Skip to content

29. Mhux Bħal tal-Films

Mill-ewwel wasla tiegħi f’Virginia sa ma xbajt ngħix New York għaddew 12-il sena. Wasalt bħala student u għext il-ħajja ta’ student professional għal madwar tmien snin. Il-kunċett ta’ student professjonali kien komuni ħafna fl-Istati Uniti sal-bidu tal-millennju l-ġdid, qabel ma l-ekonomija nbidlet tant li sar diffiċli tgħix hekk. Bħal nies oħra li jagħżlu dan l-istil ta’ ħajja, ma kontx nimmaġina li qatt nieqaf inkun student. Parti mill-istorja – imma rrid nemfasiżża li parti biss – kienet marbuta mal-idea li dejjem hemm x’titgħallem. L-akbar ċuċ huwa min jaħseb li jaf kollox, jew li jista’ jaf kollox.

Parti oħra tar-raġuni li xi ħadd jaf jagħżel li jkun student professjonali hija għax jintebah li l-ħajja ta’ veru (i.e. dik li jgħixu n-nies l-oħra kollha li mhux studenti) hija waħda diffiċli. Biex inkun aktar preċiż, jew tal-anqas biex nitkellem direttament mill-esperjenza personali tiegħi, ngħid li aktar milli waħda diffiċli fiha nfisha, waħda li ddifiċli tidħol fiha meta tispiċċa milli tkun student. Kont irrifjutat xogħol fiss minn numru kbir ta’ universitajiet qabel sibt fejn naħdem bla ma ninkwieta li għandi biss kuntratt ta’ sena b’paga relattivament minima wara li spiċċajt l-istudji għad-dottorat tiegħi fl-Università ta’ New York.

Dan ma jgħoddx għas-suġġetti kollha, sintendi. Ma nimmaġinax li hu hekk fil-każ tat-tobba, avukati, periti, accountants, u professjonisti oħra li l-istudji tagħom iwassluhom biex jidħlu, kważi b’garanzija (warrant jgħidulha, le?) fil-professjoni li għażlu meta bdew jistudjaw. Imma fil-qasam tal-arti, hija storja kompletament differenti. Mhux qed nitkellem biss dwar min hu mgħoni bit-talent u min mhux. It-talent sekondarju f’ħafna każi. Uħud mill-aktar nies kapaċi u prolifiċi fl-oqsma varji tal-arti, qajla resqu lejn università biex jistudjaw is-suġġett li jeċċellaw fih.

Il-ħsieb kritiku, f’sens akkademiku, lili waqqafni kważi kompletament milli nsib valur b’saħħtu biżżejjed fil-biċċa l-kbira tal-ħidma kreattivà tiegħi. Kif nista’ ngħid li jien mużiċist meta rajt, smajt u studjajt tant mużiċisti li joperaw fuq livell li bil-kemm noħlom li qatt nilħaq jien ukoll? X’teatru se nagħmel meta nara kemm hu vojt ħafna mix-xogħol li għamilt matul perjodu ta’ kważi għoxrin sena f’dan il-qasam? Kif nista’ qatt inkompli l-karriera professjonali tiegħi fix-xandir meta naf li il-maġġoranza kbira tal-programmi huma tant medjokri, tal-anqas għall-gosti u l-interessi tiegħi; u dan mhux f’Malta biss.

Kont spiċċajt diżilluż kważi għal kollox. Mingħajr modestja falża, kont diżilluż l-aktar b’dak li kapaċi nagħmel jien. Imma dan ma kienx minħabba li ma kontx għadni naf nagħmel dawk l-affarijiet kollha li kont ħloqt karriera bihom fl-għoxrin sena ta’ qabel. L-iżball ewlieni tiegħi kien li ersaqt qrib wisq lejn l-istudju ta’ kif taħdem id-dinja tal-ispettaklu. Għalkemm jaf għandi impressjoni ħażina wkoll, nimmaġina li l-aqwa avukati, periti, tobba, u x’naf jien, iħossuhom hekk ukoll dwar aspetti tas-settur tagħhom.

Parti minn dan kollu ġie mill-fatt li Amerika li mort ngħix fiha jien skoprejt malgħajr li hija post differenti ferm mill-Amerika li naraw fil-films. Mhux għax jien naive u ma nafx li dak li jidher fil-films ta’ Hollywood huwa fittizju, u bosta drabi anke romantiċizzat biex jidher aktar interessanti milli hu.

L-akbar xokk kien meta ntbaħt kemm hemm kultura Amerikana mhux riflessa sew fil-films ta’ Hollywood. Sa ċertu punt dan jgħodd għall-mużika ukoll, imma mhux b’mod daqstant ċar u ovvju. Fil-qasam tal-mużika li kienet tinteressa lili f’dak iż-żmien diġà ktibt dwar Mojo Nixon u Dread Zeppelin (ara parti numru 6 ta’ din is-seniela) bħala żewġ eżempji, sa ċertu punt, ta’ dan li qed nipprova ngħid hawn. Mill-ewwel jiġuni ukoll f’moħħi esponenti oħra bħal Cake, Dada, Beirut, u Vast, li kollha kont nisma’ CDs tagħhom regolarment fil-perjodu tiegħi bħala student fl-Amerika. Kemm jindaqqu fuq l-istazzjonijiet tar-radju f’Malta dawn?

Il-film li wassalni nintebaħ kompletament kemm l-Amerika li naraw barra mill-pajjiż hija differenti minn dik li jesperjenzaw tant nies li jgħixu hemm kien Smoke Signals. Dan mhux film ta’ Hollywood. Dan anqas m’hu xi film li l-biċċa l-kbira tad-dilettanti tal-films abbli jieħdu gost jaraw. Fuq kollox, però huwa film li l-individwi li qed jirrakkontaw l-istorja tiegħu u l-protagosti li qed jieħdu sehem fih huma kollha minn popli ndiġini. Biex niftehmu, aktarx li jkun aktar faċli li ngħid li dawn huma d-dixxendenti diretti tal-Indjani li konna drajna naraw f’tant films tal-cowboys. Timmaġina xi ħadd ikanta fi stil tradizzjonali ta’ dawn in-nies indiġini dwar snien John Wayne? Ara dan il-film u tiskopri li hekk preċiż jagħmlu dawn in-nies li ilhom marbuta għal sekli twal mal-istess art li bdiet tissejjaħ Amerika mill-Ewropej li ħakmuha.

Meta wasal il-11 ta’ Settembru tal-2001, id-dinja inbidlet. Mhux qed nesaġera. Kull meta tgħaddi mill-ajruport u ma titħalliex tieħu mqar flixkun ilma żgħir miegħek, ifhem min rebaħ l-hekk imsejħa gwerra kontra t-terroriżmu. Fuq livell aktar kwotidjan, kien fil-punt li l-Amerikani bdew jirreaġixxu b’mod tassew estrem lejn dak li ġara fil-11 ta’ Settembru, li ddeċidejt li nitlaq mill-Amerika.

Bil-ġilda ta’ ġismi samra wara sajf fix-xemx u b’daqna kbira sempliċiment għax hekk ippreferejt li nżommha, naf li kelli dehra simili għat-tip ta’ nies li kontrihom kien hemm preġudizzju qawwi. Twaqqaft bosta drabi fit-toroq ta’ New York, fl-istazzjonijiet tal-ferrovija, u fl-ajruporti b’mod ovvju li għax kelli dehra ta’ xi ħadd minn parti tad-dinja li minnha kienu ġew it-terroristi li attakkaw New York. Mhux kultant, imma regolarment. Kif tista’ tgħix f’post hekk?

Leave a comment...