Skip to content

06. Doqqli Waħda ta’ Elvis

Għalkemm fil-jukebox kellna ħafna diski ta’ Elvis, illum mhux se nikkonċentra daqstant fuq id-diski tiegħu li trabbejt nisma’ b’dak il-mod biss. Elvis kien wieħed minn ftit li marru mir-record player t’ommi għat-tape recorder ta’ missieri meta ċertu Neville li kien iffissat fuqu kien sellifna xi LPs tiegħu. Tajjeb ngħid mill-ewwel però li qatt ma kont fan ta’ Elvis anke jekk sibt partijiet varji mill-ħajja tiegħu interessanti u wħud mid-diski tiegħu huma fost dawk li nemmen li huma sinifikanti fl-istorja tal-mużika popolari tas-seklu l-ieħor. Per eżempju, Heartbreak Hotel jew Jailhouse Rock juru biċ-ċar li dak il-ħoss tas-snin 50 kien xi ħaġa verament differenti minn kull ma ġie qabel u li ħalla impatt fuq ħafna oħrajn li ġew warah.

Rajt ħafna mill-films li fihom jidher Elvis ukoll. Apparti King Creole, li għalija huwa ġawrha ċinematografika, l-oħrajn kollha kważi qishom kollha film wieħed bl-istess karattru; skuża biex naraw lil Elvis ikanta fl-era qabel tfaċċaw il-music videos. Elvis żgur li ma kienx attur tal-kalibru ta’ Sinatra. Il-vantaġġ prinċipali ta’ Elvis naħseb li dejjem kien id-dehra tassew fotoġenika tiegħu.

Id-dehra ta’ Elvis fenomenu kumpless ħafna. Kien diffiċli ferm għalija, ta’ tifel żgħir li kont fl-aħħar snin ta’ ħajtu, nifhem kif dak ir-raġel oħxon li bil-kemm jiflaħ jiċċaqlaq, li konna naraw fuq it-television jew f’xi ritratt fil-gazzetta minn żmien għal żmien fis-snin 70, kien l-istess wieħed li ġennen tant nies fil-films tiegħu fl-għoxrin sena ta’ qabel.

Ftit wara li miet kien tfaċċa f’idejja ktieb jismu Elvis – What Happened? miktub minn tliet bodyguards – kif kienu jissejħu s-security dak iż-żmien – li ħadmu miegħu matul ħafna mill-karriera tiegħu. F’dan il-ktieb jirrakkontaw diversi stejjer xokkanti li jispjegaw sew mhux biss kif Elvis inbidel fid-dehra fiżika tiegħu fl-aħħar snin, imma ukoll x’wasal għal mewt tiegħu fl-età ta’ 42 sena. Naħseb dan il-ktieb kien l-ewwel wieħed li qatt qrajt dwar xi kantant jew esponent ieħor mid-dinja tal-ispettaklu, anke jekk ma nimmaġinax li fhimt kull ma kont qed narqra fih. Kien ktieb maħruġ ftit ġimgħat wara li miet Elvis f’Awwissu tal-1977 biex jikkapitalizza fuq l-interess kbir li jqum madwar xi ċelebrità meta jħalli din id-dinja. B’dan il-ktieb bdejt nifhem li hemm dinja oħra fil-qasam tal-ispettaklu ‘l hinn mid-dwal u x-xinxili li jidhru quddiem in-nies.

Meta mort ngħix l-Amerika fis-snin 90, iltqajt m’Elvis hemm ukoll, sintendi. Dan ħassejtu anke jekk ma żortx Graceland, id-dar fejn kien jgħix fl-aħħar snin ta’ ħajtu u fejn huwa midfun, kif għamlet ommi ma’ missieri l-ewwel darba li ġew jarawni fis-snin li kont ngħix l-Amerika. Eżempju mill-aktar ċar ta’ dan huwa show li kont mort nara fil-belt ta’ Richmond fl-istat ta’ Virginia lejn nofs is-snin 90. Dan kien minn grupp jismu Mojo Nixon and the Toad Lickers. L-istil mużikali tagħhom jissejjaħ psycobilly – varjazzjoni kontemporanja fuq ir-rockabilly li minnu ħareġ Elvis fis-snin 50. Mill-ewwel bsart li Elvis ma kienx bogħod wisq waqt dan il-kunċert. Kif appena spiċċaw l-ewwel silta tagħhom, Mojo Nixon dawwar il-kitarra tiegħu biex jurina żaqqha u fuqha kien hemm miktub “Dean Martin is My God”. Xi ftit wara wasalna għal kanzunetta jisimha Elvis Is Everywhere, u l-sala li konna fiha spoldiet tkanta kollha f’daqqa.

Każ ieħor f’dawn l-istess żminijiet kien dak tal-grupp Dread Zeppelin magħrufa sew fl-Istati Uniti bħala grupp li jinterpreta d-diski tal-Led Zeppelin f’arrangamenti reggae, esegwiti minn kantant jismu Tortelvis li huwa verżjoni sofistikata ta’ dawk li jissejħu Elvis impersonators. Il-mashup ta’ Heartbreaker ma’ Heartbreak Hotel huwa tassew sublimi.

Insomma, Elvis kien u sa ċertu punt għadu dejjem f’ħajti, b’xi mod jew ieħor. naturalment ma jgħinx il-fatt li ma niddejjaqx nisma’ d-diski ta’ Mojo Nixon u Dread Zeppelin meta jkolli aptit xi ħaġa differenti mingħajr ma niddevja wisq mill-imperjaliżmu kulturali Anglo-sassonu jew Amerikan.

Leave a comment...