Skip to content

07. Turufnament

Dom Mintoff kien isejjaħ l-emigrazzjoni tal-Maltin lejn artijiet oħra turufnament. It-tifsira ta’ din il-kelma aktarx li tingħaraf aktar, speċjalment fost il-ġenerazzjonijiet iżgħar minni, fil-verżjoni l-oħra kif użata fil-Malti: eżilju. Li titlaq minn Malta f’ċertu żminijiet fl-istorja ta’ pajjiżna ċertament li ma kienetx għażla ħafifa. Irrid ngħid, għalkemm illum fost ir-raġunijiet li nitilqu minn Malta għad hemm l-idea li nsibu xi forma ta’ futur aħjar minn dak li qatt jista’ jkollna f’Malta, fi żminijiet oħra l-emigrazzjoni kienet xi ħaġa marbuta ma’ ħarba mill-faqar materjali u min-nuqqas ta’ xogħol.

Lil titlaq minn Malta għal xi wħud kien jinħass ukoll bħala forma ta’ falliment. Qed titwarrab minn fejn twelidt. Qed tersaq lejn it-tarf tal-univers li fih trabbiet ir-razza u r-radika li kont ġej minnha. L-emigrazzjoni mhux dejjem kienet għal kollox – dak li l-Ingliżi b’mod stramb għalmuna ngħidu “for good”. What’s so good about being exiled? Sa minn żmien Ulied in-Nanna Venut fl-Amerika, jekk mhux qabel ukoll, kien hemm parti mill-istorja kienet tinvolvi lil dawk li jiġu lura minn barra wara li jkunu għamlu ftit flus sew. Xi drabi oħra kienu jiġu għal raġunjiet anqas feliċi ukoll.

Fuq iż-żewġ naħat tal-familja tiegħi għandi każi ta’ turufnament minħabba l-emigrazzjoni. Sa fejn naf jien, m’hemmx stejjer interessanti biżżejjed li fuqhom issejjes xi rumanz, imqar jekk wieħed irħis; jew forsi l-gosti tiegħi naqra limitati. Niesi kienu nies mill-aktar ordinarji li marru f’artijiet oħra jfittxu ħajja aħjar minn dik li emmnu li seta jkollhom f’Malta jew Għawdex. Anke qabel il-gwerra għandna stejjer ta’ avventuri barra minn Malta fil-familja, imma l-biċċa l-kbira huma ta’ zijiet li marru lejn l-Awstralja. U kważi kollha baqgħu hemm ukoll.

Niddubita hawnx xi ħadd f’Malta li m’għandu assolutament ħadd f’ħajtu li b’għażla personal jew le kien iturufnat lejn xi art oħra għal dejjem, jew tal-anqas għal numru ta’ snin. Jekk int m’għandekx għidli ħalli nikkoreġi din l-impressjoni żbaljata.

Dan kollu jorbot ukoll mal-vjaġġ mużikali li qed nagħmel f’din is-sensiela, sintendi. Fis-snin 50, ħu missieri kien emigra mal-familja tiegħu l-ewwel lejn l-Ingilterra u aktar tard lejn il-Kanada. Hu biss ġie lura Malta fil-bidu tas-snin 70 u miegħu, flimkien ma’ ħafna stejjer, ġab miegħu ukoll għad ta’ cassettes b’mużika li kienet popolari fil-Kanada fis-snin sittin. Kien permezz ta’ dawn il-cassettes li smajt sew għall-ewwel darba l-Beatles. Biex inkun aktar preċiż, irrid ngħid, smajt aktar minn dak li kien jindaqq fuq ir-radju jew fil-jukebox. Niftakar li l-ewwel diska “ġdida” tagħhom li kont smajt fuq dawn il-cassettes kienet Glass Onion. Mid-dehra kien cassette tal-album l-abjad tagħhom, u Back in the USSR kont diġà nafha mill-jukebox filwaqt li Dear Prudence, għal xi raġuni, kienet maqbuża. Glass Onion għandha ħoss differenti ħafna, speċjalment meta tqis li warajha eżatt fl-istess album hemm Ob-la-di Ob-la-da, oħra li kont naf diġà mill-jukebox fil-verzjoni tal-Marmalade.

Min-naħa l-oħra tal-familja għandi memorji vagi ta’ żjarat fil-Port il-Kbir biex naraw xi vapur jew ieħor ħiereġ bl-emigranti, inkluż xi wieħed minn ħut ommi sejjer lejn l-Awstralja. Il-mużika hawn marbuta aktar ma’ diska li f’dak iż-żmien kienet tindaqq ħafna fuq ir-Radju ta’ Malta, kif kien jismu dak li llum nafuh bħala Radju Malta, li kien għadu kemm jiftah. Wieħed mill-ewwel suċċessi kbar ta’ Freddie Portelli mal-Black Train kienet propju diska dwar it-turufnament tal-emgrazzjoni maħruġa fuq it-tikketta tar-Record Centre. Fuq din it-tikketta ħarġu ħafna diski popolari Maltin tas-snin 70; fosthom, Imħabba f’Kemmuna ta’ Frank O’Neill, Żepp u Grezz ta’ Enzo Gusman, oħrajn tal-kantanti John Laus (inluż Tiġrija Bejn Żewġ Muturi) u Renald Abela (bħal Ajjut u Ħruq), kif ukoll Ninni La Tibkix Iżjed għal żmien il-Milied, u l-innu tal-Ħamrun Spartans ta’ Tony Agius u Spiru Zammit.

Din id-diska twassalni ukoll għall-ewwel memorji tar-radju fis-snin 70, li se jiftaħ kapitlu ġdid f’dan il-vjaġġ għada, aktarx b’xi nofs tużżana posts oħra minn dawn. Dan jifrex mill-faxxinu għall-ħsejjes ta’ daqq u vuċijiet ħerġin minn ġo kaxxa sa dik li eventwalment kienet l-ewwel parti tal-karriera professjonali tiegħi bħala xandar, li tispiċċa bit-turufnament tiegħi ukoll fil-bidu tas-snin 90.

Leave a comment...