Skip to content

13. Bejn l-Eżileranza u l-Frustrazzjoni

Din il-ġimgħa tħabbret il-mewt ta’ Dave Greenfield, mużiċist Inġliż magħruf unikament bħala t-tastierista tal-grupp The Stranglers. Għalkemm miet ftit wara li qabditu l-Covid-19 fl-età ta’ 71 sena, dan ma kienx xi mużiċist li se jiġbed ħafna attenzjoni fuq Facebook u s-soltu kummenti ta’ RIP każwali li xbajna naraw minnhom kull meta jmut xi ħadd li jkun xi naqra magħruf. Sabiħ li niċċelebraw il-ħajja ta’ min iħallina. Għaliex le? Xorta jkolli ngħid però li meta jmut xi ħadd inħossni li nsib dawn it-tip ta’ kummenti fuq l-hekk imsejħa media soċjali naqra vojta, speċjalment meta jkun ovvju li m’hemmx xi rabta sinifikanti, imqar kulturali, bejn min miet u min qed jikteb RIP.

Il-mewt ta’ Greenfield fakkritni f’żewġ mumenti minn ħafna snin ilu meta l-mużika tiegħu messet, anke jekk bi żbrixx, mat-tip ta’ memorji li qed nirrakkonta f’din is-sensiela. L-ewwel waħda qasira u sempliċi, aktarx b’riperkussjonijijet fit-tul aktar milli xtaqt. DJ popolari ferm daqq id-diska Golden Brown ta’ The Stranglers miktuba propjament minn Dave Greenfield waqt il-programm tiegħu ta’ kuljum fuq Radju Malta 2 fil-bidu tas-snin 80. “Golden Brown…bħat-toast, kif inħobbha jien!” qal dan id-DJ stabbilit għal bosta snin b’isem li f’Malta (kien) jafu kważi kulħadd, daqs li kienku ma kien xejn. Abbli tassew ma kien xejn, imma l-biċċa hi li din Golden Brown hija dwar l-eroina u dak huwa l-kulur ta’ din id-droga meta tissajjar f’xi mgħarfa tal-metal. X’għandu x’jaqsam il-ħobż mixwi? Ħlift li nsir xandar, imma mhux DJ, biex inkun nista’ nikkumbatti dawn it-tip ta’ ċuċati fuq il-mezzi tax-xandir. Mur għidli li kont qed nitbaqbaq fuq xi ħaġa li kellha ssir agħar u mhux aħjar aktar m’għaddew is-snin.

It-tieni waħda tikka aktar twila u mhux daqshekk sempliċi, avolja naħseb li b’anqas impatt fit-tul mill-oħra. Il-grupp The Stranglers kien wieħed mill-aktar favoriti ta’ barman li kien hemm f’lukanda li kienet faċċata tad-dar tagħna sa ftit tas-snin ilu meta ddeċidew li jagħmluha dar għall-anzjani; li għandi qed nipprova nifhem għaliex isejħulha “home” din it-tip ta’ dar għall-anzjani. Fil-bar ta’ din il-lukanda kont immur għax ftit kien hemm aktar postijiet fejn stajt immur daqstant viċin tad-dar meta bdejt nitfarfar. Dan il-barman, li ma kienx il-barman regolari imma wieħed li kien jidħol meta dak regolari jkollu l-ġurnata off tiegħu jew ikun bil-leave, kien xi ħames snin akbar minni. Kien dilettant kbir tal-mużika u sirna ħbieb sew tant li anke kont bdejt immur għandu d-dar, fejn kif tidħol aktarx li kont tiltaqa’ ma’ missieru qed jisma’ xi opra jew oħra b’volum għoli. F’dan il-bar ma kienx hemm jukebox u l-cassettes li kienu jdoqqu fih kienu normalment aktar jappellaw għat-turisti Ingliżi li l-ġosti tagħhom kienu middle of the road wisq għal gosti tiegħi, speċjalment f’dawk is-snin, b’xi James Last jew xi non-stop party hits għaddej fl-isfond.

Dan il-ħabib kellu kollezzjoni ta’ diski sostanzjali d-dar. Tista’ tgħid li x-xiri tad-diski kien wieħed mill-passatempi prinċipali tiegħu u parti sostanzjali mill-paga tiegħu aktarx li kien jonfoqha biex jixtri xi nofs tużżana LPs fix-xahar, jekk mhux aktar. Ħafna esponenti magħrufa tal-mużika rock smajthom sew għall-ewwel darba bis-saħħa tiegħu, speċjalment dawk popolari bejn is-snin 70 u l-bidu tas-snin 80. Kien hu li dewwaqni l-mużika ta’ The Stranglers meta sellifni l-ewwel ħames albums tagħhom: Rattus Norvegicus, No More Heroes, Black and White, The Raven, u The Gospel According to the Meninblack. Kellu album ieħor jismu La folie, imma dak kien għadu ħiereġ u qalli “mhux se nsellifulek għalissa, imma għamiltulek fuq cassette.”

Kien propju f’dan La folie li kien hemm din is-silta Golden Brown, lejn l-aħħar tiegħu. Kienet differenti mill-biċċa l-kbira tas-siltiet l-oħra mhux biss fuq dan l-album imma anke fuq l-albums l-oħra. Il-grupp ma kienx laqatni wisq, anke jekk kien xi ftit differenti mill-biċċa l-kbira tal-gruppi l-oħra ta’ dak iż-żmien. Qisu punk imma mhux punk. Qisu rock imma mhux qawwi wisq. Ir-ritmu ta’ Goldern Brown kien qisu xi valz alternattiv, bl-um-pa-pa um-pa-pa kważi rock, imma mhux eżatt. Ċertament però li din kienet xi ħaġa differenti ferm flok it-taħbita ta’ erbgħa b’erbgħa li ssib f’99% (jekk mhux aktar) tad-diski kollha pop jew rock f’dawn l-aħħar sittin sena. Tghġid kumbinazzjonli li l-video ta’ din id-diska jorbot ukoll xi ftit mal-post ta’ qabel din dwar ir-radju mill-Kajr u l-orjentaliżmu?

Ftit wara dan il-ħabib u jien għaqqadna grupp (kif kien jissejħu l-bands dak iż-żmien) u anke daqqejna xi darbtejn flimkien ma’ dak il-ħabib l-ieħor li ntroduċieni għad-Deep Purple u l-orjentaliżmu. Mingħajr qatt m’azzardajna noħorġu fil-pubbliku, wieħed mill-ismijiet li konna nużaw bejnietna għal dan il-grupp kien The Clockwork Wizards. Isem pretenzjuż misruq mill-film The Abominable Dr. Phibes bl-attur Vincent Price fil-parti prinċipali.

Leave a comment...