Skip to content

30. DARBA KIEN ISIR IL-JAZZ FESTIVAL

Fis-snin qabel ma bdejna nistgħu ngħidu kull ma rridu fuq l-Internet, biex twassal ħsibijietek fil-pubbliku kellek bżonn xi forma ta’ intermedjarju. Kien hemm min ipprova jkun l-intermedjarju tiegħu stess, imma dawk li rnexxew waħedhom kienu każi rari. Il-mezzi tax-xandir u l-istampa, partikolarment il-gazzetti, kienu l-intermedjarji ovvji għal bosta snin.

Ftit li xejn immiltajt f’partiti politiċi. F’ċertu żminijiet offrejt uħud mis-servizzi kreattivi tiegħi bi ħlas liż-żewġ partiti prinċipali f’Malta. Kienet biss l-Alternattiva Demokratika, fil-bidu tagħha bħala moviment ambjentali favur kull tip ta’ drittijiet ċivili, li resqet l-eqreb lejn il-fehmiet politiċi personali tiegħi, tal-anqas f’Malta. Sfortunatament għalija, u forsi xi ftit anqas għalihom, dak li żviluppat fih l-AD fl-aħħar 20 sena ma jappellali kważi xejn. Apparti dan, għażilt li qatt ma nxandar fuq l-istazzjonijet tal-partiti politiċi, anke jekk bi ħlas. Għalija dawn kienu u għadhom anomalija fil-liberalizazzjoni tax-xandir f’Malta, li jservu biss l-interessi tal-klassi politika nvoluta direttament fihom. Skoss ilpup imlibbsa ġilda ta’ ħaruf.

Ftit qabel ma qabdu sew, però, kont aċċettajt li nibda nikteb fil-gazzetta ta’ kull nhar ta’ Ħadd Il-Mument. Il-gazzetti u mezzi tal-kommunikazzjoni tal-Partit Nazzjonalista f’dak iż-żmien kienu mmexxija minn Roger Degiorgio, li eventwalment telaq biex imexxi l-Malta Independent u wara għadda għall-Malta Today. Għax Dr Degiorgio kien raġel tassew tal-affari tiegħu, miegħu kelli ftehim sempliċi: nikteb li rrid, fil-konfini tal-liġi tal-istampa, u jekk xi ħaġa mhux aċċettabli biex tidher fuq il-Mument, allura l-paġna tiegħi għandna titwaqqaf u mhux tkun suġġetta għaċ-ċensura editorjali selettiva.

Imxejna ħarir għall-perjodu kollu li għamilt nikteb hemm, anke għax kont nisma’ mill-pariri mimlija esperjenza ġurnalistika ta’ Victor Camilleri, li dak iż-żmien kien l-editur ta’ Il-Mument. Il-paġna tiegħi kien jisimha Fil-Vina. Logħob bil-kliem fuq l-idea klassika ta’ in vino veritas, miġjuba aktar għal żmienna. Kien hemm nies ‘l fuq sew fil-kurituri tal-poter li żarżrilhom xi naqra dan l-isem; u dan naf ċert li ġara fiż-żewġ partiti għax qaluli huma stess direttament.

Kont nikteb l-aktar dwar il-kultura kontemporanja, b’attenzjoni speċjali għax-xena żgħażugħa. Kont nikteb dwar dak li naf mill-ħajja tiegħi ta’ kuljum. Kont skjett u inċiżiv. Mingħajr tidwir żejjed mal-lewża u mingħajr ma nissoġra xi libell jew diżgwid żejjed mal-pubblikaturi, kont ngħid l-affarijiet kif inħosshom. Kont ispirat sew mill-kitbiet ta’ Hunter S. Thompson u l-ġurnaliżmu tiegħu imsejjaħ gonzo. Ma kontx radikali daqsu fil-metodi ġurnalistiċi tiegħi, imma għal Malta naħseb li kont radikali kemm jista’ jkun bla ma ninħass estremist iżżejjed.

Kont nikteb dwar ħafna minn dak kien jħossu u jgħidu bosta żgħażagħ kontinwament imma li qatt ma kont tara miktub imkien jew imxandar fuq ebda stazzjon Malti. Kien hemm aktar dwar xiex tikteb f’dak iż-żmien, imma kont konxju li l-intermedjarju tiegħi kien partit relattivament konservattiv b’tolleranza kbira għall-ħsieb miftuh f’isem id-demokrazija. Li kellhom żgħażugħ jidher li qed jgħid li jrid fuq waħda mill-gazzetti tagħhom kienet tista’ tinħass li huma aktar demokratiċi milli kieku jħallu biss min jaqbel magħhom jgħid tiegħu.

Hawnhekk ippermettuli parenteżi żgħira biex naqsam ħsieb dwar id-demokrazija li tennejtu drabi oħra pubblikament imma naħseb li postu hawn ukoll. Jiena qatt ma fhimt għalfejn tant nies jiċċelebraw u jifirħu bid-demokrazija rappreżentattiva meta din verament u preċiżament tfisser biss li uħud minna nagħżlu numru żgħir fostna biex jirrappreżentaw lilna lkoll. Il-loġika ta’ kif xi ħadd li m’għażiltx int jista’ qatt jirrappreżentak meta int ma tabel xejn, jew kważi f’xejn, ma min għażel li min qed jirrappreżentak hija sitwazzjoni tassew farseska għalija. Id-demokrazija diretta storja oħra, sintendi. Għalhekk irrid niċċara li hija d-demokrazija rappreżentattiva li tqabbadni l-ħakk u mhux il-kunċett tad-demokrazija diretta li biha kulħadd tassew għandu l-potenzjal isemma leħnu, anke jekk oħrajn kapaċi jwasslu leħenhom aktar minn oħrajn. Il-popolarità mhux kollox.

