22. X’Riħa Għandu l-Futur?

F’nofs is-snin 80 kellna aċċess aktar faċli għal tlett oġġetti ġodda li bidlu konsiderevolment il-modi ta’ kif nisimgħu l-mużika. Dawn it-tlett oġġetti wittew it-triq biex sa tmiem is-seklu bdejna nsibu metodi oħra, radikalment ġodda, ta’ kif niskopru l-mużika. Qed nirreferi għall-video recorder, is-CD player, u l-kompjuter.

Għall-ewwel li bdew jidhru fl-idejn dawn l-oġġetti ma kienx hemm mod kif jitkellmu ma’ xulxin. L-ewwel video recorders bil-kemm kellhom ħoss aħjar minn dak tal-cassettes iżgħar li konna għandna nużaw biex nirrekordjaw u nisimgħu l-mużika u recordings oħra minn fuq ir-radju jew mid-diski. Dan anke għax il-ħoss kien joħroġ mit-telelvision, li f’dak id-deċenju kien għadu mono, bi speaker wieħed. Apparti l-ovvju, li tara xi film jew hekk irrekordjati apposta, il-video recorders offrewlna l-ewwel opportunità biex inbiddlu il-ħin li fih naraw dak li qed jintwera fuq it-television. Għall-ewwel darba stajna naraw dak li rridu minn fuq it-television x’ħin irridu aħna u mhux neċessarjament x’ħin jixxandar għall-ewwel darba. U ma’ din l-opportunità kien hemm ukoll immedjatament il-possibilità li tara l-istess ħaġa kemm-il darba trid int; sakemm ma jitħabbillekx it-tape fil-video recorder.

Il-video u l-mużika kellhom ħajja ferm aktar feliċi fuq it-television milli għall-kollezzjonisti tad-diski matul is-snin 80. F’diversi pajjiżi barra minn Malta bdew jaraw l-MTV xi 10 snin sħaħ qabel ma dan kien introdott f’Malta fuq is-servizz il-ġdid tal-cable TV fil-bidu tas-snin 90. Xorta kien hemm xi programmi speċjalizzati darba fil-ġimgħa fuq diversi istazzjonijiet tat-television, bħal Mister Fantasy (fuq ir-RAI 1), L’Orecchiocchio (fuq ir-RAI 3), The Old Grey Whistle Test tal-BBC u l-produzzjoni lokali TeleDisco; dawn it-tnejn tal-aħħar fuq Television Malta, sinteni. Ftakru li konna għandna b’stazzjon wieħed Malti, però sal-bidu tas-snin 80 kellna għażla kbira ta’ stazzjonijiet Taljani. Apparti dawn kien hemm programm partikolari ta’ kuljum imfittex ferm mis-segwaċi tal-mużika popolari ta’ dak iż-żmien. Qed nirreferi għal DeeJay Television li kien beda fuq Canale 5 qabel qaleb għal fuq l-Italia 1.

L-idea ta’ DeeJay Telelvision kienet ta’ Claudio Cecchetto li kien ħoloq ukoll id-Deejay’s Gang li kienet tinkudi lil Sandy Marton, Tracy Spencer, Kay Rush, Jovanotti, Fiorello, Linus, Albertino, u Gerry Scotti, fost oħrajn. Kien stramb li aktar kienu juru videos ta’ diski Inġliżi u Amerikani milli Taljani. Għalina f’Malta dan kien wieħed mill-ftit modi, jekk mhux l-uniku wieħed, li kellna biex naraw tant minn dawk il-music videos li kienu jiċċirkolaw regolarment fuq l-MTV matul is-snin 80. Ma domniex wisq biex kif konna noqgħodu nirrekordjaw id-diski bir-radio cassette qabel, issa bdejna nagħmlu l-istess ħaġa bil-video cassette recorder.

Fl-istess waqt tfaċċaw f’xi djar Maltin għall-ewwel darba is-CD u l-kompjuter. Tajjeb infakkru li għall-ewwel snin li fihom kienu jeżistu is-CDs, dawn ma kontx tista’ ddoqqhom permezz tal-kompjuter. Dan biex ma nidħlux fil-kwistjoni ta’ kif il-kompjuter dam ma jidħol fis-suq Malti għax kien hemm il-biża li dan se jtellef ix-xogħol lill-ħaddiema. L-ewwel kompjuters fid-djar kienu użati kważi esklussivament għal logħob primittiv u sempliċi, jew għal dawk li riedu jitgħallmu jipprogrammaw b’xi lingwa relattivament semplici bħall-Basic. Altru li jtellfu ħobż il-ħaddiem Malti.

Kien f’dan l-ambjent li ddeċidejt li nsiefer għall-ewwel darba. Propjament din ma kienetx l-ewwel safra tiegħi. Irrid ngħid li meta kont għadni anqas għamilt il-praċett, ommi u missieri kienu ħaduni magħhom xi ħmistax l-Ingilterra. Illum nifhem li kont għadni żgħir wisq biex napprezza dik is-safra. Naf biss li kont hemm għax rajt xi ritratti li ħa missieri li jfakkruni f’dan. Il-memorja diretta tagħha tliftha kważi għall-kollox. U għalhekk tista’ tgħid li meta fil-ġimgħa tal-Għid tal-1988 mort Londra ma’ Immanuel Mifsud din kienet l-ewwel safra propja tiegħi.

