq raġunijiet. Uħud raġunijiet ovvji, oħrajn aktar personali. Raġunijiet li jaf huma l-istess bħal ta’ ħaddieħor, kif ukoll oħrajn li huma tiegħi biss. Possibli għandi xi idea jew emozzjoni li fid-dinja bħalha m’hemmx?

Leave a comment...