Insomma, lura għal dak li kont qed ngħid dwar Fil-Vina. Wieħed mill-artikoli li kont ktieb Ħadd minnhom kien kważi ġellidni ma’ wieħed mill-aktar ħbieb li ili ngħożż għal aktar minn erbgħin sena. It-titolu tal-artikolu tiegħi kien l-istess bħal dak ta’ din it-taqsima f’din is-serje: DARBA KIEN ISIR IL-JAZZ FESTIVAL. L-editur intebah kemm dak li kont qed ngħid jien kien skoss fil-vina, biex inżommu l-metafora għaddejja, u allura għażel li jippreżentah hekk b’ittri kbar fuq il-ħames kolonni tal-paġna tiegħi fil-gazzetta. “Maximum impact” kienu jgħidulu dan l-istil l-impaġnaturi tal-gazzetti.

It-ton tiegħi f’dan l-artikolu kien wieħed t’apprezzament kbir għal dak li kien irnexxielu jagħmel Charles Gatt magħruf bħala s-City għal dawk li jħobbu l-jazz f’Malta. Huwa kien il-fundatur u l-organizzatur ewlieni tal-Malta Jazz Festival, u dik is-sena kien wasal fit-tielet jew ir-raba’ edizzjoni tiegħu. Kont tassew impressjonat mhux biss bil-jazzisti primi li kien jirnexxielu jġib f’Malta imma ukoll bil-mod konsistenti li kien qed jirnexxielu jagħmel dan sena wara l-oħra. Biżżejjed insemmu lil Chick Corea, Elvin Jones, Michel Petrucciani, Betty Carter, Bill Evans, Joe Henderson, John McLaughlin, u Al di Maeola li kollha ġew għal dan il-festival f’dawk l-ewwel snin.

Kont naf li f’dak iż-żmien ma kellnix infrastruttura b’saħħitha biżżejjed fil-qasam tal-kultura fl-entitajiet pubbliċi biex insostu dan il-festival mill-isbaħ mingħajr is-City. U allura kont immaġinajt x’kienet se tkun is-sitwazzjoni tal-festival tal-jazz f’Malta meta, kif ħaġa natural jiġri biż-żmien, jiġi biex jieqaf jagħmlu s-City. Kont ħeġġiġt lil gvern ta’ dak iż-żmien biex joħloq struttura organizzattiva soda biex dan il-festival ma jkunx jiddependi biss mir-rieda tajba ta’ persuna waħda.

Dak li bassart jien f’dan l-artikolu eventwalment ġara, sew fil-ħażin kif ukoll fit-tajjeb. Il-ħażin kien meta madwar l-2006 il-Malta Jazz Festival kien waqaf jagħmlu s-City u għadda f’idejn kumpanija privata li ħasset li għandha tieħdu f’direzzjoni differenti. Kienu ġabu lill-Alan Parsons Project minflok mużiċisti stabbiliti jew emerġenti mill-qasam tal-jazz. Għamel xi ftit snin sejjer hekk, mill-ħażin għall-agħar, tal-anqas f’dak li huwa kredibbilità ma’ min jaf x’inhu jazz festival ta’ vera.

Eventwalment wasalna fejn aħna llum li dan il-festival huwa wieħed minn diversi li jorganizza l-gvern b’mod sistematiku kull sena, minn entità li issa jisimha Festivals Malta. F’dan il-qafas kull m’hemm bżonn huwa direttur artistiku biex ifassal il-programm mużikali u mhux aktar impreżarju li jieħu ħsieb xi ħaġa bħal din mill-A saż-Żeta. Hekk tal-anqas hemm prospetti aktar sodi li jkompli jsir regolarment dan il-jazz festival u li jinżamm il-livell mixtieq minn dawk li jħobbu din it-tip ta’ mużika.

Apparti li attendejt dawk l-ewwel erba’ jew ħames edizzjonjiet tal-bidu, ftit li xejn messejt aktar ma’ dan il-jazz festival, anke għax ma kontx għadni ngħix f’Malta. Iż-żjarat tiegħi rari kienu jkunu għal nofs Lulju. Ngħid rari u mhux qatt għax hekk ġara fis-sena 2000 meta kont anke spiċċajt fuq il-palk fir-rwol tal-preżentatur għal dik l-edizzjoni. F’dik l-edizzjoni tal-Malta Jazz Festival esperjenzajt wieħed mill-isbaħ mumenti fejn tidħol il-mużikali f’ħajti: introduċejt lil Joe Zawinul minn fuq il-palk għall-udjenza preżenti u mbagħad rajtu jdoqq live bil-veduta tal-Port Il-Kbir bħala sfond għal siegħa sħiħa.

Ma jeżistix arkivju tal-Malta Jazz Festival aċċessibli faċilment, allura qed naqsam magħkom dan il-video ta’ Joe Zawinul f’kunċert simili waqt in-Newport Jazz Festival ta’ xi 3 snin qabel.

Leave a comment...