Għalkemm jien ma kontx imdorri nsiefer bħalu, qbilna li ma nogħodux flimkien matul il-ġurnata. Dan biex inkunu nistgħu mmorru fejn irridu u naraw li rridu mingħajr kompromessi bejnietna. Jien kont mort il-mużewijiet tal-arti prinċipali kollha, anke għax id-dħul kien bla ħlas. Irnexxieli wkoll nixtri xi biljetti relattivament irħas biex immur nara xi produzzjonijiet teatrali li ġibduli l-attenzjoni fit-Time Out; iżda m’għadni niftakar ebda waħda minnhom.

Bejn il-mużewijiet u t-teatri kont għamilt siegħat sħaħ fil-ħwienet tad-diski. L-HMV, it-Tower Records, u l-Virgin Megastore kienu qishom supermarkets tad-diski; u Malta bil-kemm konna għandna rajna supermarkets tal-ikel dak iż-żmien, aħseb u ara ħwienet kbar li jbiegħu biss diski, magazines, kotba, u affarijiet li għandhom x’jaqsmu mal-mużika. Skoprejt ukoll numru ta’ ħwienet tad-diski żgħar. Uħud minnhom kienu jispeċjalizzaw f’tipi partikolari ta’ mużika filwaqt li oħrajn kienu jbiegħu biss diski użati, jew kif jgħidulhom, second-hand.

Flus biex nixtri d-diski ma kellix wisq. Fis-CDs sibt li tal-anqas kien hemm anqas problema ta’ spazju meta tixri d-diski biex iġġorrhom lura lejn Malta. Kien għalhekk ukoll li bdejt inħares esklussivament lejn dawn it-tip ta’ diski meta mmur fil-ħwienet. Ma naħsibx li kont għandi akkwistajt CDs f’Malta f’dak iż-żmien. Ikolli ngħid li l-ewwel CDs li xtrajt minn Londra waqt dik iż-żjara kienu fost l-ewwel CDs tiegħi. Niftakar il-ħanut li xtrajthom minnu: Reckless Records ta’ Upper Street f’Islington. Dan kellu ħanut ieħor f’Soho, li għadu hemm sal-lum, imma dan ta’ Islington kien għalaq meta il-kirjiet tal-ħwienet f’Londra saru eżorbitanti wara s-sena 2000. Id-diski tar-Reckless kollha kienu second-hand iżda din żgur li ma kienetx problema għas-CDs daqs kemm kienet għad-diski tal-vinyl.

Fost l-ewwel CDs li xtrajt kien hemm ir-Requiem ta’ Mozart f’interpretazzjoni tal-Kor tas-Subien ta’ Vienna kif ukoll is-soundtrack tal-film Absolute Beginners bil-mużika ta’ Gil Evans u l-parteċipazzjoni ta’ mużiċisti stabbiliti li jvarjaw minn David Bowie sa Miles Davis. Kont xtrajt ukoll l-album The Beating of Wings tal-kompożitur kontemporanju Andrew Poppy fuq it-tikketta tad-diski ZTT.

Iz-ZTT hija tassew ditta tad-diski speċjali. ZTT hija abbrivjazzjoni ta’ Zang Tumb Tuum li huwa isem derivata mill-poeżija futurista Zang Tumb Tumb ta’ Filippo Tommaso Marinetti. Bis-saħħa t’hekk sirt naf aktar dwar il-Futuristi Taljani. Ħadt interess kbir fihom tant li bdejt nipprova nifhem il-filosofija tagħhom, b’mod partikolari il-perspettiva partikolari li kellhom fuq l-arti u l-politika. Ma stajtx nifhem kif kienu tant miġbudin lejn il-gwerra (fil-każ tagħhom, l-Ewwel Gwerra Dinjija) sa ma qrajt il-manifest ta’ Luigi Russolo L’Arte dei Rumori. Komplejt nifhem meta tgħallimt dwar l-affinita li kien hemm bejn il-Futuristi Taljani u l-Vorteċisti f’Londra. Dawn tal-aħħar kienu jiltaqgħu propju fi Bloomsbury, fejn konna krejna kamra f’lukanda rħisa biex noqgħodu matul dik il-ġimgħa tal-Għid tal-1988.

Il-biċċa l-kbira tan-nies li ma jinteresshomx il-Futuristi aktarx jafu li (kienet) teżisti z-ZTT Records bis-saħħa ta’ Frankie Goes to Hollywood, speċjalment b’Relax jew Two Tribes. Oħrajn forsi jafu ukoll bid-diski popolari ta’ Grace Jones jew il-grupp The Art of Noise minn nofs is-snin 80. Jekk ZTT hija iceberg allura dawn id-diski popolari huma biss l-parti ta’ fuq ta’ din il-blokka silġ mill-aktar friska.

Leave a comment...