Skip to content

32. Għajr Int

Fl-aħħar post minn din is-sensiela bdejt nirrakkonta kif kien hemm żmien, eżatt qabel tlaqt minn New York u ġejt lura lejn l-Ewropa, li l-mużika bħal donna reġgħet daħlet f’ħajti b’mod sostanzjali. Ir-raġuni prinċipali kienet li issa kellna magna ġdida li biha stajt nisma’ kull tip ta’ mużika li rrid u meta rrid. Din il-magna kienet kompjuter imqabbad mal-Internet.

Il-fenomenu tal-file sharing, speċjalment l-mp3s, permezz ta’ servizzi bħal Napster, Gnutella, Limewire, Morpheus, u Kazaa, fost ħafna oħrajn, biddel radikalment il-mod li bih bdejna niskopru l-mużika. Dawn bidlu l-mudell ekobomiku fl-industija tal-mużika, primarjament a detriment tal-artisti, imma ukoll tad-ditti tad-diski. Xorta kien hemm min kien irid ikollu CD originali mingħand l-artisti favoriti tiegħu, u allura l-ħwienet tad-diski ma ħadux daqqa kbira mill-ewwel, jew tal-anqas mhux kbira mill-ewwel daqs tad-ditti tad-diski li bdew jaraw li ċertu mużiċisti issa jistgħu jilħqu s-segwaċi tagħhom direttament.

Li kien hemm bżonn huwa dak li s’issa għadu m’instabx: mod kif l-artisti jkomplu jitħasslu ta’ xogħolhom fil-kuntest tat-teknoloġija tal-Internet li għamlet kull recording li qatt ħareġ fil-pubbliku, imqar b’mod limitat, teknikament aċċessibli immedjatament u aktarx mingħajr ħlas, ħlief biex taqbad mal-internet. Jidhirli li unika raġuni li l-industrija tal-mużika għada ma kkollatx kompletament huwa bis-saħħa tal-kunċerti u materjal sekondarju (merchandize bħal t-shirts, kalendarji, u x’naf jien) li jiżboq bil-bosta id-dħul li qatt jista’ ħadd jistenna mill-bejgħ tal-mużika rrekordjata. Mhux ta’ b’xejn li reġà tfaċċa suq għad-diski fuq il-vinyl.

Fil-perjodu ta’ madwar 10 snin li għamilt ngħix fi New York kont nattendi regolarment kunċerti kbar f’postijiet leġġendarji bħal Madison Square Garden, fejn rajt lil Sting, jew Herbie Hancock bħala parti mill-kunċert jazz tal-JVC qrib it-Twin Towers tal-World Trade Centre meta kienu għadhom hemm, sintendi. Inkella ġemgħat kbar ta’ nies f’Central Park, fejn rajt il-Jeff Healey Band u Patti Smith għat-tieni darba. Jones Beach f’Long Island għal Roger Waters, jew anke Battery Park fejn issaħħart b’Cassandra Wilson bl-Istatwa tal-Libertà fl-isfond. Dawn kienu jalternaw regolarment ma’ gigs f’postijiet daqs naqra fi New York imxerda minn Brooklyn sa Harlem u minn Greenwich Village sal-Bronx. Dan apparti dawk is-Sessions at West 54th li ktibt dwarhom fit-32 parti ta’ din is-sensiela.

Fl-2002, madwar sentejn u nofs qabel tlaqt minn New York u bdejt naħdem u ngħix fi-Scarborough fir-Renju Unit, kien tfaċċa stazzjon tar-radju li jxandar esklussivament fuq l-Internet. Propjament BBC 6 Music tista’ taqbdu fuq id-DAB ukoll, imma trid tkun f’pajjiżu biex tagħmel dan. Il-kunċett ta’ stazzjon tar-radju li mhux intiż bħall-kumplament tal-istazzjonijijet tar-radju l-oħra imma wieħed biex jinstema’ (kwazi) biss fuq l-Internet kienet xi ħaġa li affaxxinatni ferm mill-ewwel.

Tħabbibt sew ma’ dan l-istazzjon mill-ewwel għax kellu tlett kantanti fost il-preżentaturi tiegħu, li kienu DJs magħrufa sew għall-programmi tagħhom ta’ mużika alternattiva. Il-kantanti kienu Bruce Dickinson tal-Iron Maiden, Arthur Brown (anke jekk dan ma kienx hemm regolarment) u Tom Robinson. Biż-żmien Iggy Pop ħa post Bruce Dickinson u Tom Robinson sar wieħed mill-aktar preżentaturi tar-radju favoriti tiegħi. L-unika preżentatur aħjar minnu kien John Peel, xi ħaġa li Robinson stess jammettiha, għal raġunijiet ovvji – jekk taf min kien John Peel. F’dawn l-aħħar snin tfaċċa ukoll Tom Ravenscroft, li huwa iben John Peel, imma fil-fehma tiegħi m’hemmx paragun bejnu u bejn missieru, anke jekk idoqq ħafna mużika ġdida hu ukoll.

Kien propju waqt programm ta’ Bob Harris fuq BBC 6 Music fl-2003 li smajt żewġ siltet mill-album Deb ta’ Souad Massi. Mingħajr esaġerazzjoni ngħid li l-ħoss sempliċi u tassew melodjuż ta’ din il-kant-awtriċi Alġerina Berbera laqatni b’mod profond. Għalkemm Harris kien qed ixandar minn Londra, fraħt immens meta ħabbar li kienet ser tati kunċert fi New York aktar tard dak ix-xahar. Il-kunċert kien sar f’Central Park u kont mort b’ħeġġa li rari naf li kelli għal xi mużiċist ieħor fis-snin kollha li attendejt kunċerti live. Ir-raġuni ta’ dan hija xi ħaġa li forsi mhux daqstant ovvja għalija. Naħseb li, kif jiġri f’mumenti hekk, hemm aktar minn raġuni waħda.

Issa qed noqorbu lejn tmiem ta’ din is-sensiela. Fadal biss żewġ partijiet oħra qabel nieqaf nikteb dwar dawn il-memorji tal-mużika f’ħajti. L-iskop oriġinali li bdejt nikteb dawn it-tifkiriet żviluppa f’xi ħaġa anke isbaħ milli bsart. Dwar hekk nittama li jkolli l-opportunità ngħidilkom aktar dalwaqt. Intant, però, nittama li tkomplu sseġwu l-partijiet li fadal f’din is-sensiela. Grazzi tal-appoġġ u l-kummenti sbieħ mhux biss taħt il-kitbiet infushom imma ukoll f’messaġġi diretti u anke telefonati.

Leave a comment...